Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Ħaseb li ħa naħrablu!

Ħaseb li ħa naħrablu!


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-bdil tal-arja ta’ dan l-aħħar wassal biex biddel lili! Tqaħqiħa wara l-oħra. Sakemm kelli mmur sal-emerġenza u jagħmluli nebuliser. X’tagħmillek l-ażma ħabib!
Imma, nirringrazzja lill-Mulej, l-Isptar tagħna huwa attrezzat tant li ġejt mgħejjun minnufih. U, minn sitwazzjoni li ħassejtni se nifga, erġajt irpiljajt sewwa. Biex nissokta l-ġirja tal-ħajja … Grazzi Mulej!

Imma, aktar mal-Mulej qed jisflifni l-għomor u daqqa tinqalgħali dik il-problema f’saħħti u daqqa l-oħra, biex ma nsemmiex it-tbatija li kuljum nara ma’ wiċċi bħala wieħed mill-kappillani tal-Isptar Mater Dei, qed niġi iva konxju minn ħaġa mportanti: kemm iż-żmien jaħarbilna! Il-ħajja qasira! Salm 39 għandu kliem tad-deheb li jdaħħalni f’qoxorti kull darba li naqrah, nirriflettih u nitolbu mill-lenti tal-Isptar: “Tassew, daqsxejn ta’ nifs kull bniedem. Bħal dell jgħaddi l-bniedem” (Salm 39:6-7). Daqxejn ta’ nifs! Hemm ara! Ried ikun in-nebuliser biex stajt nieħu n-nifs sewwa. L-għaliex ħajti, bl-esperjenzi kollha li fiha, kienet se tinsteraqli f’ħakka t’għajn. Sewwasew bħad-dell!

U meta immissu l-qiegħ ħbieb kemm imorrulna s-santi feteti! Kemm ma nibqgħux nippuppaw aktar! Kemm nieqfu nisserdqu! U, fuq kollox, kemm insiru umli! Daqshekk umli u saqajna mal-art li tibda’ titlagħna l-għanja ħelwa li jħobb jgħanni Ġorġ Aġius, l-Għannej tal-Mulej, li, sewwasew f’dik l-għodwa fejn kelli bżonn in-nebuliser fl-emerġenza, kien għannieli għodu għodu: “Iġbidni lejk Verġni Marija u żommni umli bħal tarbija”.

Żewġ kelmiet li, għal min studja ħafna, u forsi studja barra wkoll, għal min il-kelma tiġih faċli l-għaliex jaf jikkomunika, jaf forsi iqisha xejn. Imma tassew jaħasra! U ħasra! Għax ikun tilef il-qaleb u l-ġbejna! Ikun, bħalma ngħidu, ta’ min jitħassru! U l-għaliex ta’ min jitħassru? L-għaliex ikun qed jitlef l-għerf u s-sabiħ tal-ħajja. Li ma jiġix le mill-kwalifiki. Lanqas mit-twettieq ta’ proġetti kbar u ambizzjużi. Akkost li, biex l-għan jintlaħaq, jitkissru l-persuni. Imma huwa dak l-għerf li bih tiggosta kikkra kafè u tapprezza l-fatt li tkun qed titħaddet ma’ xi ħadd. Li jkollok il-kuraġġ li tħalli persuna tiftaħ qalbha. Mhux l-għaliex se issolvilha l-problemi tagħha. Minix le problem solver! Imma x’differenza li dik il-persuna issib min jismagħha! Jagħmlilha kuraġġ! Li, f’dak il-mument ta’ uġiegħ, mingħajr ma jistħoqqli, inkun nista’ nidħol fir-rwol tal-Mulej innifsu li għalih is-salmista jgħid: “Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi; iġma’ fi flixkun id-dmugħ tiegħi. M’huwiex dan fil-ktieb tiegħek?” (Salm 56:9).

Għax kemm hawn bżonn ta’ nies li, kuntrarju għalli jaħsbu xi wħud li jqisu l-passi tagħna, ikunu iva magħna f’kull ċaqliqa li nagħmlu. Persuni li jiġimgħu fi flixkun id-dmugħ tagħna. Persuni li għalihom aħna m’aħniex biss numru imma persuni. Li isimna mniżżel b’ittri tad-deheb u li ma jitħassarx fi qlubhom.

U dawn in-nies tintebaħ bihom. Ma jieħdukx for granted! Arahom jibgħatulek meta tkun marid/a ħa jaraw kif int. Jitolbu għalik billi joffrulek il-quddiesa, ir-rużarju jew il-kurunella tal-Ħniena Divina qabel ma tkun se tagħmel xi pass importanti f’ħajtek. Persuni li ma jagħtukx show moqżież ta’ kemm jafu u ta’ kemm huma bravi imma juruk tassew, mis-sempliċità ta’ qalbhom kbira, “l-qalb ħanina ta’ Alla tagħna” (Lq 1:78). Dawn huma n-nies għaqlin tal-vanġelu li huma fidili. Li ma jaħarbilhom xejn. Li kull okkażjoni li tiġihom biex biha l-Mulej ikun jista’ jagħmel ħafna ġid bihom letteralment jaħtfuha. L-għaliex f’qalbhom ikunu emmnu dak li qalilna Ġesù fil-vanġelu skont Ġwanni: “Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi” (Ġw 15:8).

U, jagħmlu ħafna frott, l-għaliex iħallu lill-Missier jiżborhom u jnaddafhom sakemm iġibhom bħalu: ħabbrieka! Dawn jagħmlu tagħhom kliem Ġesù “Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll” (Ġw 5:17).

Stephen Grellet qalha sabiħa wisq! “Se ngħaddi minn din id-dinja darba biss. Il-ġid li nista’ nagħmlu jew il-ħniena li nista’ nuri lil kull bniedem, ejja nagħmilha issa. Ejja ma nħallihx għal għada jew inwarrbu għax minix se nerġa’ ngħaddi mit-triq darb’oħra”.

Iva! Għalhekk naħseb li tkun se taħrabli! Għax konvintissimu minn dan!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: