Il-ħsieb


Patri Mario Attard OFM Cap

Dak li jagħmel bniedem bniedem. Dak li jerfa’ lill-bniedem ‘il fuq minn dak li hu materjali. Ħafna ‘l fuq minn dak li hu sempliċiment stimolu u tweġiba għal dak l-istimolu. Bħalma jiġri, wara kollox, fid-dinja annimaleska.

Il-bniedem, għax imdawwal bi ħsibijietu, jista’ imbagħad jindirizza aħjar lir-rieda tiegħu. Din hija xi ħaġa li l-annimali m’għandhomx. Għadni ma rajt l-ebda annimal li ma jimxix ma’ dak li jħoss bħala annimal. L-istint annimalesk huwa dak li l-annimal għandu. Imma ara l-bniedem ħaġa oħra. Kemm jista’ tabilħaqq jkun artistiku f’dak li jagħmel! L-għaliex ħsiebu għandu l-ħila jdawlu. Imexxieh. Ivarah lejn triq u mhux għall-oħra.

Bi ħsiebu l-bniedem jista’ jidħol f’sitwazzjonijiet li għalissa ma jistax jarahom. Ħsiebu jgħinu jgħix f’xenarji immaġinarji. Għalkemm, fil-verità, ma jkunu immaġinarji xejn. L-għaliex l-esperjenza kollettiva tal-ħajja, jiġifieri x’għaddew minnu bnedmin oħra bħalu, tkun għallmietu x’jista’ jiġri jekk dak li jiġri jfettillu jiġri. Jekk, ngħidu aħna, persuna taggredixxi persuna oħra. Jew il-persuna l-oħra tħalliha tagħmlilha ħajjitha infern jew inkella iċċempel lill-pulizija u hekk trażżanha. L-aħħar alternattiva hija dik li tieħu l-liġi b’idejha u tagħmel storja. Il-bniedem jaf li jekk ma jgħassisx daru l-ħallelin iżuruh u jżarmawh. U fejn jafhom dawn l-esperjenzi? Jew l-għaliex jkun għadda minnhom hu. Inkella għadda minnhom ħaddieħor qablu u hu jsir jaf bihom.

Il-ħsieb jagħmel lill-bniedem dinjituż meta jaħseb fil-batuti. Kemm hu sabiħ li wieħed imur jara lill-anzjani jew iżur lill-morda. U għax imur? U mhux l-għaliex jaħseb fihom? L-għaliex, bi ħsiebu, ipoġġi lilu nnifsu fiż-żarbuna tagħhom stess? Il-ħsieb jaf jgħallem lill-bniedem ir-regola tad-deheb. Jiġifieri li nagħmel lil ħaddieħor dak li ħaddieħor nixtieq li jagħmel lili. Nixtieq min jiġi iżurni? Min iċempilli ħa jara kif jien meta nkun marid u marida? U ngħidx li nixtieq! Mela ħa nagħmel hekk lill-oħrajn.

Imma l-ħsieb ġieli jitfa’ lill-bniedem ġo sqaq li jispiċċa jmarrdu. Proprjament iġennu! Immaġina jekk jiena l-ħin kollu naħseb li se naqa’ u immut minn ħin għall-ieħor. Inkella li meta nkun fit-triq se tgħaddi minn fuqi xi karozza. Ara ftit kif nagħmel ħajti u ħajjet dawk ta’ madwari infern! Dejjem beżgħan/a! Tant li ma nista’ immur imkien! L-istess bħalma jiġrilhom dawk li jibżgħu jidħlu f’lift l-għaliex jibżgħu li se jifgaw fih. Hawn tant persuni li jużawh il-lift? Miljuni! U qatt ma ġralhom xejn! Il-moħħ hux!

U, fl-aħħar nett, hawn min minflok li juża moħħu biex juri l-ġmiel tan-natura ta’ madwarna u dik umana u jfissirha fuq it-tila inkella f’biċċa skultura arah juża moħħu biex jeqred massa ta’ nies. X’offiża kbira għall-ħsieb tal-bniedem il-kampijiet tal-isterminju! X’ġerħa fonda huma l-bombi atomiċi u kimiċi! X’qerda tal-massa ħsieb il-bniedem jaf iġib meta użat ħażin!

Madankollu l-bniedem qiegħed f’salib it-toroq. Jew li juża’ ħsiebu għat-tajjeb, għall-progress u għall-ġid. Inkella għall-ħażin, għall-qerda u għall-ħsara. Sieħbi, ibda’ aħseb pożittiv fil-ħajja! Ibda’ aħseb f’dak li hu sabiħ! U jekk inti Nisrani bħali ibda’ irraġuna kif għallmuni. Quddiem il-mard ngħid lil moħħi: “Jiena għandi l-ħajja u d-Demm ta’ Ġesù Kristu ġewwa fija!” Quddiem l-inkwiet lil moħħi ngħidlu: “F’Isem u fid-Demm ta’ Ġesù Kristu kollox sew qiegħed. Għax il-kobba inħallet u kollox reġa’ ikkalma!”

Agħti lil moħħok iklu! Ħsibijiet sbieħ! Pożittivi! U ta’ kuraġġ! U tara li, tkun f’liema maltempata tkun, dejjem toħroġ rebbieħ/a! Għax lil moħħok tkun tmajtu l-ikel tiegħu stess!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: