Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Taf x’qed niftakar?

Taf x’qed niftakar?


Patri Mario Attard OFM Cap
Ta’ 43 sena qatt ma ħlomt li kont se ngħaddi minn din l-esperjenza sabiħa. Esperjenza li ġġagħlni kuljum napprezza dan ir-rigal imprezzabbli li jismu “ħajja”.

Mhux l-ewwel darba li nkun għall-kwiet. Fis-skiet. Fil-baħħ vojt u mimli. Fl-istorbju tas-silenzju. U, minn dan l-istorbju, nara tiġi misluta quddiemi xi ġrajja. Donnha clip tal-You Tube. U f’dan il-clip nara xi esperjenza li nkun ġarrabt. Jekk din l-esperjenza tkun sabiħa ibqgħu ċerti li se ngħaddi l-bqija tal-ġurnata ferħan. Fil-paċi. Filwaqt li jekk il-clip tkun ta’ niket, għalkemm il-paċi tibqa’ f’qalbi, nitnikket xorta waħda. Bħal ħaddieħor.

Il-memorja. Dik il-fakultà li biha l-bniedem jiftakar. Int u jien iva niftakru. Niftakru informazzjoni. Numri. Ismijiet. Siltiet sħaħ minn kotba. Jew konverżazzjonijiet li kellna fl-imgħoddi. Inkella xi dehra sabiħa ta’ pajsaġġ li nkunu rajna u li tkun weħlet ma’ moħħna. Niftakru t-tajjeb u l-ħażin. Niftakru l-mumenti fejn konna b’saħħitna u flaħna neqilbu kantuniera. U, niftakru wkoll, meta aħna ġejna rikoverati fl-isptar. Jew mixħutin f’qiegħ ta’ sodda bil-mard.

Niftakru meta xi ħadd, l-għaliex iħobbna, ġibidna fil-ġenb u qalilna kelma li għadha magħna sallum. Kelma ta’ ġid. Kelma li, għall-ewwel, żgur li ma niżlitilniex xi balzmu. Imma, meta gerrbu s-snin, dik il-kelma saret tiswa mitqlu deheb. L-għaliex iż-żmien dejjem jibqa’ l-aqwa avukat li miegħu ħadd ma jista’ joħodha. Bravu kemm hu bravu. U jgħawweġ kemm jgħawweġ il-verità.

Inkunu qegħdin nitħaddtu. U jien, ferħan se ntir, inwaqqfek: “Taf x’qed niftakar?” U wiċċi jissokta jiħmar bħal pepprina. L-għaliex il-ferħ ferħ jagħtik. Il-ferħ iġagħlek tixgħel. Bħalma tixgħel ix-xemx ħanina bir-raġġi tagħha. Li m’għandhom x’jaqsmu xejn mat-tubi tal-elettriku, sbieħ kemm huma sbieħ, li għandna fid-djar u l-kunventi tagħna. In-natural m’hawnx aqwa minnu!

U x’inhu n-natural? Li niftakar kemm nista’ f’esperjenzi li lili jkunu bnewni. Esperjenzi li jsaħħuni. Esperjenzi li jnissluli tbissima. Avolja mħallta b’dik id-demgħa sħuna sħuna u mnikkta għal xi ħadd li llum m’għadux magħna. Il-ħajja sabiħa! Minkejja t-telgħat wieqfa tagħha. U proprju l-għaliex jeżiżtu dawn it-telgħat li hu tassew importanti li niftakru fl-esperjenzi li lilna jagħtuna l-ħajja.

Hekk, ngħidu aħna, esperjenza sabiħa li għadni niftakar hija l-mawra sabiħa li kont għamilt fil-Montenegro. Niftakar li konna irħejnielha minn Medjugorje lejn post jismu Ostrog. F’dan il-post muntanjuż jinsab monasteru Ortodoss li fih hemm il-korp sant ta’ San Bażilju ta’ Ostrog. Għadni sallum niftakar f’din l-esperjenza ħa nieħu kuraġġ bil-qabda minnha! Niftakar li aħna u sejrin fil-coach bdejna naraw il-film ta’ San Ġwann XXIII.

Biex tgħaxxaqha l-pajsaġġ ta’ barra tassew għenni nidħol fl-ispirtu tal-film li kont qed nara. Xi ġmiel ta’ muntanji u xmajjar rajt b’għajnejja! X’paċi kienet tinħass barra! Kien l-għada tal-festa tal-Milied. Is-sliem ta’ din il-festa unika kien għadu jmelles lil din l-art ħelwa u ta’ ġmiel li ma tfissrux. Imbagħad, meta wasalna f’Ostrog u tlajna l-monasteru, sewwasew ħdejn il-korp sant ta’ San Bażilju, il-monaku Ortodoss, li ma kontx ittih aktar minn ħamsin sena, b’dik id-daqna twila qastnija u b’għajnejn jixegħlu bil-ħlewwa tal-imħabba ta’ Kristu, dilek kull membru tal-grupp biż-żejt imqaddes. Ilkoll kemm aħna għamlilna s-sinjal tas-salib fuq moħħna.
Niftakarni nieżel minn dan il-monasteru ferħan se ntir. L-għaliex dak kollu li għalija qabel ma kien xejn għajr ħolm issa rajtu jintiseġ quddiemi fir-rejaltà. Din l-esperjenza saħħitni bil-wisq aktar f’dak li hemm jistenna lili u lilek fis-sema. L-għaliex jekk f’dinja mifluġa bil-gwerrer tinstab din is-sbuħija kollha mela aħseb u ara x’hemm f’Ġerusalemm tas-Sema?

Meta tkun għaddej\ja minn żmien iebes ftakar f’dawk l-esperjenzi li lilek inisslulek kuraġġ. Ferħ. Paċi. Tama. Żurhom mill-ġdid! U tara kemm dawn huma riżorsi li bihom, iebsa kemm hi iebsa u mħabbta kemm hi mħattba t-triq li għandek quddiemek, fl-aħħar se tasal bil-barka!

Mela, … ftakar fil-ġid!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: