Itlaq kollox!


Patri Mario Attard OFM Cap

Jgħidu li meta l-maħbub jħobb tassew lill-maħbuba tiegħu kollox jagħmel għaliha biex jikkuntentaha. L-għaliex l-għaxqa tiegħu hi li xewqet qalbha ma jiksirilha qatt!

Hekk għamlu għadd ta’ qassisin, patrijiet, sorijiet, irġiel u nisa. Żgħażagħ u adulti. Semgħu x’kienet xewqet il-Maħbub ta’ qalbhom. “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). U, mimlijin bl-imħabba għalih, ma qagħdu jqisu xejn. La ma xiex kienu se jiltaqgħu. U lanqas f’liema kundizzjonijiet kienu se jgħixu fihom. Quddiem wiċċhom dehret iva viżjoni waħda: li jwasslu lil Kristu fil-pajjiżi mbiegħda tad-dinja. Ħafna minnhom batew il-ġuħ. Oħrajn spiċċaw il-ħabs. Oħrajn ferewhom filwaqt li l-bqija spiċċaw maqtula. U dan kollu l-għaliex wasslu l-aħbar tas-salvazzjoni u tat-tama lil dawk li kienu mċaħħda minnha.

Dawn in-nies qalbiena fetħu t-triq biex għadd ieħor ta’ lajċi, fosthom iż-żgħażagħ tagħna, illum jistgħu huma wkoll imorru jqattgħu xi xahar jew tnejn fil-missjoni. Kien hemm min estenda l-viżta tiegħu għal sitt xhur. Inkella kien hemm min baqa’ fil-pajjiż għal sena jew tnejn. F’ċerti każi kien hemm min tant kemm ħassu responsabbli quddiem il-faqar u l-miżerja li sab ma’ wiċċu li iddeċieda li jibqa’ fil-pajjiż biex jagħti l-mija tiegħu. Għalkemm, għal xi uħud minn sħabu, dan kien att ta’ ġenn huwa ħass li b’hekk kellu, b’xi mod, jirringrazzja lill-Mulej ta’ kemm għamel miegħu. U ma nlumux! L-għaliex l-imħabba veru iġġennen! Trid tkun miġnun biex, minkejja li tirċievi x-xewk, tibqa’ tagħti bil-ward.

Imma għal min iħobb kollox jibqa’ ward. L-għaliex min ikun viċin il-persuni li jbatu jgħidlek mingħajr tlaqliq ta’ xejn: “Patri! Huwa huma li jagħtuni u mhux jien li nagħtihom!” U aktar ma nipprova nikkonvinċieh li qed jagħti ħafna xorta waħda jibqa’ jgħidlek: “Ma jien qed nagħti xejn!” U x’inhi l-aktar ħaġa li lil dak li jkun iġġagħlu jibqa’ jagħti mingħajr ma jieqaf? Anki jekk ikun qed jgħix fl-eħrex sitwazzjonijiet? Il-ħaġa hi li dawn in-nies, għalkemm m’għandhom xejn, għandhom kollox! L-għaliex għandhom l-imħabba!

Darba missjunarju irrakkuntali fatt li ġagħlni naħseb mhux ftit. Ried jiltaqa’ ma żgħażugħ tal-post fejn kien qed jaħdem fl-għaxra. Il-missjunarju mar fil-ħin. L-għaliex, aħna l-Maltin, ħin ħin! Anzi! Bilkemm ma ngħidlekx li immur kwarta qabel! Għax marid bil-ħin! Mela l-għaxra daqqu. U magħhom daqqu l-ħdax, nofsinnhar, is-siegħa, is-sagħtejn, it-tlieta, l-erba’!… U, fl-aħħar, dan l-imbierek ta’ żgħażugħ fettillu jitfaċċa! Ma ngħidilkomx kif ħassu dak l-imsejken missjunarju li kellu jistenna lil dan iż-żgħażugħ mas-sitt sigħat! Tistgħu timmaġinaw x’ferneżija qabdietu! U, diżappuntant kemm tridu, wieġeb liż-żgħażugħ: “Taf x’ħin hu?” U ż-żgħażugħ, b’dik il-kalma kollha, qallu: “Fil-punent intom għandkom l-arloġġi. U aħna hawn għandna l-ħin”.

Ajma x’tagħlima dik għalina li dejjem sejrin! Minn ħaġa għall-oħra! U qatt ma jirnexxielna nieqfu! Le sieħbi! Ejja nħarsu lejn il-ħajja bħala ħin u mhux iddettata mill-arloġġ. Tal-ħin se nieħdu l-paċi. Il-ferħ. Il-kuraġġ. It-tama. Il-kuntentizza. Imma tal-arloġġ se nieħdu l-gdiedem. Il-ġlied. L-ansjetà. L-infiħ. Il-qrusa. L-arroganza. L-arloġġ, għax arloġġ, jikkontrolla. Imma l-ħin, għaliex ħieles, iġib il-ħelsien! Min għandu widnejn biex jisma’ ħalli jisma’!

M’hemmx għalfejn tmur il-missjoni biex tkun missjunarju. M’għandekx għalfejn taqbad ma nafx kemm-il ajruplan biex tasal fil-post tal-missjoni. Le sieħbi! Missjunarju tista’ tkun f’Malta u f’Għawdex stess. Anki f’darek u fil-post fejn qed taħdem tista’ twassal dik l-imħabba li hemm maħżuna fik. Tista’ iva tfendi dik il-kelma ta’ kuraġġ. Tagħti l-id tal-ħbiberija. U, fuq kollox, toffri qalbek tfur bir-rikonċiljazzjoni.

Ma tridx tkun xi għaref kbir biex tkun missjunarju. Kulma trid hu qalb li tħoss. Tagħder. Tħenn. Taħfer. Tħobb. Mela dawn l-ingredjenti ilkoll kemm huma għandna. L-għaliex jinsabu midfunin f’qalbna! Li jonqosna hu li noħorġuhom!

Kun int ukoll missjunarju! Missjunarja! Xammar il-kmiem u qabbad il-ħuġġieġa tal-imħabba ta’ Kristu kulfejn tkun!

Ħallik mill-ħażen! Itlaq kollox!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: