Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Bejn żewġ anġli!

Bejn żewġ anġli!


Patri Mario Attard OFM Cap

Nistħajlek tgħidli: “Iva Patri! Int xejn ma jaħrablek?” Ma nistax ħabib! Lanqas kieku rrid ma nista’. Għax kif nista’ inħalli l-ħwejjeġ jaħarbuli minn taħt imnieħri meta hu, il-Mulej, fil-Kelma setgħana tiegħu, kontinwament ifakkarni: “F’art imwarrba mar isibu, f’deżert waħxi u bla nies. Dar miegħu u ħa ħsiebu: ħarsu bħall-mimmi ta’ għajnejh” (Dt 32:10)?

Dan it-test m’hu qed jirreferi għal ħadd għajr għall-Poplu ta’ Iżrael. Biss jekk il-Mulej jieħu ħsieb biss lil Iżrael żgur li ikun fallut mill-kbar nett! Daqskemm hawn popli differenti mxerrda ‘l hawn u ‘l hemm fid-dinja x’jieħu ħsieb? Possibbli dawn mhux minn qalbu ħarġu? Mhux il-ħlewwa ta’ idejh sawwrithom? U, ngħid jien, dawn il-popli daqshekk kbar u mferrxa mal-erbat irjieħ tad-dinja mhux minn persuni huma magħmulin? U fost il-ħafna popli, li hawn fuq wiċċ l-art, m’hemmx ukoll l-poplu tagħna, il-Poplu Malti? U mhux kull Malti u Maltija huma għeżież għall-għajnejn il-Missier tagħna tas-Sema? Fosthom, ippermettuli dejjem, jien?

U hekk, l-għaliex konvint kemm il-Missier iħobbni u għandu bokka bija, daqskemm iħobbok u għandu bokka bik, il-ħin kollu nistħajlu jkellimni mill-kliem qawwija tas-Salm 91: “Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek” (Salm 91:10-12).

Jiena u dieħel f’kamarti fil-kunvent, ikun f’liema ħin ikun, biswit il-bieb man-naħa tax-xellug u tal-lemin tiegħu, jinsabu r-ritratti ta’ żewġ anġli li jħarsuni lejn u nhar. Żewġ anġli li, meta rajt ix-xbieha tagħhom għall-ewwel darba, ħassejt li kelli nfittex sewwa dwarhom. L-għaliex huwa sabiħ li nkun nafhom. Li nsir midħla tagħhom. Dawn iż-żewġ anġli ħbieb tiegħi, li nħosshom miegħi lejl u nhar, f’kamarti u barra minnha, m’huma ħadd għajr il-Kapuċċini qaddisin il-Beatu Diegu minn Cadice fuq in-naħa tax-xellug. U, fuq in-naħa tal-lemin, il-qaddis San Franġisk Marija minn Camporosso.

Beatu Diegu minn Cadice (1743-1801), il-predikatur Kapuċċin kbir Spanjol li l-priedki tiegħu kienu tant iħallu frott fil-qalb ta’ min jismagħhom. Il-ħeġġa kbira li kellu għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla kienet fula maqsuma ma’ dik tal-Ispanjol Dumnikan magħruf San Vinċenz Ferrer. F’ħajtu l-Beatu Diegu kien imfittex u mbierek l-għaliex kien ikkunsidrat donnu Sant’Antnin li reġa’ rxoxta.

Il-kliem tiegħu qajmu entużjażmu mill-aktar kbir. Il-knejjes li kien jippriedka fihom kienu saru wisq żgħar biex jesgħu l-ġmiegħi tan-nies li kienu jmorru bi ħġarhom biex jisimgħuh. Mhux l-ewwel darba li kellu jippriedka fil-beraħ fil-pjazzez. Inkella minn xi gallerija jew minn fuq xi palk. Il-leħen ħlejju u fl-istess ħin qawwi tiegħu kien jinstama’ ċar mill-bogħod. Il-qawwa ta’ dak il-leħen kienet ġejja minn qalb li kienet mimlija bl-imħabba taħraq għall-Mulej. Il-vuċi tiegħu kienet tikkonvinċi għax warajha kien hemm għejxien tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. Forsi għalhekk iva dik il-vuċi kienet tinfed il-qlub u tisraqhom għal Kristu.

Min jista’ jinsa l-għeluq irreżiżtibbli tad-diskorsi tiegħu? L-għeluq wara kull priedka ma kien ikun xejn għajr att ta’ ndiema, bi kliem differenti iżda dejjem bl-istess espressjoni li hija diffiċli li tfissirha bil-kliem. Il-Beatu kien jaqbad il-kurċifiss f’idejh, iħares lejh b’dik l-imħabba kbira li toħroġ minn qalb li tkun tat dak kollu li għandha għal min tħobb, u l-hena tiegħu kienet li joqgħod jitħaddet miegħu. L-istorja tal-Beatu Diegu tgħidilna li kien jippriedka mat-tlieta, erba’ jew ħames darbiet kuljum. U dejjem b’dik l-istess ħeġġa! L-aktar fil-missjonijiet popolari.
Il-predikazzjoni ħadietu għand kulħadd. Inkluż għand il-komunitajiet reliġjużi, is-suldati, il-priġunieri u l-maġistrati. L-għaqda tiegħu mal-Mulej għamlitu profeta tassew. Darba minnhom, f’Malaga, ħaġa biss seta’ jgħid lin-nies ta’ din il-belt: “Poplu ddiżgrazzjat! Belt xjagurata! Illum bejn il-ħitan u s-swar tiegħek saru għoxrin elf dnub mejjet, u fosthom tlieta enormi!” Għax kien jiddefendilu unuru l-Mulej kien miegħu!

Jekk fuq in-naħa tax-xellug ta’ bieb kamarti l-Kelma setgħana ta’ Alla hija nar bil-predikazzjoni tal-Beatu Diegu minn Cadice fuq in-naħa tal-lemin din l-istess Kelma tissarraf fi ħlewwa kbira ta’ ħajja msejsa fuq il-karità fil-persuna għażiża tal-Fra qaddis San Franġisk Marija minn Camporosso (1804-1866). Ma ninsa qatt il-kliem li kien qal fuqu Papa Piju XI fis-seduta perparatorja għall-beatifikazzjoni tiegħu. Huwa sellem lil Franġisk minn Camporosso bħala “patri umli li jfiġġ bħal koloss, bħal ġgant għal matul erbgħin sena ta’ ħajja qaddisa, u ta’ qdusija hekk partikularment diffiċli … konsolatur mingħajr ma jegħja, surmast u wieħed li jagħti parir lil tant erwieħ, lill-poplu sħiħ, lil iktar minn ġenerazzjoni waħda”.

Sa minn żgħożitu, Franġisk minn Camporosso, bin il-bdiewa, kien iħobb iqatta’ l-ħin tiegħu jew barra jirgħa n-nagħaġ inkella jitlob inkella jgħallem il-katekiżmu ta’ mparu. Kull naqra ħin li kien ikollu fuq idejh kien jagħmel minn kollox biex igħin lill-fqar. Dawn kienu l-imħabba kollha tiegħu: Jekk kien ikollhom bżonn tal-għajnuna fix-xogħol tal-għelieqi kien ikun lest biex jagħtihom daqqa t’id. Lill-fqar kien jagħtihom il-ftit flus li kien iġemma’ u kif ukoll il-ftit ġid li kellu.

Meta daħal il-kunvent fl-1825 Franġisk mhux biss ħa miegħu din l-imħabba taħraq lejn il-fqar imma, biż-żmien, din l-imħabba issuktat tikber sakemm tat frott li jibqa’. Meta daħal Kapuċċin huwa qal: “Jiena dħalt il-kunvent biex inkun l-annimal tat-tgħabija”. Meta s-superjuri tiegħu tawh l-uffiċċju fl-infermerija tal-kunvent u dak ta’ ċirkatur Fra Franġisk qeda l-idejal tiegħu bl-akbar imħabba. Ara taħsbu beża’ jew staħa jittallab mill-palazzi tal-għonja. Lanqas kien iħabbel rasu jew ma kien jaħsibha darbtejn biex iqassam il-flus tal-karità li kien jirċievi lill-fqar tar-raħal li fih kien ikun qed jagħmel iċ-ċirka. Għalkemm mhux l-ewwel darba li kien jispiċċa attakkat Fra Franġisk issokta jitlob il-karità għal ħutu l-Patrijiet fil-kwartieri diffiċli tal-port fejn kien jiġbor il-ġebel li kienu jwaddbulu u jbushom.

Bniedem bħal dan malajr affaxxina bil-bosta lin-nies, aktar u aktar meta bdew jinstegħmu l-mirakli, il-fejqan u l-konverżjonijiet li Franġisku Marija kien qed iwettaq. Iżjed mal-fama tiegħu bdiet tinxtered nies minn kull klassi tas-soċjetà bdew imorru għandu, lejl u nhar, għall-pariri fuq kull suġġett li wieħed jista’ jaħseb dwaru.

L-awsterità personali tiegħu flimkien mal-osservanza li kellu tal-faqar serqu l-imħabba u r-rispett ta’ ħutu l-Patrijiet. L-imħabba kbira li kellu għall-Verġni Marija kienet tassew kbira. Mhux l-ewwel darba li kien iqatta’ lejl sħiħ għar-rkupptejh jadura lil Ġesù Sagramentat. Permezz tal-ħobż, tal-pariri u tas-smiegħ mill-qalb Fra Franġisk Marija kien dejjem lest li jaqdi lil dawk li kienu qed ibatu u anki l-bżonnijiet ta’ dawk li Ġesù kien iġiblu f’ħajtu. Miet fl-epidemija tal-1866.

Il-Beatu Diegu jfakkarni f’dak li jgħid Ġesù lill-Appostli: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Filwaqt li f’San Franġisk Marija minn Camporosso nara ħaj dak li jgħid San Pawl: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7).

Dawn iż-żewġ anġli huma għalija żewġ ikoni oħra Kapuċċini tal-opri tal-ħniena tal-ġisem u tar-ruħ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: