Itfa’ il-bombi!


Patri Mario Attard OFM Cap

 X’inti tgħid Patri? Min jisimgħek bil-bombi? Mela trid li tiċċappas mal-ġustizzja tal-bniedem? Għaliex qed titħaddet fuq il-bombi? Din hija kelma li żgur li ma rridux nisimgħu! L-aktar illum fejn issa għamlu bomba hawn! Imbagħad bomba hemm!

U lanqas jien ħbieb ma nieħu gost nismagħha. Aħseb u ara ngħidha. Imma illum ħassejt li kelli ngħidha! Ħassejt li kelli noqgħod bilqiegħdha u nitħaddet dwarha. U se ngħidilkom l-għaliex.

Fid-dinja jiżbalja kulħadd. Inkluż jien. Jidneb kulħadd. U dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed. Ġieli niltaqa’ ma’ nies li quddiem il-Mulej tassew għandhom qalbhom f’idhom. Avolja d-dinja, u ġieli l-Knisja, tikkundannahom. Imma dawn it-talin jiġrilhom li l-għadu, ix-xitan, għax dak veru jeżiżti u m’għandux sick leave, iwaqqagħhom fil-ħażen. U x’jiġrilhom? Jibdew jinxfu. Jimtlew tilja sens ta’ ħtija. Jispiċċaw jikkundannaw lilhom infushom. U joqgħodu hemm, imwaħħlin fil-passat tagħhom.

Aqtgħu fejn il-Mulej tani l-fejqan għal din is-sitwazzjoni biex f’ħajti qatt ma nibqa’ mweħħel fil-qtiegħ il-qalb, li huwa l-agħar xitan? Minn film tal-gwerra! Iva ħbieb! Darba rajt film li ħallili ħafna ġid fija. Meta ajruplan safa’ attakkat bl-aħrax mill-qawwiet tal-għadu x’taħsbu li għamel il-pilota tiegħu? Il-bombi li kellu fuqu waddabhom għal fuq il-għadu. U hekk seta’ itir ħafif lejn il-bażi tiegħu!

Din il-biċċa rajtha tagħmel sens kbir. L-għaliex minkejja li dak l-ajruplan safa’ attakkat bl-aħrax xorta waħda għamel dannu kbir lill-għadu. Għax battal il-bombi li kellu maħżuna fih għal fuqu! Hekk l-għadu ġie imnaffar minn dawn l-attakki. Iddgħajjef. U, ried u ma riedx, kellu jħallih jaħrab mis-sitwazzjoni. L-għaliex l-għadu stess spiċċa ferut!

L-istess jiġri fil-ħajja tar-ruħ. Meta l-għadu jolqotna l-għaliex, ta’ bnedmin li aħna, nidinbu, ara ma naqtgħux qalbna! Le! Anzi! Lix-xitan nitfgħulu xebgħa bombi tal-għemejjel tajba mal-proxxmu. U, aktar ma nuru mħabba lejn il-batut aktar ix-xitan jibża’ minna! Forsi tgħidli, imma din Patri fejn issibha fil-Bibbja? L-aqwa armerija li tista’ teżiżti biex biha narmaw ruħna fil-battalja tagħna kontra x-xitan u l-kumpanija misħuta tiegħu? Fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru li tgħid: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet” (1 Pt 4:8).  

Għax aktar ma nagħmel il-ġid lill-proxxmu tiegħi billi nitfagħlu l-bombi tal-opri tal-ħniena aktar se niġi konxju mill-importanza li nilqgħu. Għalhekk Pietru jgħidilna: “Ilqgħu ‘l xulxin bla tgergir” (1 Pt 4:9). Imbagħad aktar ma nilqgħu aktar se nħossni responsabbli li ngħinu skont id-doni li l-Mulej żejjinni bihom. Jerġa’ Pietru: “Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid ta’ l-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta” (1 Pt 4:10). U, aktar ma nservi lill-oħrajn, jiġifieri aktar ma’ nitfagħlhom bombi mimlija “grazzja ta’ Alla li hi ta’ ħafna xorta” (1 Pt 4:10) aktar inħoss il-bżonn li nittrażżan mill-ħażen u nitlob aktar biex inkun nista’ ngħin aktar. Jissokta San Pietru: “Kunu għaqlin u meqjusin biex tagħtu ruħkom għat-talb” (1 Pt 4:7). U t-talb iwassalni biex inqerr ħa nitnaddaf mid-dnub. Ħa nkompli nħobb aktar lill-proxxmu!

Tgħid dan ried ifisser Papa Franġisku meta, nhar it-Tnejn 28 ta’ Marzu 2016 fir-Regina Coeli qalilna: “Meta nkunu missejna l-qiegħ tal-miżerja u tad-dgħufija tagħna, Kristu Rxoxt itina l-qawwa biex nerġgħu nqumu.  Jekk nintelqu f’idejh, il-grazzja tiegħu ssalvana!?” Ikolli ngħid iva! Għax il-kwistjoni kollha qiegħdha hawn: “Irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21).

Itfa’ kemm tiflaħ il-bombi tal-opri tal-ħniena sieħbi! U aktar ma tħenn għall-proxxmu aktar tferi, tkisser u iġġib aċċjomu lil għadu ta’ ruħi u ta’ ruħek! Lix-xitan! Mela … itfa’ il-bombi!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: