Oażi ta’ paċi


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli grazzja mill-isbaħ! Ngħid grazzja l-għaliex ix-xogħol tal-isptar, li l-ħin kollu jitlob minni li nħabbat wiċċi ma’ sitwazzjonijiet mill-aktar iebsa ta’ mard li jnikket u jġerragħ tant qlub, lili aktar iġagħlni napprezza dan li se naqsam magħkom illum. Ma’ grupp ta’ ommijiet tal-Iskola Mater Boni Consilii ta’ Paola kelli l-grazzja inżur il-Millenium Chapel.

Ili karriera nisma’ kummenti mill-isbaħ u inkoraġġanti għall-aħħar fuq dan il-post imbierek. Imma ħaġa waħda tisma’ u ħaġa oħra tkun hemm. X’ħin dħalt f’dan il-post qaddis mill-ewwel ħassejtni milqugħ. F’moħħi u f’qalbi tela’ it-titlu ta’ ktieb magħruf ħafna ma’ dawk li jħobbu jaqraw kotba spiritwali. Qed nirreferi għall-ktieb miktub mill-magħruf kittieb Taljan u Patri tal-Kongregazzjoni Piccoli Fratelli del Vangelo, Carlo Carretto. Il-ktieb jismu Il deserto nella città. U tassew! L-għaliex, mill-esperjenza tiegħi, il-Millenium Chapel huwa post ta’ deżert f’żona attiva u kummerċjali għall-aħħar, bħalma hija dik ta’ Paceville. Madankollu dan il-post, imexxi mill-qalb u r-ruħ ġeneruża Agostinjana, joffri dak il-mument tad-deheb fejn wieħed, milqut mill-“grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta” (1 Pt 4:10), jidħol fil-qalb ta’ Kristu, qalb l-istorbju tal-ħajja. U hemmhekk, fis-skiet ta’ il-qalb ta’ Dak li “għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu” (Atti 10:38) wieħed isib il-qawwa u l-paċi ġewwiena tal-Mulej tal-glorja

Meta dħalt ħassejtni fil-Millenium Chapel mill-ewwel ħassejtni imħaddan mill-merħba kbira Agostinjana li tingħaraf mill-imġieba ħafna aktar milli minn il-libsa li titkeffen fiha. Meta bdejt inpassi ftit mal-kuritur ikħal madwar il-kappella ħelwa u li serqitli qalbi bdejt iva inħossni ngħum, nogħod u nistrieħ fil-paċi u l-mistrieħ kbir li taqtgħu b’sikkina ma’ dawk il-kurituri li jdawwru din il-kappella unika. Dik il-paċi iżda li m’hijiex sempliċiment mistrieħ u daqshekk. Tabula rasa. Le! Imma nkun aktar eżatt jekk nfissirha bħala paċi għalliema u formattiva. Paċi li bnietni fl-għerf tal-Mulej li huwa bħall-għajn friska tal-ilma ġieri li dejjem ġej biex isaqqi l-għelieqi niexfa qoxqox tal-qlub, l-imħuħ u l-erwieħ imsejkna tagħna l-bnedmin.

Kemm għoġbuni dawk is-sentenzi imwaħħlin mal-ħajt! Emmnuni li ma ridtx ninqala’ minn magħhom! L-għerf li jġedded li fihom inkullani magħhom! Kull wieħed minnhom rajtu għaliha bħala xmara ta’ għerf fih innifsu. Filwaqt li m’hijiex possibbli li nsemmihom kollha l-għaliex huwa prattikament impossibbli li nagħmel dan madankollu nixtieq insemmi xi wħud li laqtgħuni fil-laħam il-ħaj. Mhux l-għaliex megħkuni daqskemm ħadu minn fuqi t-toqol tal-għejja u iffriskawni mill-ġdid bil-faraġ tal-Ispirtu s-Santu.

L-ewwel wieħda minn dawn is-sentenzi kien dak li sibt jistennieni sewwasew qabel meddejt riġlejja f’dan il-kumpless ta’ paċi u mistrieħ, jiġifieri r-riflessjoni dehbija ta’ Santu Wistin innifsu, kif isibuha mniżżla b’tant konvinzjoni u ħrara fl-ewwel vrus tal-Istqarrijiet f’forma ta’ talba: “Int għamiltna għalik, u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik” (Stqarrijiet 1,1). Din ħbieb hija l-Millenium Chapel: il-post fejn qalbi ssib il-kwiet ħa tistrieħ f’dik tal-Imgħallem Ġesù! Qalbi għajjiena mill-ġlidiet kontinwi tal-ħajja li tingħex fl-arja mniġġża tal-ħażen tistrieħ f’Dak li l-Ittra lill-Efesin tfissirhulna hekk: “Kristu hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14).

Imma dan is-sliem m’huwiex le wieħed astratt. Fl-arja! Dan is-sliem rajtu jseħħ quddiemi fil-mod mill-isbaħ kif ġejt milqugħ minn nies li jaħdmu f’dan il-post ta’ tant grazzji moħbija. Kemm dawn in-nies huma tabilħaqq xhieda ħajja u tbaqbaq tal-akkoljenza ta’ Kristu! Kemm rajtu veritier fihom dak li kien hemm miktub eżatt wara daharhom fir-reception desk: “Ġib ruħek daqslikieku Kristu kien iġib ruħu fuq il-persuna li qiegħdha titħaddet miegħek. Ftakar li kull persuna li tiġi fil-Kappella għandha x-xbieha ta’ Kristu wkoll”.

Imbagħad issuktajt miexi. U miexi… U ltqajt ma’ sentenza li kienet tħobb tgħid Dorothy Day, jew aħjar dik il-persuna daqshekk interessanti u influwenti fl-istorja tal-Kattoliċiżmu Amerikan: “L-ikel għall-ġisem m’huwiex biżżejjed. Jinħtieġ li jkun hemm ikel għar-ruħ wkoll”. Hekk hu! U huwa dan l-ikel li, ħafna drabi, jinstab biss fis-skiet, fid-deżert tal-meditazzjoni, li jagħti ħajja tassew lir-ruħ.

Kemm-il darba hux int u jien insibu ruħna mdejqin. Forsi għal kull ħaġa ta’ xejn ukoll. Imma xi tkun il-problema? Jiena u miexi f’dawn il-kurituri ħelwin ta’ dan il-post iltqajt mat-tweġiba għal din il-problema. Fuq waħda mit-tabelli ħelwin fuq il-ħitan sibt dak li kien jgħid dan il-filosfu u kittieb Ċiniż tal-qedem: “Jekk int imdejjaq qed tgħix fil-passat. Jekk int anzjuż qed tgħix fil-futur. Jekk qed tgħix fil-paċi qed tgħix fil-preżent”.

Il-preżent… Imma x’hemm, ngħid jien, jgħix fil-preżent? Is-silenzju! U hawn iltqajt mal-kliem sabiħ ta’ Madre Tereża li tant tani kuraġġ! Madre Tereża tgħid hekk: “Il-frott tas-silenzju huwa t-talb. Il-frott tat-talb huwa l-fidi. Il-frott tat-fidi hija l-imħabba. Il-frott tal-imħabba hija s-servizz. U l-frott tas-servizz hija l-paċi”. L-għaliex il-preżent, fil-barka tas-silenzju, propju jwassalna għal dawn il-kwalitajiet essenzjali f’ħajjitna. Jiġifieri għat-talb, għall-fidi, għall-imħabba, għas-servizz, għall-paċi. Nifhem ukoll dak li kien qal l-ex Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Kofi Annan: “Il-problema m’hijiex il-Koran, jew it-Torah inkella l-Bibbja. Il-problema m’hija qatt il-fidi imma dawk li jgħidu li jemmnu f’dik il-fidi u kif dawn jġibu ruħhom ma’ xulxin”.

L-imġieba tikxef x’aħna! Imma x’inhi l-imħabba? U hawn, wara li mxejt ftit ieħor, rajt dak li kiteb Santu Wistin dwar l-imħabba. “U kif tidher l-imħabba? Għandha l-id biex tgħin lil oħrajn. Għandha s-sieq biex tfittex tmur għand il-fqar u dawk li huma fil-bżonn. Għandha l-għajnejn biex tara l-miżerji u l-ħtiġijiet. Għandha l-widnejn biex tisma’ l-krib u n-niket tan-nies. Hekk tidher li hi l-imħabba”. Mela l-imħabba tissarraf f’servizz lejn il-batut. L-għotja tagħna nfusna għal min hu fil-bżonn hija meħtieġa. Imma mhux bir-riskju li ma nieħdux ħsieb tagħna nfusna lanqas! Sewwa kien irrimarka Papa Benedittu XVI meta ikkummenta dwar il-volontarjat: “Ir-riskju hu li l-volontarjat jista’ jirriduċi ruħu għal sempliċi attiviżmu. Jekk, minflok, l-aspett spiritwali jibqa’ vitali, int tista’ taqsam mal-oħrajn ħafna aktar mill-ġid materjali li jinħtieġu. Int tista’ toffri lill-proxxmu tiegħek li qed jaffaċċja d-diffikultajiet il-ħarsa tal-imħabba li għandu bżonn”.

U minfejn irridu nġibuha din il-ħarsa ta’ mħabba jekk mhux mill-Ewkaristija? L-imħabba magħmula Demm u Laħam għalina? Kemm ħadt gost nara miktuba quddiemi s-sentenza sabiħa li jħobb jgħid Papa Franġisku rigward l-Ewkaristija meta jgħid: “L-Ewkaristija m’hijiex il-prezz tal-perfetti imma l-mediċina qawwija u l-ikel tal-batut”.

Kuraġġ ħbieb tiegħi! Ejjew immorru ta’ spiss il-Millenium Chapel biex nitolbu. Biex insibu dik il-paċi f’qalbna. Biex nimtlew bl-imħabba ta’ Alla. Ħalli mbagħad, meta noħorġu minn hemm, nagħtuha ġenerożament lill-oħrajn. Il-Mulej ibierek lill-Komunità Agostinjana, lill-voluntieri u lil dawk kollha li qed jaħdmu biex f’Paceville ikun hemm arja ta’ tama, paċi u rikoċiljazzjoni mal-Mulej, mal-oħrajn u magħna nfusna!

Il-Millenium Chapel hija Oażi ta’ paċi!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: