Gideb u disfatti!


Patri Mario Attard OFM Cap

“U mur ara! Gidba għall-bżonn m’hiex dnub! Mhux white lie?” Veru! Mitt darba u elf! Imma dejjem lie jew gidba tibqa’. Mhux hekk?

Il-gidba velenuża l-għaliex tnaqqar il-fiduċja. Mela qabel kont nafdak l-għaliex ngħidlek kollox. Sal-inqas għomma li kien ikolli fuq l-istonku. U kont nafdak l-għaliex fik kont nara ħabib u ħabiba. Kont inqisek b’waħda u b’wieħed mill-familja stess. Imma mbagħad qbattek tigdibli. U weġġajt. L-għaliex li kieku kien ċikku l-poplu kont ngħid: “U ija! Ħallieha! Tgħaddi mal-oħrajn! Imma proprju int li kont taf b’kull xagħra u sufa li għandi?”

Inkella ġejt nixtri mingħandek. L-għaliex, minħabba r-rispett kbir li għandi lejk, hija l-għaxqa tiegħi li int tqum fuq saqajk. L-għaliex m’għandekx tirnexxi int ukoll fin-negozju tiegħek? Mhux kulħadd irid jiekol x’kull waħda? Imma x’ġara? Ridt issir sinjur millum għal għada. U jaħasra, minflok ħaddimt rasek u rajt kif ħa tagħmel biex tkabbar in-negozju tiegħek, kif, wara kollox, għandek kull dritt li tkabbru, sibt lili, beċċun u beċċuna! U slaħtni! Issa, għidli ftit, kif nista’ nibqa’ niġi nixtri mingħandek?

Mela dawn m’humiex disfatti fil-ħajja! Disfatta l-għaliex il-fatt kellu jkun xorta oħra. Li int u jien noqgħodu madwar medja u ngħidu kelma flimkien. Li jiena nafdalek parti minn flusi ħa tistgħana int ukoll. Ara taħseb li kien il-pjaċir tiegħi li narak bla nies fil-ħanut. Lanqas xejn! Anzi! Ridtek tikber bħal kulħadd. Imma, bħalma jiġri dejjem, ideffes denbu x-xitan u ssir it-tiġrifa. Madankollu nista’ ngħid li seħħet il-qerda totali?

Hawnhekk terġa’ lura fuq fommi t-tbissima tat-tama. Meta l-għażiża Malta tagħna ġiet attakkata bil-kbir mill-għadu, fit-Tieni Gwerra Dinjija, kienet disfatta kbira għalina. Madankollu, minflok li kulħadd qgħad b’idejh fuq żaqqu u ħalla kullimkien tiġrif il-Maltin kollha ingħaqdu biex jerġgħu jibnu l-pajjiżna mill-ġdid. Fil-fatt kien hemm il-fond tal-war damage. Alla jbierek, sebgħin sena wara, fejn hu l-bini mġarraf tal-aħħar gwerra? Fejn huma d-djar imwaqqgħin? Inkella t-tifrik tal-bombi? Mhux kollox ġie imnaddaf? Illum tela’ bini ġdid, sabiħ u modern li ħa l-post tal-bini antik tal-gwerra. L-għaliex l-imġarraf jgħajjat għall-bini mill-ġdid.

Daqstant ieħor fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna ħbieb. U mela ma jgħaddux minn mumenti ta’ attakki. Bumbardamenti. U tiġrif. Imma hemm it-tama tal-fejqan. Tal-bini mill-ġdid. Tal-korrezzjoni ta’ fejn għandu jiġi ikkoreġut. U hekk ir-relazzjonijiet tagħna, huma x’inhuma, miżżewġin, partners, ħbieb, jerġgħu jitilgħu mill-ġdid. U jissaħħew. Il-ħaġa hi li bil-prattika nirfinaw ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Li wieħed jammetti li żbalja għax gideb huwa importanti. Dan l-għaliex inkun inħeles mit-toqol tal-qerq li jkun ħadem u jkun anki serraħ lill-vittma tal-gidba mit-togħma qarsa tal-gideb.

Issib min jirraġunlek li vażun li jinkiser, anki jekk twaħħlu mill-ġdid, xorta waħda ma jerġax jiġi bħalma kien. Imbagħad hawn min tant kemm għandu fiduċja fil-Mulej u fil-bnedmin li jgħidlek: “Iva. Żbalja! Żbaljat! Min ma jiżbaljax? Mela jiena ma niżbaljax ukoll? Ejja naraw kif se nfiequ.” Tiskanta kif min jirraġuna b’dan il-mod għandu aktar ċans li jasal fejn jixtieq.

L-għaliex fil-ħajja kollox jiddependi x’irrid fil-fond ta’ qalbi. Jekk tassew miftuħ u miftuħa għall-fejqan ħa nissallab biex dan iseħħ. Imma jekk iddeċidejt li nuża s-sitwazzjoni biex nimpika u npatti lanqas jekk jinżlu l-anġli mis-sema m’hu ħa nċedi.

Ħaġa oħra li jiena u int irridu niftakru hija li mal-Mulej aħna ilkoll midjunin. Min minna lill-Mulej ma joffendiehx? Il-ħasra hi jekk nirraġunaw: “U iva! Dak mhux Alla! Jiena bniedem!” Dan hu raġunament żbaljat għal kollox. Bla dinjità. L-għaliex Dak li lili għamilni sensittiv għat-tajjeb u l-ħażin hu nnifsu mhux sensittiv? Le ħbieb! La l-Mulej ħafirli jiena għandi naħfer. U nibda’ paġna ġdida. Inkella f’ħajti disfatta! L-għaliex bla paċi.

Ħa nkun għaqli\ja fuq min għandi nafda. Ejja infieq billi ninħeles mir-rabja fija. Ħa ngħix! Minkejja l-gideb u d-disfatti!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: