Waqt li … 


Patri Mario Attard OFM Cap

Minn barra li nħobb insejħilha minn qalbi, għaliex tassew inħobbha, il-Ktieb tal-kotba, il-Bibbja nħobb ukoll inqisha bħala l-Ktieb tas-Sorpriżi. U veru tafux! Għaliex aktar mal-Mulej iniżżilni fiha aktar niskopri dawn is-sorpriżi li jimlewni b’ferħ u fejqan kbir!

Mela isimgħu b’din is-sorpriża. U araw intom jekk tagħmilx tabiħaqq sens! Dan l-aħħar kont qed nisma’ lezzjoni mill-isbaħ fuq is-silta meħuda minn Mattew 28:16-20. Il-kelliem, espert fil-materja, qal xi ħaġa li fetħitli jew aħjar ikkonfermatli orizzont kbir f’ħajti. Waqt li Ġesù qed jagħti l-missjoni lill-appostli huwa jgħidilhom: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu,  u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28 :19-20). F’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja, inkluża dik Maltija, ilkoll jaqilbu l-kelma poreuthentes (πορευθέντες) fi kmand: “Morru”. Imma, fil-verità, poreuthentes hija partiċipju. Skond dan l-espert din il-kelma fl-ilsien Ingliż għandha tiġi maqluba bil-kelma going, bil-Malti, “waqt li sejrin”. Hekk it-traduzzjoni bil-Malti tiġi: “Mela, waqt li sejrin agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu,  u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28:19).

Din ir-riflessjoni tagħtni ħafna x’nifhem! Fit-taħdit tagħna aħna ngħidu: “Dejjem sejrin!” Veru! Il-ħajja saret bla nifs! Interessanti li skont San Mattew anki Ġesù dan jifhmu sewwa. Jaf li aħna għandna ħafna x’nagħmlu. Jaf li mhux possibbli li nitilqu kollox u mmorru nevanġelizzawh f’pajjiżi oħra bħalma għamlu xi wħud bħala missjunarji. Dan it-test jurina li anki f’Malta aħna ilkoll għandna missjoni x’inwettqu. Anki f’Malta nistgħu nagħmlu dixxipli tal-Mulej mill-Maltin u mhux Maltin li hawn jgħixu magħna.

Lil Ġesù nistgħu inwassluh kullimkien. Nibdew minn dawk li għandhom il-professjoni u nispiċċaw fl-aktar ħaddiema sempliċi. Il-mod kif nilqa’ n-nies li naqdi, l-etika li nimxi biha f’xogħli, il-mod ġust u mhux esaġerat li bih nitħallas kollha qiegħdin iwasslu l-messaġġ qawwi ta’ Ġesù. Ejjew ma ninsewx li Ġesù qed jibgħatna inwassluh fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna f’Isem il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu!

Il-Missier. Il-kap tal-familja. Dak li hu responsabbli u li f’idejh għandu l-awtorità tal-familja. Fis-soċjetà tagħna hawn bżonn li niskopru mill-ġdid x’inhi l-awtorità? Li l-awtorità hija meħtieġa l-għaliex iġġib l-għaqda u mhux il-firda? Li l-awtorità qiegħdha hemm biex tħares l-interessi ta’ kulħadd u mhux ta’ wħud biss? U biex, jien min jien, meta ġejt imsejjaħ biex naqdi fl-awtorità, dan qed nagħmlu mhux għal xi gwadann personali ta’ fama, prestiġju inkella flus iżda l-għaliex tassew qed infittex il-ġid ta’ kulħadd?

L-Iben. Dak li jirċievi l-imħabba u l-kura mill-Missier. Dak li jirreċiproka billi joqgħod għat-tmexxija tal-Missier li jħobbu. Għax tassew iridlu l-ġid. Kemm bħala soċjetà qiegħdin noqgħodu għall-awtorità? Jew issa sirna li kulħadd għamel lilu nnifsu l-awtorità? Li issa liġi m’hemmx għaliex l-interessi tiegħi jiddettaw l-imġieba tiegħi u mhux dak li hu sewwa? X’messaġġ qed jibgħatilna l-fatt li illum ma tista’ tikkoreġi lil ħadd l-għaliex jibilgħuk? Li ma tista’ turi lil ħadd it-triq it-tajba l-għaliex, dak li jkun, jarma jitpastas kemm jiflaħ tant li jumbrak?

L-Ispirtu s-Santu. L-imħabba bejn il-Missier u l-Iben. Illum nitħaddtu ħafna dwar l-imħabba. Kollox sar imħabba. Għax l-imħabba saret ballun tal-futbol. Il-ħin kollu tiela’ u nieżla. Imma, fil-verità, x’inhi l-imħabba? Il-ħedoniżmu? Il-pjaċir? L-iżfugar? X’jista’ tassew jinbena fuq il-pjaċir tal-mument? Jew l-imħabba hija relazzjoni ta’ impenn? Li jiena nħobb lil xi ħadd fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fis-saħħa u fil-mard? Teżiżti imħabba bla rispett? Jew ir-rispett huwa l-għalliem dejjiemi tal-imħabba? U l-imħabba hija magħluqa? Għal żewġ persuni biss? Iva dawn iż-żewġ persuni ma jistgħux iwessgħu mħabbithom għall-oħrajn? U jekk l-imħabba hija l-ossiġnu tar-ruħ mhux minn kull sitwazzjoni tista’ l-imħabba tgħaddi fuqi?

Kemm riflessjonijiet fuq naqra ta’ partiċipju, poreuthentes! Imma huma meħtieġa l-għaliex, waqt li int u jien inkunu hemm barra, nistgħu iva nagħmlu differenza. Mhux l-għaliex nikkmandaw imma l-għaliex nipproponu. U illum, fi żmien fejn naħilfu bl-għażla, mhux dejjem tajjeb ikollok alternattiva oħra?

X’taħseb?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: