Żiffa ħelwa


Patri Mario Attard OFM Cap

F’dawn l-aħħar jiem kelli l-grazzja niċċelebra, flimkien ma’ ħuti l-Patrijiet Kapuċċini Maltin, it-68 Kapitlu Provinċjali mit-twaqqif tal-Provinċja Kapuċċina għażiża tagħna Maltija. Din is-sena, kif ġara tista’ tgħid f’dawn l-aħħar snin, il-Kapitlu ġie iċċelebrat fis-Seminarju tal-Arċisqof, fir-Rabat.

Kull darba li kont inqum filgħodu biex immur nitlob mal-Patrijiet ħuti, kemm jekk għall-quddiesa li biha konna niftħu l-ġurnata u kif ukoll għat-Tifħir tas-Sbieħ il-Jum, kont nisfa’ imħaddan minn żiffa tassew sabiħa. Iż-żiffa għodwija. Meta kont inħossni mħaddan minnha hi, li kienet tiġi għall-fuqi mir-roqgħa dellija l-għodwa, f’qalbi kont inħoss li għandi ngħatti wiċċi. Sewwasew l-għaliex f’din iż-żiffa ħelwa imma li kienet treżżaħni għodu għodu, kont niftakar f’dak li għadda minnu l-profeta Elija. Jiġifieri kienet tfakkarni f’dak il-profeta li ltaqa’ mal-Mulej mhux fil-qilla tar-riefnu. Wisq anqas fit-tkarwid tar-ragħad li jriegħed is-sema. Imma fis-sempliċi preżenza taż-żiffa ħelwa.

Imbagħad, imsieħeb ma’ dik ir-riħa ħelwa tal-fjuri, li kienet tiftaħli beraħ pulmuni tiegħi, kont nidħol bil-mod il-mod u, jekk jista’ ikun bla ħoss, fil-kappella li tant kienet tiġborni tas-Seminarju. Il-power point kien ikun lest biex nibdew it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. U, mal-ewwel daqqiet tat-tustiera, mill-organist ta’ ħila kbira, Patri Anton Briffa OFM Cap, l-ispirtu tiegħi kien jintrefa’ il fuq u jimraħ u jimraħ fil-bogħod…

Dik il-mużika ħelwa u, fl-istess ħin setgħana, kienet iddaħħalni f’baħar ta’ ħsibijiet. Li mhumiex fantasija. Kemm-il darba telgħali f’moħħi u f’qalbi dak li kiteb il-Kardinal Walter Kasper fil-ktieb tiegħu Mercy: The Essence of the Gospel and the Key to Christian life, jiġifieri li l-essenza ta’ Alla hija ħniena! Ħniena li, bħal dik il-mużika mill-isbaħ li bdiet ħierġa mill-orgni tas-Seminarju, u ubbidjenti bħal tifel żgħir għall-għafsa għalliema ta’ Patri Anton, hija melodija. Melodija li tidħol fil-qalb. Bil-għan li ssawwarha bil-paċi tagħha. Li hija għerf fiha nnifisha. Anzi! L-għerf tassew!

Iżda din iż-żiffa ta’ ħniena rajtha iva tiġri ma’ kull salm li bdejna nkantaw bħala komunità ta’ talb. Rajtha iddur ma’ kull innu mimli b’tant għerf il-Mulej u b’rejaliżmu grass tal-ħajja. Aktar ma bdejt inkanta s-salmi ma’ ħuti l-Patrijiet aktar fuq l-iscreen ta’ moħħi u qalbi bdew jitilgħu Patrijiet mill-imgħoddi u anki mill-preżent li taw u għadhom jagħtu ħajjithom għall-Mulej fil-qadi ta’ għarjhom. Il-biċċa l-kbira minnhom fis-skiet, mingħajr ħafna ġigġifogu. Basta Ġesù Kristu jkun imxandar! Kif tant jistħoqqlu! Hemm kienu l-Patrijiet tal-imgħoddi li qattgħu u għadhom jqattgħu s-sigħat jaħdmu bla heda mal-morda fl-isptarijiet. Għadu jidwi tabilħaqq il-kumment ta’ Patri li saqajh marru minħabba l-waqfien li kien ikollu jagħmel fl-isptar, fejn kien jaħdem. U min lil dan il-Patri seta’ tabilħaqq ifakkru? Seta’ tassew jiċċelebra ħajtu? Għajr il-Mulej permezz tat-talb sabiħ u ħiereġ mill-qalb li bdejna nitolbu fit-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum?

Imbagħad il-kant tat-testi sagri, imsieħeb mal-mużika li ma kinitx għajr l-inċens ifuħ għal dan il-kant, fakkarni f’tant kappillani tal-Parroċċi li ħadmu u għadhom jaħdmu fihom ħuti l-Kapuċċini. B’tant dedikazzjoni kbira. Dehru jleqqu quddiem għajnejja s-sigħat twal tagħhom ta’ akkumpanjament tal-merħla li Alla fdalhom f’idejhom. Kemm tassew ibbrillaw f’dak il-kant lill-Mulej is-siegħat ta’ dedikazzjoni għan-nagħaġ li, Ommna l-Knisja Mqaddsa, tathom l-inkarigu biex jieħdu ħsieb!

Il-kant fakkarni wkoll fl-imħabba ta’ dawk l-aħwa Kapuċċini li ħadmu u għadhom jaħdmu ma’ Ġesù fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-qalb kbira tagħhom għal min qed ibati wasslithom u għadha twassalhom biex jagħmlu minn kollox biex jaqdu lill-Imgħallem Ġesù fil-ktajjen.

Lanqas il-kant sabiħ tal-għodwa ma nessieni fil-frajiet ħelwin tagħna. Li, fis-skiet tal-kunventi, u ‘il bogħod mill-istorjbu li toħloq il-midja, huma l-ommijiet tagħna. Dan il-kant imqaddes fakkarni fil-Patrijiet anzjani li llum, bil-preżenza tagħhom, ibierku l-fraternitajiet Kapuċċini tagħna. Lill-missjunarji li qiegħdin barra  minn xtutna jew irtirati f’artna li, is-sagrifiċċju tagħhom, ifuħ quddiem il-Mulej. Lil dawk il-Patrijiet li jieħu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tal-Korp tal-Pulizija u ta’ dawk li huma bla dar. Fl-aħħarnett, insemmi lil ħuti Kapuċċini li jxandru l-Kelma bil-kelma, bil-kitba u bil-mezzi moderni tal-midja.

Ħuti! Grazzi li intom iż-żiffa ħelwa għal tant Maltin, Għawdxin u barranin fostna!

  1. Rose-Marie Zammit
    June 22, 2016 at 5:59 pm

    Enjoy reading Fr.Mario comments. Can Laikos give Pope Francis recent talk or rather answers to questions asked at Dar Nazareth on the 18th June 2016.

    Thanks Rose Marie Zammit

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: