Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > L-2400 anniversarju mit-twelid ta’ ġenju

L-2400 anniversarju mit-twelid ta’ ġenju


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO ħabbret li f’din is-sena, l-2016, tiġi iċċelebrat fiha l-Anniversarju mit-twelid ta’ Aristotile. Din id-deċiżjoni importanti ġiet mittieħda fit-38 sessjoni tal-Konferenza li nżammet f’Pariġi bis-saħħa tas-suġġeriment tal-Kummissjoni Nazzjonali Griega.

L-anniversarju mill-2400 sena mit-twelid ta’ dan il-filosfu Grieg tal-qedem qed jilħaq il-milja tiegħu f’din il-ġimgħa meta għaddejja konferenza internazzjonali organizzata miċ-Ċentru Interdixxiplinarju għall-Istudji ta’ Aristotile. Din il-konferenza qiegħdha titella’ fl-Università ta’ Tessalonika mit-Tnejn 23 sa għada s-Sibt 28 ta’ Mejju. Kif kien mistenni dan il-forum ġab fil-Greċja l-krema tad-dinja filosofika moderna. L-aqwa riċerkaturi qiegħdin jippreżentaw l-istudji tagħhom dwar ix-xogħol ta’ Aristotile mhux biss fl-università li hija msemmija għalih imma wkoll fi Stagira tal-qedem, illum Halkidiki, il-belt fejn dan il-ġenju kbir Grieg u ta’ kull żmien twieled fis-sena 384 QK u kif ukoll f’Mieza tal-qedem fejn kien għallem lil Alessandru l-Kbir.

Aristotile huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar figuri importanti fil-ħsieb tal-Punent. Kien wieħed mill-ewlenin ħassieba li ssistematizza l-filosofija u x-xjenza. Il-ħsieb tiegħu fuq il-fiżika u x-xjenza kellu impatt kbir tant li baqa’ jinfluwenza l-ħsieb medjevali saż-żmien tar-Rinaxximent. Ta’ min jgħid ukoll li l-eżattezza ta’ uħud mill-osservazzjonijiet bijoloġiċi tiegħu ġiet ikkonfermata fis-seklu li għadda. Ix-xogħol tiegħu fil-loġika hemm maħżuna fih l-aktar studju formali bikri tal-loġika li s’issa nafu bih. Dan ix-xogħol kien biss sorpassat fl-aħħar tas-seklu dsatax. Matul iż-Żminijiet tan-Nofs il-metafiżika Aristoteljana kellha influwenza kbira fuq il-ħsieb teoloġiku fit-tradizzjonijiet Lhud, Insara u Misilmin. Il-wirt tal-ħsieb ta’ Aristotile għandu jinħass fit-teoloġija Nisranija. Eżempju ta’ dan hija t-teoloġija Ortodossa fil-Lvant u t-teoloġija Kattolika kif iffurmata mill-iskolastiċiżmu. L-aspetti kollha tal-filosofija ta’ Aristotile għadhom ikunu oġġett tal-istudju akkademiku sallum.

Għalkemm Aristotile kiteb bosta trattati u djalogi varji huwa maħsub li l-biċċa l-kbira tal-kitbiet tiegħu m’għadhomx magħna. Fil-fatt dawn il-kitbiet intilfu u ġew misjuba bosta drabi. Aristotile kien kittieb prolifiku tant li f’idejna għandna biss kwint mix-xogħol tiegħu. Aristotile mhux biss studja kważi kull suġġett possibbli fi żmienu imma wkoll għamel kontribuzzjoni kbira lil ħafna minnhom. Huwa studja l-anatomija, l-astronomija, l-ekonomija, l-embrijoloġija, il-ġografija, il-ġeoloġija, il-meteoroloġija, il-fiżika u ż-żuwoloġija. Dawn huma materji li għandhom x’jaqsmu max-xjenzi fiżiċi.

Ix-xogħlijiet ta’ Aristotile jmorru ħafna lil hinn minn hekk. Aristotile kiteb ukoll dwar l-estetika, l-etika, it-tmexxija, il-metafiżika, il-politika, il-psikoloġija, ir-retorika u t-teoloġija. Huwa studja b’mod dettaljat l-edukazzjoni, id-drawwiet tal-barranin, il-letteratura u l-poeżija. Ix-xogħol maqgħud tiegħu huwa maħsub li jikkonstitwixxi enċiklopedija sħiħa tal-għerf Grieg. Ħafna esperti jgħidu li Aristotile kien x’aktarx l-aħħar persuna li kienet taf dak kollu li setgħet tkun taf fi żmien li għexet fih.

Wieħed mill-punti ewlenin tax-xogħol ta’ Aristotile huwa l-inklużjoni tal-oqsma li llum nqisuhom bħala fiżika, bijoloġija u xjenzi naturali oħra. Dawn insibuhom maħżuna fl-istudji filosofiċi tiegħu. Illum l-għan tal-filosofija ġie limitat għall-istudji ġeneriċi u astratti bħalma huma l-etika u l-metafiżika, fejn il-loġika tilgħab parti importanti ħafna. Illum l-istudju tal-filosofija għandu ħabta li jeskludi l-istudji empiriċi tad-dinja naturali permezz tal-metodu xjentifiku. B’kuntrast għal dan kollu l-istudji filosofiċi ta’ Aristotile kien jħaddnu il-faċċati kollha tal-istudji intellettwali. Aristotile ħadem bis-sħiħ biex jagħmel il-filosofija koeżiżtenti mal-ħsieb li hu iddeskrivieh bħala “xjenza”. Għalih ix-xjenza kollha kienet prattika, poetika jew teoretika. Ix-xjenza prattika kienet l-etika u l-politika. Ix-xjenza poetika kienet l-istudju tal-poeżija u ta’ l-arti. Filwaqt li x-xjenza teoretika kienet il-fiżika, il-matematika u l-metafiżika.

Fil-perjodu bejn iż-żewġ mawriet tiegħu f’Ateni, fejn kien żar l-Akkademja u l-Liċeo, Aristotile għamel ħafna xogħol ta’ riċerka fil-ħsieb xjentifiku li għalih illum huwa magħruf mal-erbat irjieħ tad-dinja. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira mill-ħajja ta’ Aristotile kienet iddedikata għall-istudju tal-oġġetti tax-xjenzi naturali. Il-kontribuzzjonijiet tiegħu kienu kbar. Hekk, ngħidu aħna, il-metafiżika tiegħu taħżen osservazzjonijiet fuq in-natura tan-numri. Madankollu Aristotile m’għamel l-ebda kontribuzzjonijiet oriġinali fil-matematika. Iżda wettaq riċerka oriġinali fix-xjenzi naturali bħalma huma l-botanika, iz-żuwoloġija, il-fiżika, l-astronomija, il-kemistrija, il-meterjoloġija u għadd ta’ xjenzi oħra.

Fil-biċċa l-kbira l-kitba ta’ Aristotile kienet imsejsa fuq it-tagħrif kwantitattiv ta’ żmienu. Filwaqt li x-xjentisti użaw xogħlu bħala punt tat-tluq f’ħafna xjenzi f’xi modi ma seħħilhomx jilħqu l-iskopijiet tagħhom. Dan seħħ l-għaliex Aristotile ma kkunsidrax kunċetti bħall-massa, il-veloċità, il-forza u t-temperatura. Għalkemm kellu l-kunċett tal-veloċità u t-temperatura madankollu qatt ma seta’ tassew jifimhom. Parti minn din ir-raġuni hija minħabba l-assenza tal-għodda esperimentali bażiċi bħall-arloġġi u t-termometri li f’dak iż-żmien ma kienux jeżiżtu. Minkejja dawn id-diffikultajiet Aristotile fetaħ bieb importanti għax-xjenza li, sallum, ma kienx possibbli li jinfetaħ għajr għall-id tiegħu.

Kien San Tumas D’Akwinu, il-ġenju Dumnikan, li irrijabilita lil Aristotile fil-Knisja. Id-Duttur Anġeliku seħħlu jgħaqqad ix-xjenza u l-filosofija ta’ Aristotile mal-veritajiet rivelati tal-Bibbja. Waqt li irraġuna li l-Aristotiljaniżmu huwa veru imma m’huwiex il-verità sħiħa San Tumas seħħlu jirrikonċilja l-filosofija ta’ Aristotile mal-verità tar-rivelazzjoni Nisranija. Għalkemm Akwinu kien dixxiplu fidil ta’ Aristotile kien ħafna aktar dixxiplu fidil tal-Knisja. Huwa seħħlu jifformula mill-ġdid l-idejat ta’ Aristotile għal kuntest ġdid. Akwinu kellu l-ħila jagħmel distinzjonijiet li Aristotile ma għamilhomx. Akwinu kien ukoll kuraġġuż biżżejjed li jmur lil hinn minn Aristotile. Fis-seklu 13 l-iskoperta u l-qawmien tal-ġabra tat-tagħlim ta’ Aristotile u s-sinteżi tagħha minn San Tumas ta’ Akwinu bil-prinċipji Insara kellha effett kbir fil-ħsieb politiku medjevali. B’riħet Aristotile Akwinu pprovda pont solidu mill-antikità għal żmienna.

Nislet għaxar ħsibijiet kbar ta’ Aristotile. L-ewwel, l-imħabba hija magħmula minn ruħ waħda li tgħix f’żewġt iġsma. It-tieni, l-għeruq tal-edukazzjoni huma morri imma l-frottha hu bnin. It-tielet, il-ferħ jiddependi minna. Ir-raba’, il-marka ta’ bniedem mgħallem hi li jinteressa ruħu fi ħsieb mingħajr ma jaċċettah. Il-ħames, l-aqwa ħabib tiegħi huwa dak li waqt li jixtieqli l-ġid huwa jixtiequ għalija. Is-sitta, l-għan tal-arti hu li tirrappreżenta mhux id-dehra ta’ barra tal-affarijiet imma t-tifsira ġewwiena tagħhom. Is-seba’, fil-milja tiegħu l-bniedem hu l-aktar wieħed nobbli fost l-annimali; iżda maqtugħ mill-liġi u l-ġustizzja hu l-agħar wieħed fosthom. It-tmienja, kulħadd jista’ jirrabja. Dan hu faċli. Imma li tkun irrabjat mal-persuna ġusta, bil-livell ġust u fil-ħin adattat u għall-għan ġust, u bil-mod ġust, dan mhux fil-qawwa ta’ kulħadd. U mhux faċli. Id-disa’, fid-dinja ma twettaq xejn mingħajr il-kuraġġ. Hija l-ogħla kwalità tal-moħħ wara l-unur. L-għaxra, it-tama hija ħolma miexja.

Għax ma naqbadx dawn l-għaxar ħsibijiet u kuljum neżamina lili nnifsi fuqhom? Tgħid ħajti ma tieħux qadfa ‘l quddiem b’riħet Aristotile? Il-ġenju li twieled 2400 sena ilu?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: