Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > L-intervista ma’ La Croix

L-intervista ma’ La Croix


Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar it-Tnejn 9 ta’ Mejju, għeluq eżatt mill-ħmistax-il sena minn mindu San Ġwann Pawlu II żar il-pajjjiż għażiż tagħna fl-2001, Papa Franġisku kellu intervista mill-aktar interessanti mal-gazzetta Kattolika Franċiża La Croix. Din l-intervista saret fir-residenza stess tal-Papa Franġisku f’Casa Santa Marta fil-Vatikan.

L-intervista li ħadet aktar minn siegħa u li saret mill-ġurnalisti Guillaume Goubert u Sébastien Maillard, iffukat fuq sitt punti ewlenin. L-ewwel, l-għeruq Insara tal-Ewropa. It-tieni, l-emigrazzjoni. It-tielet, l-Iżlam. Ir-raba’ l-laïcité. Il-ħames, l-idejat tal-Papa fuq Franza. Is-sitta l-iskandli tal-pedofilija.

Fid-diskorsi tiegħu Papa Franġisku spiss jħobb jirreferi “għall-għeruq” tal-Ewropa mingħajr ma jikkwolifikahom li huma Insara. Il-Papa jiddefinixxi l-“identità Ewropeja” bħala waħda “dinamika u multikulturali”. Imma l-għaliex qatt ma jirreferi, b’mod speċifiku, għall-“għeruq Insara” tal-Ewropa? L-Isqof ta’ Ruma jammetti li t-ton tal-frażi “għeruq Insara” għall-Ewropa jista’ jinħass “trijonfalistiku”. Għalhekk jikkumenta:

“Iva, l-Ewropa għandha l-għeruq Insara u hija r-responsabbiltà Nisranija li issaqqi dawn l-għeruq. Imma dan għandu jseħħ fi spirtu ta’ servizz bħalma jseħħ fil-ħasil tar-riġlejn. Id-dmir tal-Kristjaneżmu għall-Ewropa huwa wieħed ta’ servizz… Fi ftit kliem is-servizz u d-don tal-ħajja. M’għandux ikun xogħol kolonjalistiku”.

Meta ġie mistoqsi dwar jekk l-Ewropa għandiex il-kapaċità li tilqa’ numri daqshekk kbar ta’ emigranti l-Papa qal li “din hija mistoqsija ġusta u responsabbli l-għaliex wieħed ma jistax jiftaħ beraħ il-fruntieri tal-Ewropa mingħajr ħsieb”. “Madankollu,” issokta Franġisku, “il-mistoqsija l-aktar profonda hija l-għaliex hawn daqshekk emigranti issa”. Wara li jsemmi r-raġunijiet tal-gwerrer, is-sottożvilupp u s-sistema globali dinjija immexxija mill-idolatrija tal-flus l-Papa qal li “l-agħar mod ta’ merħba [lill-emigranti] huwa li ‘niggettizzawhom’. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li nintegrawhom”. Biex isaħħaħ l-argument tiegħu l-Papa Franġisku semma l-fatt li t-terroristi fil-Belġjum kienu ulied tal-emigranti li trabbew f’ghetto. Il-Papa ukoll għamel referenza għas-sindku l-ġdid ta’ Londra, Sadiq Khan, iben emgiranti Pakistani, li ħa l-ġurament tiegħu tal-ħatra f’kattidral u bħala Sindku kien se jiltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta. Il-Papa qal: “Dan juri l-bżonn għall-Ewropa li tiskopri mill-ġdid il-kapaċità tagħha li tintegra. Qed niftakar hawnhekk f’Papa Gregorju l-Kbir (Papa 590-604) li innegozja man-nies imsejħa Barbari li, finalment, ġew integrati.”

Il-ġurnalisti imbagħad staqsew lill-Papa dwar l-Iżlam. Il-biża’ li l-emigranti jiġu aċċettati huwa biċċa minnu imsejjes fuq il-biża’ tal-Iżlam. Huma staqsew lill-Papa kemm il-biża’ li din ir-reliġjon Iżlamika qiegħdha titfa’ fl-Ewropa hija tabilħaqq ġustifikata. Il-Papa ikkummenta li “illum ma naħsibx li hemm biża tal-Iżlam bħala reliġjon daqskemm tal-ISIS u l-gwerer tagħha ta’ konkwista, li huma, biċċa minnhom, meħuda mill-Iżlam”. Għalhekk l-Papa ma ċaħadx “li l-ideja ta’ konkwista qiegħdha fl-Iżlam”. Huwa issokta jgħid li “quddiem it-terroriżmu Iżlamiku jkun aħjar li nsaqsu lilna nfusna dwar il-mod kif il-mudell ta’ demokrazija fil-pajjiżi tal-Punent ġie estremament esportat f’pajjiżi bħall-Iraq, fejn gvern b’saħħtu kien jeżiżti diġà minn qabel. Jew fil-Libja, fejn struttura tribali teżiżti. Ma nistgħux nagħmlu progress mingħajr ma nikkunsidraw dawn il-kulturi”.

Għall-Papa Franġisku “l-koeżiżtenza bejn l-Insara u l-Musulmani hija possibbli”. Eżempju ta’ dan Papa Bergoglio jsemmi lil pajjiżu, l-Arġentina. “Ġej minn pajjiż fejn jgħixu flimkien f’relazzjoni tajba bejniethom. Il-Musulmani jiġu jqimu lill-Verġni Marija u lil San Ġorġ”. Imbagħad il-Papa jsemmi eżempji oħra madwar id-dinja biex juri li r-relazzjonijiet tajba bejn l-Insara u l-Misilmin huwa fenominu dinji. “Bl-istess mod qaluli li għas-Sena tal-Ġublew il-Musulmani f’pajjiż Afrikan iffurmaw kju twil fil-kattidral biex jidħlu mill-bieb qaddis u jitolbu lill-Verġni Marija. Fl-Afrika Ċentrali, qabel il-gwerra, l-Insara u l-Misilmin kienu jgħixu flimkien u jeħtieġilhom li jagħmlu l-istess mill-ġdid. Il-Libanu juri wkoll li dan huwa possibbli”.

Il-ġurnalisti imbagħad staqsew lill-Papa dwar kif, skont hu, jikkaratterizza forma pożittiva tal-lajċità speċjalment f’pajjiż bħalma hu Franza fejn il-Kristjaneżmu u l-Iżlam għandhom it-tnejn l-importanza tagħhom. Papa Franġisku wieġeb hekk:

“L-istati għandhom ikunu sekulari. L-Istati konfessjonali jispiċċaw ħażin. Dan imur kontra l-mixja tal-Istorja. Nemmen li l-verżjoni tal-lajċità, imsieħba minn liġi b’saħħitha li tiggarantixxi l-libertà reliġjuża, toffri qafas biex wieħed jimxi ‘l quddiem. Aħna ilkoll indaqs bħala ulied (subjien u bniet) ta’ Alla bid-dinjità personali tagħna. Madankollu, kulħadd għandu jkollu l-libertà li jesternalizza l-fidi tiegħu u tagħha. Jekk mara Musulmana tixtieq tilbes il-velu hija għandha l-jedd li tagħmel hekk. Bl-istess mod għandu jsir jekk persuna Kattolika tixtieq tilbes is-salib. In-nies għandhom ikunu ħielsa li jipprofessaw il-fidi tagħhom fil-qalba tal-kultura tagħhom u mhux sempliċiment fil-periferiji tagħha biss”.

Il-Papa mbagħad ikkritika l-lajċità Franċiża u qisha bħala waħda esaġerata. Huwa esprima x-xewqa tiegħu li dan il-pajjiż din il-problema jindirizzaha. Għalhekk ħeġġeġ lil Franza biex “tagħmel pass ‘il quddiem fuq din il-kwistjoni biex taċċetta li l-ftuħ għat-traxxendenza huwa dritt għal kulħadd”.

Il-ġurnalisti staqsew lill-Papa kif, f’ambjent sekulari, il-Kattoliċi għandhom jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet soċjali bħalma huma l-ewtanażja u żwieġ ta’ koppji tal-istess sess. Il-Papa ammetta li “huwa f’idejn il-Parlament li jiddiskuti, jargumenta, ifisser u jirraġuna [dawn il-kwistjonijiet]. Huwa b’hekk li soċjetà tikber”. Barra minhekk Papa Franġisku issokta jgħid li “ġaladarba liġi ġiet adottata l-istat għandu wkoll jirrispetta l-kuxjenzi [tan-nies]. Id-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza għandu jkun rikonoxxut f’kull struttura legali l-għaliex huw dritt uman. Inkluż għall-uffiċjal governattiv li huwa wkoll persuna umana. L-istat għandu wkoll jilqa’ kritika f’dan kollu. Din hija forma ġenwina tal-lajċità”. Għall-Papa Franza tfisser l-art tal-qaddisin u tal-ħassieba kbar bħal Jean Guitton, Maurice Blondel, Emmanuel Levinas, u Jacques Maritain. Franza tfakkar lill-Papa Ġiżwita f’ħutu Ġiżwiti kbar bħal Pierre Favre, Louis Lallemant, Jean-Pierre de Caussade, Henri de Lubac u Michel de Certeau. L-aktar qaddisa Franċiża li Papa Franġisku jħobb hija Santa Tereża ta’ Lisieux.

Rigward l-iskandli tal-pedofilija fil-Knisja Franċiża, speċjalment f’Lyon, il-Papa qal li “bħala riżultat ta’ dawn l-abbużi saċerdot, li s-sejħa tiegħu hija li jmexxi tifel lejn Alla, ikissru. Huwa jiżra’ l-ħażen, rabja, tbatija. Bħalma qal Benedittu XVI, jinħtieġ li jkun hemm zero tolerance”. Quddiem in-numru xott ta’ saċerdoti fil-Knisja Franċiża l-Papa sostna li “m’hemmx bżonn bilfors ta’ saċerdoti biex wieħed jevanġelizza. Il-Magħmudija tipprovdi l-qawwa biex wieħed jevanġelizza. U l-Ispirtu s-Santu, li wieħed jirċevieh fil-magħmudija, jmexxi lill-persuna biex toħroġ ħa twassal il-messaġġ Nisrani b’kuraġġ u b’sabar. L-Ispirtu s-Santu huwa l-protagonist ta’ dak kollu li jiġri fil-Knisja. Huwa l-mutur tagħha. Ħafna Nsara dan ma jafuhx”.

Inkomplu nitolbu għall-Papa Franġisku biex il-Mulej jissokta jużah ħalli jgħinna nifhmu s-sbuħija u r-responsabbiltà tas-sejħa tagħna bħala Insara.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: