Home > Ġenerali > Issa!

Issa!


Patri Mario Attard OFM Cap

Qomt għall-ġurnata OFF mill-isptar. U, bħas-soltu, il-ħsieb biss li kont naf li kont se nkun il-kunvent imlieni b’serħan kbir! Il-kunvent sirt inħobbu ħafna! L-għaliex qed inkun ħafna fil-periferija moderna. Fl-isptar.

Fettilli noħroġ ftit barra. Fil-ġardina ħelwa li għandna wara l-kunvent. Għalkemm kien jum xemxi, kif jaf jagħmel ir-rebbiegħa, fil-ġardina kien hemm fewġa li għaxxietni bil-ħajja. Kemm ħadt gost nieħu nifsijiet twal u profondi biex il-pulmuni tiegħi, almenu għal dakinnhar, ma jibqgħux jiddependu mill-arja kundizzjunata. Dik l-arja li l-pulmuni tiegħi ilhom jirċevuha mat-tmien snin u nofs.

Ħriġt il-Kununa mill-but u bdejt nippassiġġja. Bil-mod il-mod. Pass wara l-ieħor. Il-kelba x’ħin ratni ġiet tifraħ bija. Gustuża wisq! Hekk tagħmel kull darba li mmur sa ħdejha biex nagħmel passejn. Araha tifraħ bija! U mbagħad tiġi u tintefa’ fuq il-pala ta’ sieqi l-leminija. Titħannen. Titfissed. Kos hux! Anki kelba tħobb titfissed! Aħseb u ara bniedem mela kemm iħobb min jagħtih l-attenzjoni li jixraqlu!

Imbagħad ħarist lejn it-tapit kannelli tal-ħamrija li kelli quddiemi. U hekk, fis-skiet, stajt nisma’ sintonija mill-isbaħ! M’għandniex xi ngħidu, imsieħba ma’ dehra mill-aqwa! Il-kelba, il-pajsaġġ u x-xemx li qed iddawwal kollox għad-dawl tat-tama. X’irrid aktar mid-dinja? Xejn għeżież ħuti! Xejn! Għajr li ngawdi l-mument. Il-waqt.

F’dak is-skiet intbaħt kemm fil-ħajja m’għandi xejn. Naf immur in-naħa l-oħra daqs tazza ilma. Għalhekk, f’dak is-skiet, għaraft ix-xejn tiegħi. Kemm jien dgħajjef! Barra minhekk intbaħt iva kemm waqtiet bħal dawn m’humiex daqstant ‘il bogħod. M’għandix għalfejn immur naqta’ il-biljett tal-ajru biex niksibhom. Lanqas nkisser rasi u nħejji xi vaganza warrab wiċċek minn fuq l-internet. Biżżejjed! Ejja lill-qalbi ma nkiddhiex aktar! Ejja lill-molol ġodda tagħha inħalliehom jimmullawha bil-kwiet! Kulma għandi bżonn hu li … noqgħod fil-kwiet u nisma’. Nara’…

Imma x’rajt fis-skiet tal-ġardina tal-kunvent? Rajt kemm drabi warrabt l-ISSA tal-ħajja. U bl-ISSA minix sempliċiment nifhem bil-waqt ta’ issa. Il-waqt li fih qed inħarbex dawn il-kelmtejn li bihom qed niftaħ qalbi magħkom. Le! Bl-ISSA qed nirreferi għall-Mulej! L-Assolut! Dak li la jaf il-passat u lanqas il-futur. Mhux l-għaliex ma jafhomx. Imma l-għaliex il-clip tal-istorja tad-dinja qiegħed quddiemu. Dak li għalina hu passat u futur għalih qiegħed miġbur fil-preżent tagħna. Għalhekk, fil-mod ta’ kif hu qed jara l-affarijiet, qed jara r-rejaltà, għal kollox differenti kif narawha int u jien. Għalih kollox isir possibbli. Il-passat u l-futur għalih huma oġġett ta’ fidwa. Tgħidlix kif l-għaliex ma nafx infissirlek. Imma naf! Għax l-ISSA jirranġa kollox kemm fl-issa tagħna u anki fl-issa tiegħu.

Imma għalissa ejjew nibqgħu ftit induru mal-issa tagħna l-bnedmin. Dak l-issa li ebda arloġġ ma jista’ tassew jaqbdu. Aħseb u ara jiffriżaħ. Min jista’ iżomm il-ħin? Madankollu kull waqt huwa tajjeb biex nidħol fis-santwarju ta’ ħajti. Ħafna ‘il bogħod mill-karti li juruni x’għandi nagħmel u fi x’ħin. It-To-do lists qatlulna s-sabiħ tal-ħajja l-għaliex ġabuna magni u mhux bnedmin. Mela x’irrid nagħmel biex nidħol fl-issa ħa nirrifletti? Ħa niltaqa’ mal-ISSA, il-Mulej, miegħi innifsi u anki mal-oħrajn?

Sempliċi ħafna. Ejja nsib ir-rokna tiegħi. Biex nuża’ kelma li jħobbu jużaw il-Karżimatiċi, ejja nsib il-quiet time. Jew, kif iħobbu jgħidu l-monaċi, id-deżert. U hemmhekk, fejn l-arloġġ uman ikollu jintneża’ u l-mobile jintefa’ u nibagħtuh jorqod, jiena nintefa’ naħseb. Jew aħjar ngħoddos fl-issa. Fil-waqt tal-mument. Imma xi nsib?

Dak li qatt jew rari ħafna li sibt. Insib, l-ewwel nett, it-taħwid li hemm fija. Tgħid fija hemm taħwid? Iva! Imma mhux għal dak it-taħwid li s-soċjetà marida tagħna tippunta subgħajha lejh biex tikkundannah. It-taħwid li qed nitħaddet fuqu bħalissa huwa t-theżżiż li ngħaddu minnu f’ħajjitna. Il-ġabra ta’ esperjenzi kontradittorji tal-ħajja. Mhux l-ewwel darba li inħossuna Katrin tal-Imdina. F’mument ikollna esperjenza ta’ ferħ. Imbagħad, u l-viltà ġieli fl-istess ħin, ikollna l-esperjenza qarsa magħha. Ngħid viltà l-għaliex il-ħajja saret goffa! Salvaġġa!

L-issa tagħna mela jaf ikun salvaġġ. Għax filters m’għandux! Iġib quddiemna dak kollu li joħroġ il-kunvent tal-ħajja. Li, għall-kuntrarju tal-kunvent tal-patrijiet u s-sorijiet, m’għandux fih il-valur sabiħ tal-maħfra. Tal-karità. Il-kunvent tad-dinja huwa ġungla mill-kbar nett. Kuntest. Sfida kontinwa ta’ min se jgħaffeġ lil min! Imma din l-isfida fejn se twassalna?

Xi ħadd, waqt programm ta’ diskussjoni, qal: “Sakemm nieklu lil xulxin!” U jekk, kif jgħidu xi wħud, ix-sharks tal-baħar issa rabbew żewġ saqajn, telgħu fuq l-art u bdew jibilgħu lil kull min jaraw b’għajnejhom allura veru li l-issa tagħna wassalna fil-qiegħ nett! Hekk jiġrilna ħbieb meta ninħatfu miż-żmien tal-bniedem li hu kronos, ċikliku. Dejjem nibqgħu nduru fl-istess post! U ma nimxu qatt ‘il quddiem! Xi dwejjaq!

Veru! Xi dwejjaq! Madankollu bid-dwejjaq biss m’hu se nagħmlu xejn. Jinħtieġ ninqatgħu. Immorru nagħmlu dawk il-passejn fil-kampanja. Li naqilgħu dak it-telefon minn postu. Li nsibu is-sacred space. Ħalli hemm nidħlu fl-ISSA. Fil-misteru tal-ħajja vera. Li s-sisien veru tagħha huma spiritwali u mhux materjali. X’faqar meta nibqa’ inkullat mal-fjura sabiħa, mal-karozza lussuża, mat-teknoloġija mejta u ma narax il-viżjoni aktar wiesa’ tar-rejaltà? Ma narax l-Id tal-Ħallieq f’dik il-fjura? Inkella l-intelliġenza li l-ISSA ta lill-bniedem biex jiffaċilita ħajtu? Imma stenna ftit ħej! Ara taħsbu li l-Mulej ta lill-bniedem l-għerf biex jinkolla għajnejh ma’ screen tal-ħġieġ! Inkella li jwaħħal widnejh mar-receiver tal-plastik! Ma tarax! Dawn il-mezzi jridu jressquna lejn is-sbuħija li niltaqgħu mal-persuna! Mal-bniedem! Ma’ dak l-esseri li ħareġ minn idejn il-Mulej! Mela miegħi! Miegħek!

Għax jiena u int biss nistgħu ngħinu lil xulxin kif se ngħixu l-issa tagħna fuq din l-art. Jiena u int nistgħu ngħinu lil xulxin kif ngħixu ħajjitna b’responsabbiltà. Le! Mhux billi ninqatgħu minn xulxin iżda billi nidħlu f’relazzjoni ta’ ħbiberija flimkien. Ħbiberija li teħlisna u mhux tagħmilna ilsiera ta’ xulxin. Ħbiberija li titfagħna f’riġlejn l-ISSA etern, il-Mulej! Ħalli Hu jerġa’ jitfagħna għand xulxin ħa nħobbu u nirrispettaw lil xulxin b’għaqal, bi ħniena, bi gratitudni u b’ħafna mogħdrija.

Sewwa kitbet Karina Costa: A good story can stay in people’s memories for several months, years or even forever! Since the beginning of time, we have told stories to educate, teach, transmit values and perpetuate traditions.

Qaddes il-familja, il-komunità reliġjuża inkella l-post tax-xogħol u tad-divertimenti li tkun fih permezz tal-istejjer. Irrakkonta! U isma’ lil min jirrakkuntalek! M’hemmx isbaħ milli tqaddes l-issa tiegħek bi storja. Li tgħaddilek l-għerf tal-ħajja. Ħalli mbagħad taġixxi f’waqtu u bl-iprem mod! L-għaliex l-issa tal-istorja li tkun irrakkuntajt, inkella smajt, ifejjaq l-issa marid tas-sitwazzjoni li tkun fiha.

L-importanti imma li mill-ISSA … ngħaddi għal issa!

 

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: