Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Splużjoni ta’ Ferħ!

Splużjoni ta’ Ferħ!


Patri Mario Attard OFM Cap

Kull darba li nżurhom għid li se ddurni waħda sew! Lanqas nilħaq inpoġġi fuq is-sufan li ma tarahiex ġewwa irrankata għal fuqi! Lanqas biss tagħtini nifs! Kemm tilagħqli wiċċi!

Ara taħsbu li toqgħod tqis li jien Patri! Anzi! X’ħin tarani bil-libsa twila kannella aktar tirranka u ttir għal fuqi! U daqqa titlagħli mal-kapoċċ. Imbagħad tinżel straxxnata għal fuq saqajja. U meta ma jkollhiex il-ballun f’ħalqha ara ġejja tilgħabli mal-kurdun! Imnalla nżommu f’post wieħed l-għaliex nispiċċa mingħajru! Minn Patri insir Qassis! U daqskemm tabeż fuqi tħallili ruxxmata suf abjad imwaħħal maċ-ċoqqa! Tant li nistħajjilni aktar Patri Dumnikan milli Franġiskan!

Kemm niggustaha ċkejkna ċkejkna! U żegligija! Jekk fiha nofs metru twila u bi tletin ċentimetru għolja! Imma moħħha hemm! Ma jaħarbilha xejn! U tlaħħaq ma’ kulħadd! Biex niċċajta inħobb ngħidilhom li mhux li kien f’kull kunvent tagħna l-Patrijiet irabbu waħda minnhom! Din in-naqra ta’ kelba iġġib ferħ kbir! Ferħ tal-blieħ tafux!

Darba qgħadt ninnutaha kif tħossha meta tkun ferħana. Tafu li tibda’ titriegħed bil-ferħ li jkollha fuqha? Daqskemm tifraħ! Għajnejha u widnejha jkunu miftuħin beraħ! U dejjem lesta biex tilgħab miegħek ħa tagħmlek ferħan u ferħana. Ma’ dawn l-aħwa wasalt biex ngħidilhom li kelb fid-dar huwa mediċina mill-aqwa kontra s-solitudni. Persuna darba qaltli li meta kienet tkun imdejqa l-kelba tagħha kienet tidħol ħdejha fuq is-sodda u toqgħod ma’ ġenbha. Tagħmlilha kumpanija!

Kemm għallmittni din in-naqra ta’ kelba! Kemm hemm bżonn nitgħallmu nieħdu gost bil-kumpanija ta’ xulxin! Li ntiru bil-ferħ u mhux nirtgħodu bil-biża’ meta naraw lil xulxin! Kemm inweġġa’ meta nisma’ persuni li, b’mod sarkastiku, jgħaddu mingħalihom biż-żmien lil dawk li jifirħu bl-oħrajn! X’fiha b’daqshekk imbilli wieħed jgħid lill-ieħor: “Ara min hawn?” Din mhix kwistjoni ta’ edukazzjoni sieħbi! U wisq anqas etikett. Jiena nista’ inkun edukat u mimli etikett kemm tridni. Imma lilek dipressat/a ħallejtek bil-pulitizza tiegħi kollha!

Le! Ejjew inkunu affabbli ma’ xulxin! U mbilli wieħed jgħolli naqra leħnu għax jifraħ b’ħaddieħor! Ikun qed jagħmel l-aqwa ħaġa: jerġa’ isir tifel! Tifla! Taf x’naf ingħid li meta xi nies lil Ġesù “ressqulu quddiemu xi tfal żgħar biex iqiegħed idejh fuqhom u jitlob għalihom [u l-għorrief ta’] d-dixxipli qabdu jgħajjtu magħhom” (Mt 19:13) Ġesù x’qalilhom? Żgur li ma qalilhomx: “Agħmiltu sewwa! Dan mhux etikett! U edukazzjoni?!” Imma qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 19:14)!

Kemm togħġobni r-riflessjoni li għamel il-Papa Franġisku nhar l-24 t’April 2014 meta tħaddet fuq il-ferħ tan-Nisrani!

“Din hi marda tal-insara. Nibżgħu mill-ferħ. Nippreferu naħsbu: Iva, iva, Alla jeżisti, imma qiegħed hemm, Ġesù qiegħed hemm. Ftit bogħod. Nibżgħu mill-qrubija ta’ Ġesù għax dan itina l-ferħ. Hekk nistgħu niddeskrivu lil ħafna nsara wiċċ ta’ funeral, mhux hekk? Li ħajjithom qiesha funeral il-ħin kollu. Jippreferu d-dwejjaq u mhux il-ferħ. Jimxu aħjar mhux fid-dawl tal-ġurnata imma fid-dell, bħal dawk l-annimali li joħorġu biss billejl, mhux fid-dawl tal-ġurnata, ma jaraw xejn, bħall-friefet il-lejl. U bi ftit sens ta’ umoriżmu nistgħu ngħidu li dan huma nsara ‘friefet il-lejl’ li jippreferu d-dell mid-dawl tal-preżenza tal-Mulej.
Imma Ġesù, bil-qawmien tiegħu jagħtina l-ferħ; il-ferħ li aħna nsara, il-ferħ li nimxu qrib tiegħu, il-ferħ li nimxu fit-triq tal-Beatitudnijiet; il-ferħ li nkunu miegħu”.

Grazzi Bea li bik il-Mulej jgħallimni nkun ferħan u nifraħ b’kulħadd bħalma tagħmel int! U ħa ngħidlek ħaġa: meta narak ħa nibqa’ nitfagħlek l-ilma mbierek ħalli dejjem tibqa’ … splużjoni ta’ Ferħ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: