Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > L-omm dejjem … omm

L-omm dejjem … omm


Patri Mario Attard OFM Cap 

Illum, il-Ħadd 8 ta’ Mejju, huwa jum l-omm! Jum dik li lili u lilek tagħtna l-aqwa ħaġa li qatt jista’ jkollna: il-ħajja!

Din is-sena Jum l-Omm għandu tifsira għal kollox speċjali. Jum l-Omm qiegħed isir fil-kuntest tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Jiġini f’moħħi u f’qalbi l-kliem sabiħ u għażiż li jgħid il-Mulej permezz tal-profeta Iżaija: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt! Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ idejja” (Is 49:16). Issa dan ħbieb m’huwiex sempliċiment kliem sabiħ li jqabbiżlek id-dmugħ. Lanqas m’hu kliem li jtellgħalek l-għoqla fi griżmejk u jħallik iddur magħha. Xejn minn dan! Dan huwa kliem li jissarraf f’verità kbira u sagrosanta. Il-Mulej ma jitlaqna QATT! Saħansitra anki jekk omm, għal xi raġuni stramba, tasal li twettaq dan. Hu dejjem jibqa’ hemm għalina! X’imħabba hux!

Issa dan l-aħħar ġejt konxju aktar ta’ kemm l-omm tagħmel minn kollox għal uliedha. Basta tarahom ġejjin ‘il quddiem. U dak li ġagħlni naħseb fuq hekk hija ittra li rċivejt f’dawn ix-xhur li għaddew. Din l-ittra kienet tgħid hekk:

“Għażiż Patri; Għandi ibni dejjem imdejjaq. Dejjem iwaħħal f’Alla li ma jħobbux. Għaliex għandu difett fil-ġisem tiegħu. U b’hekk qed jispiċċa irrabjat ħafna. Tant li spiċċa qata’ qalbu. Jekk jogħġbok Patri, itlob għalih mal-poplu? Grazzi u berikna Patri! Omm muġugħa”.

X’tagħmel hux omm muġugħa għal uliedha! L-istess bħalma għamlet din l-omm! L-uġiegħ ta’ binha qed tħossu hi! Iva! U qed tħossu doppju. L-għaliex mhux biss qed tħoss ruħha imnikkta għal dak li għaddej minnu binha. Imma, b’xi mod, qed tħoss l-uġiegħ stess li għaddej minnu binha. Għax ir-rabja ħbieb iġġib uġiegħ kbir! Uġiegħ li jriegħed il-qalb. Itertaq il-moħħ. Jheżżeż saħansitra l-qalb! Ir-rabja ma tħalliniex naraw għajr dak li jġagħlna nirrabjaw. U r-riżultat ikun li aktar ma nirrabjaw aktar inkunu rridu nirrabjaw għal dak li diġà qed jagħmilna aktar irrabjati. U għalhekk inħossuna dejjem nieżlin l’isfel fir-ramel jikwi tal-falliment!

L-omm qatt m’hija spettatur għal dak li jiġri lil uliedha. Anzi! Tintervjeni! Tfittex l-għajnuna! Titlob! Basta tara lil uliedha meħlusa! Lil din l-omm nistħajjilha l-omm Kangħanija tal-vanġelu li tmur quddiem Ġesù li kien f’Tir u Sidon. Din l-omm kienet qed tbati sewwa l-għaliex bintha kellha fiha xitan. U kienet magħdura ħafna (ara Mt 15:22). Għalhekk, ta’ omm li kienet, l-għaliex it-tbatija ta’ bintha kienet l-ewwel nett tagħha, lil Ġesù ma qaltlux: “Ħenn għal binti!” Le! Iżda qaltlu: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!” (Mt 15:22).

Għax kienet omm lanqas ħabblet rasha mill-ġudizzju tan-nies. Anki jekk dawn in-nies kienu l-istess dixxipli ta’ Ġesù! (ara Mt 15:23). Donnu aktar ma’ dawn lil Ġesù qalulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna” (Mt 15:23) hi aktar baqgħet tgħajjat ħa tfakkru biex ifittex iħenn għaliha!

Kemm iġġagħlni nistagħġeb il-fidi ta’ din il-mara li meta Ġesù jgħidilha: “M’hux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu lill-ġriewi” (Mt 15:26) hija twieġbu, ta’ mara li kienet: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom?” (Mt 15:27). Ġesù tbellaħ quddiem l-imħabba tagħha ta’ mara l-għaliex imħabbitha kienet dik ta’ omm! U l-mara x’jagħmilha mara jekk mhux is-sejħa imprezzabbli tagħha li hija, minnha nnifisha, omm?

Kemm tispiċċa bil-kbir din is-silta tal-vanġelu tal-mara Kangħanija! “Mbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: ‘Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.’ U minn dak il-ħin stess bintha fieqet” (Mt 15:28).

O Omm! Kollox isirlek kif tixtieq jekk int tibqa’ temmen f’Ġesù Kristu! Tara mirakli kbar fil-familja tiegħek jekk tibqa’ tersaq għand Ġesù u kuljum tgħidlu: “Għinni, Mulej!” (Mt 15:25). Imma ibqa Omm! Ersaq lejH! Inxteħet quddiemu! U itolbu l-Kurunella tal-Ħniena Divina għall-familja tiegħek Kuljum!

U hu, li hu l-Omm, iħaddan ma’ Qalbu Ħanina għal dejjem lilek u lill-familja tiegħek! Għax l-Omm dejjem … OMM!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: