Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Offri  ‘l fuq u ibqa’ miexi/mixja!

Offri  ‘l fuq u ibqa’ miexi/mixja!


Patri Mario Attard OFM Cap

Problemi. Inkwiet. Issa marad dak. Imbagħad mardet dik. Issa isseparaw dawk. U mbagħad isseparaw l-oħrajn. Issa seħħ inċident lil dak iż-żgħażugħ. U mbagħad dik il-mara għaddiet minn burraxka. Saħasitra anki t-tfal tagħna qiegħdin iduqu mill-morr kiefer tal-ħajja. Dak it-tifel sabulu hekk. U dik it-tifla sabulha hekk.

Morr! Morr! Morr! Uġiegħ il-qalb. Diżappunti. U l-istorja tissokta tibker. Togħla. ‘L fuq il fuq! U aktar ma nfettqu fuq il-problemi li nħabbtu wiċċna magħhom, li nġibu b’idejna aħna jew li jiġu fuqna, aktar dawn se jikbru. U jogħlew sas-smewwiet. L-għaliex il-weġgħat dak li jkunu jridu biex jikkankrawna: li niffukaw fuqhom. Inkabbruhom aktar milli jkunu. Ilkoll nafu x’ħerba jħallu fina meta nibqgħu naħsbu fuqhom bil-lejl u bin-nhar. Dan imqar ikolli musmar ċkejken. Li m’hu xejn ħdejn dan kollu li qiegħdin insemmu. Aktar ma mmissu, inħokku jew noborxu aktar se nħoss l-uġiegħ tiegħu. Mhux daqshekk biss! Ejja ma mmurx ‘il bogħod! Biżżejjed noqgħod inħares lejh! Aktar ma niffissa ħarsti fuqu aktar se nħoss l-uġiegħ tiegħu. Għaliex anki jekk ma mmissux il-fatt biss li nwaħħal ħarsti fuqu diġà se nibda’ nimmaġina l-uġiegħ. U l-uġiegħ, jekk niftaħlu l-bieb, se jidħol u jweġġagħni ferm aktar mill-weġgħa innifisha!

Huwa faċli ħafna li meta nisimgħu bl-istejjer ta’ uġiegħ ta’ xulxin nittaqqlu. Minn banda dan hu sinjal pożittiv. L-għaliex il-qalb tħoss. U tferi ruħha. Jiddispjaċieha għat-tbatija li tkun ġiet fuq qalb oħra bħalha. Biss anki hawn irridu noqgħodu attenti.  Ir-rejaltà tal-ħajja hija ħafna aktar wiesgħa mill-uġiegħ li ngħaddu minnu aħna jew ħaddieħor. Alla ħares jekk neħlu fuq l-uġiegħ biss u ngħidu li l-ħajja hija din biss. Inkella kif se nesperjenzaw il-parti l-oħra tal-ħajja, il-fejqan? Forsi għalhekk, fi żminijietna, minkejja l-kumdità li għandna, għaliex, għall-grazzja ta’ Alla, ħdejn popli oħra tassew imxejna ‘l quddiem, għandna din is-sħaba sewda u ħoxna fuqna. Ħbieb, ma jidhrilniex li qed nikkonċentraw wisq fuq l-uġiegħ? Wisq fuq in-negattiv? Wisq fuq it-tkissir? U l-moħħi jekk nitimgħu negattiv mhux negattiv se jagħtini lura?

Imbagħad hemm problema oħra. Faċli wkoll li meta nisma’ l-problema ta’ xi ħadd nagħmilha tiegħi. U meta nagħmel hekk inħalliha tikkundizzjonali ħajti. Tkissirni minflok tibni u ssaħħani ħa tagħmilni persuna aħjar u aktar matur\a fil-Mulej. Niftakar fi storja ta’ Patri li pprova jirranġa għaxar problemi ta’ għaxar persuni differenti f’daqqa. Kemm ħadem biex isolvilhom il-problemi tagħhom! Ma nafx x’ma għamilx! Lanqas billejl ma kien jorqod! Daqskemm ried jgħinhom minn qalbu! Imma xi ġralu dan il-povru Patri? Ġralu li meta ra l-affarijiet sejrin lura bħall-granċ qata’ qalbu. U qatagħha li jinża’ minn Patri. Mela, wara li ppakkja kollox, mar quddiem Ġesù Ewkaristija fil-kappella biex jgħidlu l-aħħar kelma qabel ma jitlaq mill-kunvent u jibda’ ħajja ġdida. Mar quddiem Ġesù u bid-dmugħ f’għajnejn qallu jolfoq: “Mulej, jien fallejt! Il-problemi ta’ dawk in-nies mhux talli ma rnexxilix insolvihomlhom talli marru għall-agħar. Kemm inħossni fallut Mulej! Ġejt ngħidlek addijo l-għaliex, minflok solvejthomlhom, aktar marru lura.”

U, f’dak il-ħin, il-Patri sema’ leħen irqiq u mimli paċi f’qalbu jgħidlu: “U int min qallek li jien riddtek issolvilhom il-problemi tagħhom? Kulma stedinntek tagħmel hu biss li tħobbhom f’Ismi”. Beka bil-ferħ il-Patri l-għaliex intebaħ li xogħlu hu li jitlob u joffri lill-Mulej il-problemi u l-uġiegħat li jisma’ lill-Mulej. L-għaliex is-soluzzjoni ta’ ħafna problemi huwa t-talb u s-sawm. Bit-talb u s-sawm jifaqgħu s-swar tas-suppervja, tar-rabja, tan-nuqqas ta’ maħfra, tal-egoiżmu u tal-ħażen kollu. Bit-talb u bis-sawm jinfetħu l-bibien tal-maħfra, tar-rikonċiljazzjoni, tal-indiema u tal-bidla tal-qalb għas-sewwa.

Meta xi ħadd jgħidli bil-problemi tiegħu jew tagħha ħa noffrihom lill-Mulej. Ħa nitlob u nsum għalih u għaliha. Għax, jekk nagħtu ċans lill-Mulej jaħdem, il-fejqan fil-qlub iseħħ tassew!

Offri ‘l fuq u ibqa’ miexi\miexja!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: