Il-Belt Eterna


Patri Mario Attard OFM Cap                                                                   

Ir-Rumani kienu jsejħulha Roma Aeterna, il-“Belt Eterna”. Inkella Caput Mundi, il-“Belt Kapitali tad-Dinja”. Ir-Rumani tal-qedem kienu jemmnu li, jiġri x’jiġri lid-dinja, u jitwieldu kemm jitwieldu u jmutu kemm imutu imperi, Ruma ħa tibqa’ għal dejjem.

Fil-mawra li kelli f’din il-Belt speċjali, waqt li kont miexi mat-toroq twal u storiċi tagħha, u nżur u nitlob fil-Knejjes sbieħ tagħha, dan kien il-ħsieb li ma ħallinix kwiet. Imqar għal waqt wieħed biss. Ruma! Il-Belt imperjali. Il-Belt tar-Repubblika. Il-glorja tal-Imperu Ruman. Il-Belt mimlija storja. Arkittetura. Pittura. Skultura. Il-Belt fejn il-frażi qadima Latina għadha tidwi sallum stess, fl-ispazzju imperjali u ekkleżjastiku tagħha: Roma locuta est causa finita est!

Kienx dan li qal l-għaref Santu Wistin li, fil-ħames seklu, f’waħda mill-omeliji sbieħ li hu għamel lill-merħla tiegħu, b’responsabbiltà ta’ ragħaj għarrafhom li l-Papa kien ikkonferma l-kundanni tal-ereżija Pelaġjana. Jiġifieri dik l-ereżija li kienet tgħid li l-umanità tant kemm hija tajba li mhijiex affettwata mid-dnub. Mhux biss imma li din l-ereżija kienet tgħid li l-bniedem, minnu nnifsu, għandu l-kapaċità fih li mingħajr l-għajnuna ta’ Alla jista’ jobdi lil Alla u jikseb is-salvazzjoni eterna. Kien f’din l-omelija li l-Kbir Wistin saħħaħ il-pożizzjoni tal-Konċilju ta’ Milevi u Kartaġni. Wistin kien qal: “Iż-żewġ konċilji bagħtu d-direttivi tas-Sede Appostolika u d-direttivi malajr ġew lura. Il-kawża spiċċat. Jalla l-iżball jiġi mitmum malajr kemm jista’ ikun” (Sermo 131: 10).

Imbagħad kelli l-grazzja nidħol fil-Vatikan. Il-kolonnat ta’ Gian Lorenzo Bernini fakkarni li l-Knisja, dik il-Knisja, li min jaf kemm jien stess nikkritika, hija, fuq kollox, ommi! Dik li nisslittni fil-fidi. Dik li għallmittni u għadha tgħallimni. Titmagħni u tisqini. Tfarraġni. Tmexxini. Turini. Tikkoreġini. Din il-Knisja li jien kburi li nagħmel parti minnha, għalkemm tkun marida, l-għaliex magħmula mill-bnedmin, mela minni u minnek, hija l-istess Knisja li twellidni għall-ħajja ta’ dejjem. Hija l-Knisja li tagħtini l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesù. Hija l-Knisja li tfakkarni li Ommi hija Marija. Mhux biss Omm Ġesù imma Omm Alla. U, saħansitra, Omm l-imnikktin kollha. Is-Saħħa tal-morda.

Dħalt b’dawn il-ħsibijiet fejqana fil-Bażilika ta’ San Pietru. U qalbi tħeġġet u ġriet lejn is-sagristija biex inbiddel ħa nikkonċelebra fil-Kappella ta’ San Ġużepp. “Ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejjħulu l-Messija” (Mt 1:16). Daqqet il-qanpiena u ħarġet il-quddiesa. U, f’dik l-arti kollha, statwi ġganteski li ħdejhom ħassejtni daqs nemla, stajt nilmaħ dawl mill-isbaħ ġej mit-tieqa tal-Bernini. Mit-tieqa tal-Ispirtu s-Santu, li tinstab eżatt fuq il-katedra ta’ San Pietru. Dawl li farraġni. Ferraħni. Imlieni bis-sempliċità u l-ħniena ta’ Alla l-Għoli. “Li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa” (Lq 1:78).

Minkejja daqshekk żbalji, skandli, piki, firdiet, din il-Knisja għadha soda. U tibqa’ soda. Sal-aħħar. Jiġri x’jiġri lid-dinja. L-għaliex kliem Ġesù lil Pietru tal-għaġeb! “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16:18-19).

Illum Franġisku, għada xi ħadd ieħor. U Pietru jibqa’ jilqa’ il-mandat ħelu mingħand Ġesù Kristu, is-Salvatur tad-Dinja. Miċ-ċentru tal-Belt Eterna ta’ Ruma. Is-Santa Sede. Li tiżbokka f’Ġerusalemm tas-Sema! Il-Belt Eterna!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: