Tidħolx ħdejh!


Patri Mario Attard OFM Cap

Qiegħdin ngħixu f’dinja sabiħa. Imma, fl-istess ħin, midinba. Id-dgħjufija tad-dnub inġorruha ilkoll. Jien l-ewwel wieħed. Għaliex bniedem bħalkom.

Nafu li fostna hawn tgħix il-grazzja ta’ Alla. Ninnutaw bil-qlub ġenerużi li hawn madwarna. Mhux sempliċiment l-għaliex il-ġabriet tal-Milied qiegħdin iwaqqfu r-records. Allaħares il-grazzja titkejjel minn hekk biss. Għalkemm dan hu tajjeb il-karità trid tkun is-sena kollha. Staqsi lill-istituti. Fil-Milied it-tfal ikunu fully booked bl-appantumenti. Issa ġew mistiedna l’hawn. Imbagħad ġew mistiedna l’hemm. Imma x’jiġri fil-jiem tas-sajf, fejn ħafna jaqbdu t-triq għall-ajruport ħa jsifru jew imorru fil-post tal-villeġġatura tagħhom? X’isir minnhom it-tfal anqas ixxurtjati minna? Naħsbu fihom bħalma naħsbu fil-jiem tal-Milied? Jew inħalluhom fl-istituti tagħna u nserrħu l-kuxjenza li hemm min jistedinhom basta mhux aħna? Mela, taqbel miegħi li l-karità mhux biss għandha issir imma li ssir l-aktar meta ma jkunx peak season għaliha li ssir. Bħalma, ngħidu aħna, fis-sajf.

Minkejja t-tajjeb li għandna, għax bnedmin ħażin għandna ukoll. B’xorti ħażina l-ħażin iħajjar. L-ewwel jiġi għandna ħelu daqs iċ-ċirasa. Il-ħażin iwiegħdna ħafna affarijiet sbieħ. Jipprova idurilna mal-lewża biex, naqra naqra, nillaxkaw mill-prinċipji li nħaddnu. Jibda’ jivvinta eċċezzjonijiet fejn ma jeżiżtux. U dan biex jiftħilna t-tieqa ħa nibdew it-triq fejn twassalna għal bla kontroll. Jiġifieri li nagħmlu mhux dak li hu sewwa, akkost li nbatu, imma biss li nixtiequ u li jaqblilna. Li, ovjament, ħafna darbi ma jkunx sewwa.

Il-ħażin mhux xi rejaltà newtrali. Forsi kif iridu jpinġuha xi wħud li ma jridux jingħaqdu mal-ebda twemmin. Inkella dawk li jippruvaw isibu soluzzjonijiet intellettwali għal dak kollu li jiġri fil-ħajja. Ikun għaqli jekk lil dawn ħutna infakkruhom f’dak li kien qal Adrian van Kaam: “Il-ħajja hija misteru biex tgħixu u mhux problema biex issolvieha”. Bil-mod! Minix ngħid li l-problemi ma tridx tipprova issolviehom. Imma mhux kull problema tista’ fil-fatt tissolva. Mhux problema li titlef lil xi ħadd li tkun tħobb? Għidli! Imma nistgħu inġibuh u nġibuha lura la darba ħarġu minn dan il-Wied tad-Dmugħ? Żgur li le! Min mar mar! U t-tama tiegħi u tiegħek hija li qed jistrieħ fis-sliem. Għaliex aħna, li nħobbuh u nħobbuha, hekk nixtiequlu. U nixtiequlha.

Il-ħażin warajh hemm persuna. Ix-xitan. Le! Minix ħa nagħtih importanza esaġerata. Lanqas l-importanza li tistħoqqlu. Għaliex fil-fatt ma tistħoqqlu l-ebda importanza lill-għadu qadim ta’ ruħna. Imma l-biċċa għerf, “kun af lill-għadu tiegħek”, hija ferm meħtieġa. Speċjalment fir-rejaltà spiritwali. Kif iħobb jfisser tant tajjeb Patri Elija Vella OFM Conv, eżorċista, predikatur u kittieb magħruf fostna, ix-xitan qisu bħall-kelb irrabbjat lest biex iqatta’ lil min imur maġenbu. Dan il-kelb huwa marbut b’katina twila. Mela imrażżan u limitat. B’daqshekk imma ma jfissirx li għandi nilgħabha tar-raġel u tal-mara u mmur nindiehes miegħu. Inkella jqattani biċċiet!

Jekk ma rridx lil dan il-kelb irrabjat iqattagħni ħaj u ħajja, ħa nieħu ħames pariri li jagħti l-eżorċista Taljan, Don Pasqualino Fusco, fil-ktieb tiegħu Preghiere di liberazione dal maligno.

L-ewwel mod hu li nevitaw id-dnub. Dgħajfa kemm aħna dgħajfa xorta waħda aħna msejħa li d-dnub naħarbuh. Ma jkunx qed jirraġuna jew jippriedka l-verità sħiħa min tant kemm jiffoka fuq il-fraġilità tal-bniedem li meta tisimgħu donnok tieħu l-impressjoni li hija ovvja li wieħed bilfors jaqa’ fid-dnub. Maqgħud mal-grazzja tal-Mulej il-bniedem ma jaqax fid-dnub. Wara kollox Ġesù ma qalilniex: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib” (Mt 26:41)? It-tieni mod kif lix-xitan nitbiegħdu minnu huwa permezz tal-qrar. Bis-sagrament tal-qrar id-dnubiet jinħafru. Ix-xitan jinkixef u l-influwenza tiegħu fuqna tiddgħajjef sakemm titkeċċa għal kollox. It-tielet mod huwa l-quddiesa. Meta nirċievi l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej jiena nitqawwa fil-ġlieda tiegħi kontra l-ħażen. Bil-preżenza ta’ Ġesù ħaj fija ix-xitan ikollu jdabbar rasu. Mal-quddiesa inżidu wkoll l-adurazzjoni ewkaristika. L-aħħar mod huwa r-Rużarju Mqaddes. Ix-xitan lill-Madonna jobgħodha. Bħalu hi ħlejqa ta’ Alla. Imma hi dejjem għamlet ir-rieda ta’ Alla. Mhux bħalu li irribella kontra l-Mulej.

B’dawn il-ħames armi serraħ rasek li int imħares u imħarsa mill-kelb feroċi. Mix-xitan.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: