Mela darba …


Patri Mario Attard OFM Cap

L-istorja. Li taffaxxina. Li tiftaħ separju. Li jaf ikun bla tmien. Għal min ikollu l-gazz li jidħol u jibqa’ nieżel fih. Hi x’inhi l-istorja tibqa’ l-għalliema tal-Istorja. L-istorja tal-bniedem. L-istorja tagħna. Fil-memorja kollettiva tagħna. Bħala bnedmin. Bħala poplu.

Mela darba kien hemm tifel. U dan it-tifel kien il-fessud t’ommu u missieru. Kulma jrid kienu jagħtuhulu. U int x’tistenna minn dat-tifel li ħliefu fil-familja ma kienx hemm? Xewqtu għalhekk bdiet issir liġi. Issa jrid hekk mela nagħmlu hekk. Imbagħad irid hekk u jkollna noqgħodu għalih. Kien hu biss. Kontra tnejn. It-tifel! U mhux il-ġenituri tiegħu. Iż-żgħir u mhux il-kbir. Il-ħanex u mhux min kien qed isir fil-forn tal-esperjenza tal-ħajja. Leħnu, l-għaliex jgħajjat, kellu jiġi obdut minnufih. Forsi l-għaliex aktar żgħażugħ. U illum liż-żgħir min ma jiggustahx? Inkella forsi l-għaliex iż-żgħir dejjem b’xi ħaġa ġdida! U mhux aħjar minn dawk li issa qed jiqdiemu? Issa dawk skadew x’kull waħda!

U t-tifel baqa’ jikber. U jitqawwa. Kienu saħansitra jitimgħuh kemm jgħidilhom hu. Tinsewx! Kelmtu kienet kollox! Wieħed kontra tnejn. Imma l-wieħed dejjem il-wieħed. F’minoranza. Imma x’ġaralu t-tifel li esperjenza ma kellux? Għamilha ma’ kumpanija ħażina. Li bdiet turieh ħwejjeġ li ma kienux jagħmlulu ġid. Bdiet iddeffislu f’rasu li aktar ma jagħmel li jrid aktar se juri x’jaf. Bdiet tfesfislu li meta xi ħadd jgħidlu kelma ta’ ġid, l-għaliex ikun iridlu l-aħjar, u li forsi lanqas hu, fis-saħna tal-mument, ma jkun qed jara, dak ix-xi ħadd huwa għalih għadu! Mela stmerru! Għamillu gwerra!

O kemm kisirha ma’ nies dan l-imbierek tifel! Nies li fil-passat tant kemm għamlulu ġid! Għaliex fetħulu għajnejh. Ma ħallewx jgħaffeġ. Ġiethom ħasra minnu jarawh jitkisser minn għemilu stess! U għalhekk intervjenew biex iġibuh għat-triq it-tajba. Imma t-tifel, li issa sar żgħażugħ, tgħidx kemm ħadha qatta’ bla’ ħabel kontriehom! U meta xi ħadd kien jirrimarkalu li meta qed jagħmel dak li jħoss qed jispiċċa jgħaffeġ fuq id-drittijiet ta’ ħaddieħor it-tifel kien jgħid: “Mhux hekk ħassejt!”

Hekk ħassejt! Mela nidħol fuq ix-xarabank u narak bilqiegħdha għall-affari tiegħek. Imbagħad ngħid: “Ajma kemm qed nixtieq ngħaddi minn fuq sieq dak jew dik! Kemm nieħu gost!” U hekk, mogħmi minn xewqati, ngħaddi minn fuq saqajk. U int, bl-uġiegħ u twaħwaħ, tgħidlek: “Ajma sieħbi! Ara fejn timxi!” U jien, sħun sħun, inwieġbek: “Għax hekk ħassejt!” Ara kif issir għalija! Veru? Ħa ngħidlek, ikollok raġun biex tbiegħ!

Qiegħdin ngħixu f’soċjetà fejn il-kelma kuxjenza hija mġebbda aktar mill-lastiku. Kulħadd iġebbed fiha miskina! Min għalih il-kuxjenza tfisser hekk u min mod ieħor. Taf x’naf ngħid li jekk il-lastiku inġebbiedha iżżejjed tinqata’! U ‘l fejn tiġi? U mhux għal wiċċi x’kull waħda! U meta tiġi għalija ma nafx fejn se tolqotni. Ajma! L-aktar jekk tolqotni u tifqagħli għajni! Imbagħad żgur li ma nkunx nista’ napprezza lili nnifsi u dak li hawn madwari!

Mela ejja nimxi bil-għaqal! Irrid insib eżatt x’inhi l-kuxjenza. U biex kuxjenza tkun tassew tajba għandha bżonn tiġi infurmata. Ma nistax ngħix bl-illużjoni li l-kuxjenza hi dak li nħoss biss. Minn dan l-eżempju pjuttost umoristiku qed nintebħu li jaf ikun hemm baħar x’jaqsam bejn dak li nħossu u dak li hu! Kemm-il darba ħbieb f’ħajjitna ġralna bħall-logħba tan-noli li nxommu ħażin! U x’jiġri meta nxomm ħażin? Ikolli noqgħod “biha” u hekk nerġa’ nibda’ kollox mill-ġdid!

Għalhekk il-kuxjenza, li hija l-leħen tal-Mulej fina l-bnedmin, irridu immantnuha u insaqquha. U biex? Żgur mhux b’dak li hu moda bħalissa. Jiġifieri l-mentalità li qed theżżeż is-soċjetà tagħna li, nammetu jew ma nammettux, hija msejsa fuq għeruq Insara. Biex tassew ngħixu b’mod mistrieħ u fil-paċi mal-Mulej, mal-oħrajn u fuq kollox magħna infusna, biex insibu din il-paċi u armonija li tant nixtiequ ġewwa fina irridu nduru lejn l-Omm li ġieli tajnieha bis-sieq! Irridu nduru għal dak li tgħallimna Ommna l-Knisja dwar il-kuxjenza.

Interessanti ngħidu li meta noqgħodu għal dak li tgħallimna Ommna l-Knisja aħna nkunu qiegħdin noqgħodu għat-tagħlim ta’ Ġesù stess! Hi fuqu timxi! Fl-istqarrija dwar il-libertà reliġjuża, Dignitatis Humanae nsibu kemm huwa meħtieġ li l-kuxjenza toqgħod għat-tagħlim tal-Knisja ta’ Ġesù:

“Għalhekk, l-ewwel nett, il-Konċilju Mqaddes jistqarr li Alla nnifsu għarraf lill-bnedmin liema hi t-triq li biha, waqt li jaqdu ‘l Alla, jistgħu isalvaw u jsibu l-hena fi Kristu. Aħna nemmnu li din l-unika vera reliġjon tinsab fil-Knisja Kattolika u Appostolika u lilha l-Mulej Ġesù fdalha d-dmir li xxerridha fost il-bnedmin kollha, meta qal lill-Appostli: ‘Morru mela għallmu lill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, għallmuhom iħarsu kulma għidtilkom.’ (Mt 28: 19-20). Iżda l-bnedmin kollha għandhom ifittxu l-verità, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam m’Alla u mal-Knisja Tiegħu, u meta jagħrfuha, iħaddnuha u jħarsuha. Dan il-Konċilju Mqaddes jistqarr ukoll bl-istess mod li dawn id-dmirijiet imissu u jorbtu l-kuxjenza tal-bnedmin, u li l-verità ma timponix lilha nnifisha xort’oħra jekk mhux bil-qawwa tal-verità nfisha, li tidħol fl-imħuħ ħelu ħelu imma fl-istess ħin bil-qawwa” (nru. 1).

Imbagħad, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallimna hekk dwar l-importanza li niffurmaw il-kuxjenza tagħna:

L-edukazzjoni tal-kuxjenza hu dmir li jrid jiġi mħares tul ħajjitna kollha. Sa mill-ewwel snin, il-kuxjenza tqajjem fit-tifel l-għarfien u l-ħarsien tal-liġi li hemm fih innifsu, magħrufa mill-kuxjenza morali tiegħu. Edukazzjoni għaqlija tgħallmek il-virtujiet; tħarsek u tfejqek mill-biża’, mill-egoiżmu u mis-suppervja, ma tħallikx tħossok ħati ta’ xi ħtija li ma tafx biha jew tħossok hieni bik innifsek u tieħu pjaċir b’dak li int – dan kollu jiġi mid-dgħufija u n-nuqqasijiet tal-bniedem. L-edukazzjoni tal-kuxjenza hi garanzija tal-libertà u ġġib il-paċi fil-qalb. Fil-formazzjoni tal-kuxjenza triqna hi mdawla bil-Kelma ta’ Alla [Cf. Salm 119:105]; din għandna nagħmluha tagħna permezz tal-fidi u t-talb, u nuruha f’għemilna. Jeħtiġilna ukoll ngħarblu l-kuxjenza tagħna quddiem is-salib tal-Mulej. F’dan jgħinuna d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu, u x-xhieda u l-pariri ta’ l-oħrajn, immexxijin mit-tagħlim ċert tal-Knisja [Dignitatis Humanae, 14]” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nri 1784-1785).

Ejja nieqaf inkun it-tifel li jagħmel biss dak li jħoss. U  jekk jien qed niġi mgħoddi l-messaġġ li kollox jgħaddi u b’hekk inkun aktar liberu ejja nifhem li din hija nasba tal-għadu! It-toqol li hemm fija nnifsi l-għaliex nagħmel li rrid u mhux dak li hu sewwa żgur li mhux ġej minn Alla li hu l-verità, il-ħniena u s-sliem. Jekk jien irrid ikun Kattoliku ta’ veru ħa jkolli kopja tal-Bibbja u tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Minn dawn iż-żewġ għejjun nista’ nifforma l-kuxjenza tiegħi speċjalment f’deċiżjonijiet jaħarqu.

Spiċċa żmien tad-dilettantiżmu. Irrid inkun xhud! Mela ejja nifforma l-kuxjenza tiegħi ħa nagħmel għażliet li jonoraw lill-Mulej! U hekk, meta tissokta tinkiteb l-istorja ta’ pajjiżna, jiena nkun wieħed minn dawk li għamlulha ġieħ bid-deċiżjonijiet retti li nkun ħadt. 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: