Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Qalb ħamra tixgħel

Qalb ħamra tixgħel


Patri Mario Attard OFM Cap 

Il-qalb! Bil-Lhudi, לֵב (Lev). Bl-ilsien Ingliż, heart. B’dak Taljan, cuore. Filwaqt li f’dak Franċiż, cœur. Hu x’inhu l-ilsien kulħadd għandu qalb! Kulħadd għandu l-persuna interna tiegħu. Kulħadd għandu moħħu li hu mgħarraq f’qalbu!

Issa din il-qalb ħamra, għalkemm mhux imċappsa bid-demm, rajtha iva taqbad b’mhux anqas minn mitt xemgħa! Rajtha taqbad f’adurazzjoni mill-isbaħ li l-Grupp Kariżmatiku taż-Żurrieq, Resurrexit, imexxi minn Louise Garreth, organizza nhar id-9 u l-10 t’April fid-Dar tal-Irtiri l-Porzjunkola f’Baħar iċ-Ċagħak. F’adurazzjoni mill-isbaħ imsejħa “Inża’ l-qorq”, li seħħet fillejl tas-Sibt 9 t’April, jiena rajt ħafna qlub jinfetħu għall-qalb kbira ħamra li tpoġġiet f’riġlejn l-artal għażiż tal-Ewkaristija. Dik il-Qalb ħamra bid-demm tal-imħabba li, għalkemm ċarċritu kollu għalina, għadha tippumpjahulna bl-imħabba mimlija maħfra li hemm tiċċirkula fiha. F’din l-adurazzjoni, li ilkoll ħassejna ruħna bħal Mosè, is-suġġett tal-irtir tagħna għal din is-sena, kull qalb kellha tirrappreżenta lilha nnifisha permezz ta’ xemgħa li kellha twaħħal fil-Qalb kbira u ħamra li minna hija ħarġet. Jiġifieri “l-qalb ħanina ta’ Alla tagħna” (Lq 1:78).

Kif konna mixħuta ikoll fuq il-cushions, għall-qiegħa tal-art, stajt nerġa’ inħoss l-karba ħierġa mill-qalb tal-Mulej, אֲדֹנָי (Adonai). Dik il-karba ħierġa mill-Qalb li lil Mosè qaltlu, b’qawwa, bi ħlewwa u b’rieda tal-azzar: “Jiena rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi … Jien smajt il-karba tagħhom … Inżilt biex neħlishom u ntellagħhom f’art tnixxi ħalib u għasel …” (Eż 3:7-8).  F’dak illejl tal-iljieli erġajt ftakart mill-ġdid mhux f’moħħi imma f’dak li ħassejt f’qalbi, dak li jħossu n-nies li niltaqa’ magħhom kuljum. Nies li għaddejjin minn tbatija kbira. Anki jekk għandhom il-mobile jew l-iPad. Inkella għandhom żewġ karozzi. U tgħidx kemm jaħdmu u jaqilgħu flus! Meta nħares fil-fond f’għajnejnhom, li huma tant busy, x’insib? Qlub maqsuma! Għajjiena! Imtertqa! Il-ħarsa ta’ dawn il-qlub tinstab tgħum f’baħar kbir ta’ qrusa liema bħalha! Għajnejn ħerġin minn qlub li tilfu t-tama. Ma jafux fejn sejrin. Mhux għax ħżiena tafux! Le! Imma l-għaliex vittmi!

Għalhekk ta’ min jisma’ b’urġenza l-karba li ħierġa bla ma taqta’ minn qalbhom!  Ismagħha tvenven karbet dawn il-qlub maqsuma li ħarsithom biss issammrek u tgħidlek, b’insistenza, ISMAGĦNI! “Għax it-tifel ma jkellimnix!” “Għax ir-raġel u jien qiegħdin flimkien minħabba t-tfal. Ngħixu qisna aħwa! Għax il-mara ma tikkalkulanix! Tgħidx kemm ixxewwex kontrija mat-tfal!” “Għax il-mara moħħha f’ommha!” “Għax it-tifla telqitilna mid-dar u ma tridx tgħidilna fejn qiegħdha!” … Għax, għax, għax … X’qiegħdin jitolbu dawn il-qlub maqsuma ħbieb? U, ibqa’ ċert u żgur, li jekk infittxu sewwa f’qalbna u nkunu sinċieri, ma niskantax li jiena u int ninsabu magħduda magħhom? Min jinżel għalihom u joħroġhom mid-dlam għad-dawl. Min itellagħhom minn art il-jasar u jdaħħalhom f’art tnixxi ħalib u għasel. F’art li fiha jsibu s-sliem. Le sieħbi! Taħsibx li qed ngħidlek biex temigra. Fejn se ssib art sabiħa daqs Malta? Imkien fid-dinja! Imma qed ngħidlek, ta’ ħabib tiegħek, biex toħroġ mill-għar ħa tidħol fil-palazz! Biex toħroġ mill-jasar ħa tidħol fil-ħelsien! Biex toħroġ mill-friża ta’ barra ħa tidħol fis-sħana tal-qalb! Qed nistiednek biex tidħol fil-Qalb ta’ Alla! Mhux għax int ħażin. Jew għax jien qaddis. Imma l-għaliex kelmet il-Qalb, il-Bibbja, tiżgurana: “Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej” (S 34:9).

Għalhekk, jekk qed tfittex dan il-ħelsien, jekk minħabba diversi raġunijiet ma tħossokx ippreparat u ippreparata li tidħol il-Knisja, nistiednek minn qalbi biex isseħibna kull nhar ta’ Tlieta, fiċ-Ċentru Parrokjali taż-Żurrieq, fis-7.30 pm. Iċ-Ċentru Parrokjali jinsab eżatt bejn il-Knisja Parrokjali u l-Għassa tal-Pulizija. Nistiednuk għall-laqgħa ta’ tifħir lill-Mulej u għadsa tajba fil-Bibbja. Jiġifieri għadsa tajba, sal-qiegħ, fil-“qalb ħanina ta’ Alla tagħna” (Lq 1:78).  Ejja… Ħalli qalbek, ħamra, tibda’ tixgħel! U iddawwal il-qlub ta’ madwarha!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: