Home > Familja, Koabitazzjoni, Ġenerali > IL-KOABITAZZJONI F’MALTA

IL-KOABITAZZJONI F’MALTA


Sottomissjonijiet mill-Moviment ta’ Kana bħala kontribut għall-konsultazzjoni mnieda mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili

  1. OSSERVAZZJONI ĠENERALI

Kull persuna, ikun xi jkun l-istat tiegħu jew tagħha, għandha tiġi trattata b’rispett u b’dinjità. Mil-lat ċivili, huwa għalhekk dmir ta’ kull leġislatur, li jirregola d-drittijiet u l-obbligi bejn persuni f’forom differenti ta’ relazzjonijiet, bħalma huma il-koabitazzjoni, l-unjoni ċivili u ż-żwieġ.

In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni dwar id-drittijet u l-obbliġi ta’ min ilu jikkoabita għall-numru ta’ snin jista’ jagħti lok għall-abbuż, partikolarment l-abbuż tal-parti vulnerabbli fir-relazzjoni. Għalhekk proposta legislattiva dwar il-koabitazzjoni, anke in vista tal-fatt li kienet imwiegħda fil-programm elettorali taż-żewġ partiti,  kienet mistennija.

Minbarra li jirregolaw dak li hu permess u dak li mhux permess u minbarra li joħolqu drittijiet u obbligi reċiproki, il-liġijiet dwar relazzjoniiet personali, jinfluenzaw l-imġieba u maż-żmien iħallu timbru fuq in-nukleu familjari u t-tip ta’ soċjetà li tevolvi. Għalhekk, filwaqt li liġi ta’ koabitazzjoni li tagħti protezzjoni lill-partijiet fir-relazzjoni hija utli u neċessarja mill-lat ċivili, m’għadhiex però tkun strument biex tippromwovi relazzjonijiet transitorji ta’ konvenjenza u/jew tekwipara l-koabitazzjoni maż-żwieġ jew l-unjoni ċivili, kif inhu suġġerit f’partijiet tal-abbozz.

  1. IL-KUNTEST TAR-REĠIM LEGALI DWAR RELAZZJONIJIET PERSONALI

Il-Liġi tal-koabitazzjoni għandha titqies ukoll fil-kuntest tax-xelta għar-regolamentazzjoni tal-istatus personali li l-leġislatur donnu jrid joffri. Jekk dan l-abbozz isir liġi, il-liġi Maltija sejra tipproponi ħames reġimi differenti li jirrigwardaw persuni li qed jgħixu flimkien bħala koppja.

Dawn huma:

(i)         iż-żwieġ bejn mara u raġel, kif regolat mill-Att dwar iz-Żwieġ (Kap 255) u l-Kodici Ċivili (Kap 16), li b’effett mill-2011, jista’ jiġi xolt mingħajr ebda raġuni għajr is-separazzjoni (kemm jekk de iure kif ukoll jekk de facto) ta’ mill-inqas erba’ snin.

(ii)        L-unjoni ċivili bejn żewġ persuni ta’ liema sess ikunu li wieħed jista’ jsejjaħlu żwieġ f’kollox ħlief fl-isem, u dan skont l-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili (Kap 530).

(iii)       żewġ persuni ta’ liema sess ikunu li jikkuntrattaw kuntratt ta’ koabitazzjoni quddiem nutar pubbliku, taħt l-abbozz in kwistjoni. Dan il-kuntratt biex ikun validu jrid ikun reġistrat ossia insinwat fir-Reġistru Pubbliku fir-Reġistru tal-Koabitazzjoni, wara li r-Reġistratur ikun assikura ruħu li l-formalitajiet kollha previsti mill-liġi jkunu ġew imħarsa. Din għandha effett fil-konfront tas-soċjetà kollha.

(iv)       koabitazzjoni b’dikjarazzjoni unilaterali f’każ li wara koabitazzjoni ta’ mill-inqas sentejn, wiehed jew wahda mill-koabitanti tirrifjuta li tidhol f’kuntratt ta’ koabitazzjoni. Din, ħlief għad-drittijiet naxxenti mill-koabitazzjoni de facto, għandha effett biss bejn il-koabitanti.

(v)        il-koabitazzjoni de facto bejn żewġ persuni, ta’ liema sess ikunu, għal aktar minn sentejn.

F’kull każ huwa importanti li jsir differenzjar ċar bejn l-implikazjonijiet legali ta’ kull reġim.

L-ironija hija li l-unika relazzjoni intima li mhiex rikonoxxuta mid-dritt Malti sejra tkun dik ta’ żewġ persuni li jagħtu ruħhom lil xulxin b’mod sħiħ u dejjiemi u  jixtiequ jkunu miżżewġin tul ħajjithom kollha.  Il-liġi Maltija donna tassumi li din ix-xewqa hija biss ideal li ma jistax jintlaħaq.

Minn naħa l-oħra min jagħzel li ma jiżżewwiġx jew li ma jisseħibx f’unjoni ċivili, imma jkun qed jgħix ma’ xi ħadd, ovvjament b’mod liberu għat-tnejn u b’għazla, jista jiġi mġiegħel jiġi regolat għax qiegħed f’relazzjoni intima ta’ koppja, u allura koabitant. Fl-assenza ta’ klawżola opt out, din hija kuntradizzjoni għall-approċċ liberali u huwa affront għall-libertà u għażla libera tal-persuni. L-istat jissostitwixxi lilu nnifsu għalihom u jbiddillhom l-intenzjoni tagħhom li ma jkunux marbuta jew regolati. Hannah Arendt, li tant kellha għal qalba il-libertà tal-bniedem, nistħajluha tikkummenta li f’isem il-libertà politika (liberty) qed titnaqqar il-libertà personali (freedom).

  1. L-ISKOP U L-AMBITU TAL-LIĠI HUWA RISTRETT GĦAL MIN QIEGĦED “F’RELAZZJONI INTIMA”

Dan l-abbozz qed idaħħal u jirrikonoxxi kunċett ta’ “relazzjoni intima” li ma għandha ebda obbligu personali ta’ fedeltà  u ta’ għajnuna morali u materjali bejn il-persuni. Ir-“relazzjoni intima” tinjora kompletament aspett importanti ta’ kull relazzjoni bejn persuni li hija dik affettiva (mhux neċessarjament sesswali) u ta’ fiduċja.

Dan l-abbozz, kif redatt, jagħti valur lil relazzjonijiet mingħajr impenn personali. Fil-fatt filwaqt illi fiż-żwieġ u fl-unjoni ċivili, il-mizżewġin u l-imsieħba għandhom “id-dmir li jkunu fidili lejn xulxin u li jieqfu ma’ xulxin kemm moralment kif ukoll materjalment”, dan hu kompletament assenti mill-kunċett ta’ koabitazzjoni, ħlief meta tintemm il-koabitazzjoni u waħda mill-koabitanti tkun finanzjarjament dipendenti, f’liema każ il-qorti meta tiffissa x’għajnuna finanzjarja għandha tingħata minn koabitant/a lil koabitant/a, jittieħdu in konsiderazzjoni, inter alia, il-bażi li fuqha daħlu għar-relazzjonijiet il-partijiet u l-grad ta’ impenn tal-partijiet lejn xulxin, u dan mhux għax kien hemm xi obbligi lejn xulxin imma biss bħala stat ta’ fatt.

Il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet personali mingħajr impenn u/jew obbligu ta’ support reċiproku jirriskja li jibbanalizza r-relazzjonijiet personali għall-arranġamenti ta’ konvenjenza. Il-banalizzazzjoni tar-rapporti intimi hija ċinikament murija fil-mod kif wieħed jista’ jikkontesta’ dikjarazzjoni unilaterali  ta’ koabitazzjoni. Il-metodu ta’ kontestatazzjoni hu ispirat minn dak użat biex tikkontesta money claims jew eżekuzzjoni ta’ kambjala.

L-abbozz ma jagħtix għarfien lil dawk il-persuni, ħafna drabi membri tal-istess familja imma wkoll jekk le, li jkunu qed jgħixu flimkien, mhux għax għandhom xi relazzjoni intima (jiġifieri sesswali) jew għax iżommu lilhom nnfushom bħala koppja, imma sempliċiment għax bħala stat ta’ fatt huma taċitament dejjem qasmu dak kollu li hu materjali bejniethom u taw l-għajnuna u s-support lil xulxin f’kollox. Dan għal min qed jipproponi dan l-abbozz ma jeżistix.

  1. IT-TERMINU TA’ SENTEJN

It-terminu propost ta’ sentejn huwa qasir wisq biex jiġu skattati drittijiet u obbligi bejn il-partijiet. Il-liġi tad-divorzju, per ezempju, tikkontempla perjodu ta’ erba’ snin, biex jittieħdu passi li jiskattaw bdil fl-istatus personali ta’ min qiegħed f’relazzjoni ta’ żwieġ u/jew unjoni ċivili.

L-abbozz propost ma’ jikkontempla ebda restrizzjoni fuq in-numru ta’ drabi li wieħed jista’ jkun meqjus bħala koabitant għall-fini u l-effetti tal-liġi, bil-konsegwenza li l-koabitazzjoni tista’ tiġi proġettata bħala mod konvenjenti, easy in, easy out, biex tiskatta d-drittijiet personali.

  1. KOABITAZZJONI DE FACTO

Id-definizzjoni ta’ koabitant hija marbuta mal-element tal-intimità fir-relazzjoni. Jinħtieġ pero ċertezza legali biex jidħlu in vigore drittijiet u obbligi reċiproki bejn il-koabitanti. Wieħed għalhekk jistaqsi, kif ser tiġi ppruvata l-intimità? l-iskattar ta’ drittijiet u obbligi għandha tkun marbuta ma’ fatt li huwa oġġettivament aċċertabbli u mhux mal-“intimita’” li mhix facli tiġi ppruvata. Reġim ta’ drittijet reċiproki li huwa bbażat fuq fatt li mhux oġġettivament aċċertabbli ser jagħti lok għall-diffikultajiet legali. Huwa għalhekk suġġerit li r-reġim ta’ koabitazzjoni de facto jiġi rikunsidrat.

L-Artikolu 3a jipproponi illi koabitant għandu jitqies bħala inkwilin għal-kull fini u effett tal-liġi kemm għall-kirjiet ta’ residenza, kif ukoll għall-kirjiet kummerċjali.

F’dan il-kuntest wieħed ma jistax ma jsemmix illi l-estensjoni tal-protezzjoni lill-koabitanti fejn jidħlu kirjiet imur espressament kontra l-istpirtu tar-riforma tal-liġijiet tal-kera tal-2009  li kienu ntiżi biex jiftħu s-suq tal-kera. Issa bid-dritt li qed jingħata lil koabitanti, sid fond jibda jaħsibha darbtejn meta kuntratt ta’ kera jkun ser isir ma’ persuna waħda, għax jekk jaċċetta li jikri lil persuna weħidha, li mbagħad tirriżulta li tkun koabitanta, hu jispiċċa li jkun intrabat mhux biss mal-persuna li kien ikkuntratta magħha imma ma’ ħaddiehor li lanqas biss kien jaf min hu.

Hemm min jargumenta illi m’hemm ebda ġustifikażzjoni il-għala sid il-kera għandu jkun ippreġudikat fit-tgawdija tal-proprjetà tiegħu bħala konsegwenza ta’ għażla ta’ żewġ persuni li jikkoabitaw. Multo magis, m’hemm ebda ġustifikażzjoni illi l-protezzjoni lill-koabitanti tiġi estiża għall-kirjiet kummerċjali, a skapitu ta’ sid il-kera. Din il-proposta tista’ tagħti lok għall-abbuż bi preġudizzju għad-drittjiet tal-proprjetà ta’ terzi persuni.

L-Artiklu 3b jipproponi li koabitant de facto “għandu jiġi kkunsidrat bħala l-eqreb persuna għall-koabitant l-ieħor għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi.” Diċitura ġenerali ta’ dan it-tip tagħti lok għall-inċertezza legali, kunflitti ta’ interpretezzjoni u diffikultajiet legali. Jekk xejn, id-drittjiet li jingħata koabitant għandhom ikunu elenkati b’mod speċifiku, b’riferenza għall-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi u mhux b’manjera ġenerali u leġġera b’mod li tinħoloq inċertezza legali.

  1. DIKJARAZZJONI UNILATERALI TA’ KOABITAZZJONI

L-abbozz jipproponi li dikjarazzjoni unilaterali ta’ koabitazzjoni li ssir permezz ta’ ittra uffiċjali debitamenti notifikata lill-parti l-oħra, tiskatta drittijiet u dmirijiet bażiċi skont l-artikolu 30 (addizzjonalment għad-drittijiet u l-obbligi skont l-artikolu 3).

Dawn id-drittijiet jinkludu wkoll “id-dritt illi l-koabitant jibqa’ jgħix fid-dar ordinarja, komuni għal perjodu raġjonevoli wara l-firda skont l-artikolu 31” (Artikolu 30c) u dritt tas-superstiti fost il-koabitanti għall-abitazzjoni fir-residenza ordinarja primarja komuni tal-partijiet skont l-artikolu 35 (Artikolu 30e).

M’huwiex ċar jekk dawn id-drittjiet humiex esklussivament applikabbli bejn il-koabitanti inter se, jiġifieri limitatament għar-residenza li hija proprjetà tal-koabitanti jew jaffettwawx id-dritt ta’ terzi. Għażla personali ta’ żewġ persuni li jikkoabitaw m’għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ tgawdija ta’ proprjetà ta’ terzi.

  1. KOABITAZZJONI PERMEZZ TA’ KUNTRATT

Id-drittijiet mogħtija lill-koabitant reġistrat li daħal f’kuntratt ta’ koabitazzjoni huma msejsa fuq il-“prinċipju” illi koabitant “għandu jitqies li għandu l-istess drittjiet mogħtija lill-persuna miżżewġa jew f’unjoni ċivili fejn jidħlu drittijiet relatati ma’ xogħol u l-familja ……..” Art 18(d)

Filwaqt li l-Istat għandu l-obbligu li jara li forom diversi ta’ relazzjonijiet għandhom jiġu trattati b’rispett u b’dinjità, dan bl-ebda mod ma jfisser illi għandhom jiġu ekwiparati. Fi żmien fejn tiġi ċċelebrata d-diversità, hija kuntraddizzjoni li toffri għazliet diversi biex imbagħad tekwiparahom. Il-liġijiet jistgħu jagħmlu għażla preferenzjali favur dawk ir-relazzjonijiet li jipprowovu “l-għaqda u l-istabbilità tal-familji” (Artikolu 2 tal-Kodici Ċivili). Liġi li tagħti lill-koabitanti l-istess drittijet mogħtija lill-persuna miżżewġa jew f’unjoni ċivili fejn jidħlu drittjiet relatati ma’ xogħol u l-familja ……..” ma tivvalorizzax l-impenn, tiżvaluta ż-żwieġ u l-unjoni ċivili u maż-żmien twassal biex iddgħajjef il-permanenza u l-istabbilità tal-familji.

L-elenku ta’ drittijiet li ser jingħataw lill-koabitanti skont l-Artikolu 18 għalhekk għandhom ikun rikonsidrati f’dan id-dawl u fid-dawl ta’ drittijiet ta’ terzi li m’għandhomx ikunu preġudikati mill-għażliet tal-ħajja tal-koabitanti.

Jiġi rilevat illi, ħlief għall-pensjoni tar-romol, ħafna mid-drittijiet mogħtija lill-koabitant reġistrat b’dan l-abbozz jinsabu diġà mogħtija taħt l-Att Dwar is-Sigurtà Soċjali u dawn jingħataw lil kull persuna li taqa’ fid-definizzjoni ta’ household skont l-istess Att. Forsi approċċ uniformi fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jkun aktar propizju.

Bħala materja ta’ dettal, drittjiet personali m’għandhomx jingħataw permezz ta’ Avviz Legali, kif inhu propost mill-Artikolu 17, imma permezz ta’ leġislazzjoni primarja li tingħata kull pubblikazzjoni wara l-opportunità ta’ dibattitu parlamentari.

  1. LIĠIJIET TAS-SUĊĊESSJONI

Ir-riferenzi għall-“eqreb persuna għall-koabitant l-ieħor” (bl-ingliż next of kin) u għad-drittijiet tas-superstiti, jagħti lok għall-impatt fuq iċ-ċertezza legali li jipprovdu l-liġijiet dwar is-suċċessjoni.

Għalhekk għandu jsir analiżi bir-reqqa ta’ kif il-liġi proposta timpattja fuq il-liġijiet tas-suċċessjoni u għandha tiġi introdotta dispożizzjoni ċara li l-liġijiet tas-suċċessjoni jipprevalu fuq il-liġi tal-koabitazzjoni (semmai, għajr għal iskopijiet restrittivi u definiti), altrimenti l-liġi tista’ tagħti lok għall-abbuż u għall-inġustizzja.

  1. L-INTERESSI TAT-TFAL

L-abbozz jagħmel diversi riferimenti għall-ulied dipendenti. Qed jiġi suġġerit illi din il-kwistjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata on a piece meal basis. L-interess tal-minuri jitlob illi jsir studju sew u jiġu integrati d-disposizzjoni kollha tal-Kodiċi Ċivili li jirrigwardaw il-minuri, l-ulied, u l-axxendenti u d-dixxendenti.

Jekk relazzjoni ta’ koabitazzjoni ser titqies bħala nukleu familjari għall-iskop ta’ drittijiet u obbligi reċiproki bejn il-koabitanti u possibilment wkoll vis-à-vis l-istat u terzi, għandhom jiġu mħarsa l-interessi tat-tfal u bħala minimu jkun iċċarat illi l-koabitanti għandhom l-obbligu li jieħdu ħsieb u jmantnu l-ulied.

  1. ĊIRKOSTANZI FEJN TAPPLIKA L-KOMUNJONI TAĊITA TAL-BENI.

L-abbozz jinjora wkoll kompletament li hemm ċirkostanzi fejn tista’ tkun applikabbli l-komunjoni taċita tal-beni. Dan l-istat ta’ komunjoni taċitu ta’ beni għandu wkoll diversi korollari. L-aktar importanti huma: L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju li joħloq komunjoni ta’ beni bejn min jgħix taħt saqaf wieħed ineħħi l-ħtieġa li jkun hemm xi ħolqien ta’ drittijiet ta’ manteniment bejn min jgħix taħt saqaf wieħed, u dan għax hemm diġa parteċipazzjoni fil-beni komuni; ladarba jiġi applikat dan il-prinċipju għall-patrimonju tal-individwu, dan ikollu effett ukoll fuq il-patrimonju tiegħu li jgħaddi b’wirt. Għall-fini ta’ ċertezza tad-dritt jista’ jkun awspikabbli li jkun hemm liġi interpretattiva li tassigura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi mill-qrati tagħna.

  1. KAWŻA ILLEGALI JEW ILLEĊITA – IMPLIKAZZJONIJIET

L-abbozz jipprovdi ukoll dwar il-kwistjoni tal-kawża illegali jew illeċita tal-obbligazzjoni.  Jingħad illi “l-ebda att ippreżentat bejn persuni li huma, jew li kienu f’xi żmien koabitanti, ma għandu jiġi kkunsidrat null jew vizzjat minħabba raġuni abbażi ta’ kawża illegali jew illeċita.” Jidher illi dan it-test tal-abbozz iddahhal biex tindirizza l-kwistjoni trattata mill-qrati tagħna fejn ġie ritenut li jekk konkubinat iwassal għall-ħolqien ta’ obbligazzjoni minħabba favuri illeċiti jew tama jew kontinwazzjoni tagħhom, dan normalment jagħti lok għal kawża illeċita li ghalhekk mhix enforzabbli.

Maż-żmien il-qrati tagħna immitigaw ħafna l-applikazzjoni tal-prinċipju li obbligazzjoni tkun nulla jekk jekk ikollha kawża illeċita, u għalhekk il-koabitazzjoni fiha nnifisha ma ġġibx in-nullità ta’ obbligazzjoni. Effetivament il-qrati tagħna wżaw dan il-priċipju biex jipprotegu l-parti l-aktar dgħajfa billi jassiguraw li jekk persuna tkun qed tikkoabita din qed tagħmlu minn jeddha u mhux għax tibża’ li għadha xi obbligazzjoni lejn il-persuna l-oħra.

Fl-aħħar u mhux l-anqas, wieħed irid joqgħod attent illi bit-tneħħija kompleta tan-nullità ma jkunx hemm l-effett li tkun qed tiffavorixxi l-white slavery.

  1. 12. KONKLUŻJONI

Filwaqt li mill-lat ċivili hemm bżonn ta’ liġi ta’ koabitazzjoni li tipproteġi l-koabitanti mill-abbuż u tirregola d-drittijiet u l-obbligi reċiproki, il-liġi kif proposta:

  • Tista’ toffri lok għal relazzjonijiet faċli ta’ konvenjenza u qed tivvalorizza relazzjonjijiet li jistgħu ikunu transitorji daqs li kieku kienu żwieġ u/jew unjonijiet ċivili;
  • Qed timpattja d-drittijiet ta’ terzi (inkluż ta’ proprjetà) li m’għandhomx ikunu preġudikati mill-għazliet tal-koabitanti;
  • Ma tieħux ħsieb adegwatament l-interessi tat-tfal li, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-vittmi innoċenti u aħħarin tad-diżgwid familjari;
  • Jidher li ġiet abbozzatta mingħajr ma ngħata każ biżżejjed għall-liġijiet viġenti u f’numru ta’ dispożizzjonijiet, qed tiftaħ it-triq għall-inċertezza legali.

Huwa għalhekk suġġerit li l-abbozz ta’ Liġi biex jirregola l-koabitazzjoni, kif propost, jiġi radikalment rikonsidrat in vista tal-fuq imsemmija kunsiderazzjonijiet.

Moviment ta’ Kana, Mejju 2016

Id-dokument sħiħ tas-sottomissjonijiet mill-Moviment ta’ Kana

Ara wkoll l-abbozz tal-liġi dwar il-koabitazzjoni (2016)

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: