In-Number One!


Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar il-Ħamis, 16 ta’ Ġunju, fil-Knisja tagħna l-Kapuċċini f’Għajn Dwieli, kelli l-grazzja li nqaddes il-quddiesa tat-tfal fil-ġimgħa ta’ festi f’ġieħ Sant’Antnin ta’ Padova.

It-tfal ifakkruni f’dak li kien iħobb jagħmel il-Papa Emeritu, Benedittu XVI, qabel kien jagħti xi lecture fl-università: l-ewwel kien jaqsam it-tagħlim ma’ oħtu. U, jekk oħtu kienet tifhmu, allura kien ikollu ċ-ċertezza li l-istudenti kienu se jifhmuh żgur. It-tfal huma sfida għalina s-saċerdoti. Għax iniżżluna mill-ħafna teoriji u kliem tqil biex ngħaddulhom il-messaġġ tal-vanġelu bl-aktar mod sempliċi u li jinftiehem.

Ħadt gost ħafna nisma’ l-kant sabiħ li Patri Joe Giuliano OFM Cap, flimkien mal-istudenti tagħna, bdew il-quddiesa bih. Fil-bidu kantaw li l-Mulej huwa n-Number One. Dan il-ħsieb sammarni. L-għaliex, jiena u riesaq lejn l-altar, waqt li bdejt nisma’ il-kelma number one, ħaġa għaddiet minn moħħi: l-għaliex hawn tant problemi fid-dinja illum? L-għaliex familji u, saħansitra, komunitajiet sħaħ, jinsabu mifrudin? L-għaliex hawn tivvampja daqshekk vendetta? L-għaliex minn xagħra jew mid-dgħjufija ta’ xi ħadd qiegħdin jinbnew stejjer kbar? L-għaliex il-Mulej m’għadux in-Number One fostna!

U x’jiġri meta ma jkunx in-Number One? Jiġri eżattament dak li jitħaddet dwaru San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Galatin f’kapitlu 5. Fi ftit kliem, meta l-Mulej ma jibqax in-Number One arahom deħlin, wieħed wara l-ieħor, dawn l-ispirti ħżiena li qed jisirqulna x-xena: “Żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn” (Gal 5:19-21). Huma dawn l-ispirti ħżiena li jġibu tant niket. Inisslu tant inkwiet. Jaqsmu tant qlub. U, minn Number One, jitfgħuna fl-abbissi! Mhux l-għaliex il-Mulej irid jikkastigana tafux! Imma huwa aħna stess li qed nispiċċaw fid-dlam. U d-dlam mhux tad-dlam itik?

Minn naħa l-oħra li nkunu Number One hija xi ħaġa ferm sabiħa! L-għaliex il-Mulej innifsu huwa n-Number One! Mela, li nkun Number One ma jfisser xejn għajr li nkun bħalu. Imma, ngħid jien, bħalu f’hiex? Il-vanġelu tal-ġurnata tassew għeni biex insib, fil-prattika tal-ħajja u mhux fis-sħab tat-teoloġija spekulattiva, x’jiġifieri nkun bħall-Mulej, in-Number One!

Fil-vanġelu skont San Mattew, li kien il-vanġelu tal-Ħamis, 16 ta’ Ġunju, qrajt dan il-kliem ta’ Ġesù:

“Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu. Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom. Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’ Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom” (Mt 6:7-15).

Mela, li nkun in¬-Number One għal Ġesù jfisser li naħfer. Għaliex, bħalma n-Number One, il-Missier tas-Sema, ħafirli u għadu jaħfirli u jibqa’ jaħfirli, daqstant ieħor jien għandi nibqa’ naħfer lil min għamilli d-deni. Tgħidlix: “Imma dak Alla u jien le!” Ġesu mhux qed jgħid hekk. Anzi! Ġesu qed jagħmel kundizzjoni: jekk naħfru niġu maħfura! Jekk le nibqgħu bla maħfra!
Forsi tgħidli: “Qtajt qalbi nitlob Patri! Nitlob kemm nitlob għalxejn!” Ħallini infakkrek ħaġa sieħbi: Tgħid hemm xi ħadd li għadek ma ħfirtlux minn qalbek? Hemm persuna li għadek iżżomm f’qalbek kontrieha? Jekk dan huwa l-każ se ngħidhielek kif iġagħlni nħossha Ġesu, għalija, l-ewwel wieħed: Jekk ma taħfirx tistenniex li l-Missier se jaħfirlek! L-għaliex ma jistax jagħtik rigal daqshekk kbir jekk int, biċ-ċaħda tal-maħfra tiegħek għal min weġġgħek, għadek ma lqajtux!

U mela għax ma nagħmlux ħaġa jiena u int sieħbi: ejja nkunu bħan-Number One, naħfru. Tibżax! Jekk insibuha diffiċli ħa nitolbuh: Number One, għinna naħfru ħa nkunu bħalek! Jekk nitolbuh b’sinċerita u b’qalb kbira n-Number One se jgħinna tant li jibda’ jaħfer fina u bina lill-oħrajn!

Imbagħad ħa nitkessħu li aħna … n-Number One!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: