Home > Ġenerali > Għid il-Ħamsin ngħixuh mhux infakkruh.

Għid il-Ħamsin ngħixuh mhux infakkruh.


Minkejja l-bosta tbatijiet kbar li nilmħu madwarna, u minkejja li tant persuni kemm kemm ikollhom biex jitrejqu, imma xorta waħda llum qegħdin ngħixu f’kultura li timbuttana nfakkru u niċċelbraw il-passat.  Anke jekk ħafna miċ-ċelebrazzjonijiet li nagħmlu biex infakkru okkażjoni jew oħra huma kważi sfurzati fuqna minn kummerjċjaliżmu sfrenat, xorta jibqa’ tajjeb li ġrajjiet importanti f’ħajjitna u f’dawn ta’ niesna u ta’ ħbiebna ma jintesewx daqs li kieku qatt ma seħħu. Mill-banda l-oħra x’tiswa ċelebrazzjoni jew tfakkir ta’ ġrajja, jekk dik il-ġrajja llum għalija ma għadha tfisser propju xejn?   Bħal ngħidu aħna dik il-koppja li minkejja li nfirdu u t-tnejn qabdu sieħeb u sieħba oħra, madankollu f’jum l-anniversarju taż-żwieġ li darba kellhom bejniethom, xorta baqgħu jibgħatu kartolina u forsi wkoll jixtru xi rigal lil xulxin.  Ikun hemm min jgħid li dan huwa tajjeb, u sinjal ċar ta’ persuni ċivilizzati, imma mill-banda l-oħra x’tifsira għandha ċelebrazzjoni ta’ ġrajja li la għadhom jgħixuha u lanqas jemmnu fiha?

Sena wara sena fil-Knisja nfakkru Pentecoste, Għid il-Ħamsin, il-jum li fih l-Ispirtu s-Santu niżel mhux biss fuq l-Appostli imma fuq il-Knisja kollha, u dan huwa tajjeb għax dakinhar kien jum it-twelid tal-Knisja. Dakinhar il-Knisja ħarġet mill-ġuf taċ-ċenaklu u minn hemm xterdet mad-dinja kollha ta’ kull żmien.  Imma x’jiswa li darba fis-sena nfakkru ġrajja jekk m’għadniex ngħixuha kuljum?

L-Ispirtu s-Santu mhux tal-posta

Meta konna għadna żgħar kienu għalmuna dwar id-doni tal-Ispirtu s-Santu u l-kariżmi li huwa ta u għadu jagħti lill-Knisja u lil kull nisrani. Imma kultant forsi nistħajjlu li dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu s-Santu ġie, ġabilna l-rigali tiegħu u telaq ‘l hemm.  Kultant naħsbu l-istess dwar jum il-Magħmudija tagħna jew jum il-Konfirmazzjoni.  L-Ispirtu s-Santu mhux tal-posta, jew xi kurrier li ġie b’pakkett, ħallihulna d-dar u telaq.  L-Ispirtu s-Santu jiġi biex jibqa’, u din il-preżenza kontinwa tiegħu rridu ngħixuha kuljum għax b’hekk biss nuru li napprezzawha. Irridu nfakkruha lilna nfusna kuljum għax inkella ta’ bnedmin li aħna faċli ninsewha.  Irridu niċċelebrawha kuljum mhux biss fil-liturġija, imma f’kull mument ta’ ħajjitna, kemm dawk ta’ ferħ u kemm dawk ta’ niket, forsi aktar f’dawk ta’ niket milli ta’ ferħ.

L-Ispirtu s-Santu jaf ikun preżenza skomda

Il-bniedem jibqa’ bniedem u l-effett tad-dnub f’ħajjitna spiss inissel fina reżistenza għal dak kollu li jipprova jqaċċtu minn ħajjitna u min-natura tagħna. Elfejn sena ilu din ir-reżistenza kien iħossha fih Pawlu u llum inħossuha aħna wkoll. “Nħoss din il-liġi ġewwa fija: meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin”. (Rum 7:21)

Qabel il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuqhom, l-Appostli fittxew li jħossuhom tajjeb, komdi u protetti.  Kien għalhekk li inġabru u ssakkru fil-kamra ta’ fuq. Imma meta ġie Hu, b’dak il-ħoss ta’ riħ qawwi, fetħilhom beraħ il-bibien tal-post fejn kienu qed jistaħbew u xeħithom ‘il barra.  Tgħid ma kienx hemm xi ħadd li kien għadu qed jibża’ dakinhar? Tgħid ma kienx hemm min għadu qed jirreżisti?  Imma forsi b’imbuttatura minn hawn u b’kelma ta’ kuraġġ minn hemm, lkoll ħarġu fil-beraħ ta’ barra u tkellmu b’vuċi waħda kif qatt qabel ma kienu tkellmu.  Tant kienu għalenija fi kliemhom, li dakinhar kulħadd fehmhom, u wara l-ewwel priedka ta’ Pietru, tgħammdu 3000 ruħ.  Mhux li kien l-priedki tagħna llum iħallu l-istess effett!

Imma għalina l-Ispirtu s-Santu jista’ jibqa’ preżenza skomda.  Għax iħarrikna, għax jixprunana, iniggiżna biex niċċaqilqu.  Ma jħalliniex norqdu.  Mhux ma jħalliniex nistrieħu, għax is-serħan tagħna jsir Hu stess, imma li norqdu le.  Iva, l-Ispirtu s-Santu jista’ jkun preżenza skomda għax jipprova jqaċċat minna l-għażż, il-bruda, l-indifferenza, il-medjokrità, u r-rutina li biha nibqgħu nagħmlu dak li dejjem għamilna mhux għax huwa meħtieġ, imma għax dejjem għamilna hekk.

Qawsalla ta’ kariżmi mhux geġwiġijja ta’ kuluri

Fl-għerf infinit tiegħu, l-Ispirtu s-Santu jagħti kariżmi differenti, lill-persuni u komunitajiet differenti u fi żminijiet differenti, dejjem skont il-ħtiġijiet li l-poplu ta’ Alla jkollu fil-mument attwali.  Hekk il-kariżmi nfushom mhux doni statiċi li ma jinbidlu qatt, imma dak Alla li qatt ma jeqdiem għax huwa preżent etern, jibqa’ jissorprendi lil dawk li jiftħu għajnejhom għas-sorpriżi tiegħu b’doni ġodda, doni li l-Knisja ta’ Kristu tkun teħtieġ fil-mument partikolari li tkun għaddejja minnu.  Għax ir-rigali li jagħtina Alla mhumiex bħal dawk li spiss nagħtu lil xulxin biex inkunu tajna xi ħaġa.  Mhumiex oġġetti li kif tirċevihom twarrabhom u tinsiehom, imma huma mogħtija lilna skont il-ħtiġijiet tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna.

Ftit xhur ilu stajt nammira, żewġ neputijiet żgħar li minkejja li wieħed kien qala’ karozza u l-oħra kienet qalgħet pupa, irnexxielhom jilgħabu flimkien billi hu rikkeb il-pupa ta’ kuġintu fuq is-saqaf tal-karozza tiegħu, u minkejja li waħda kienet sproporzjonata għal mal-oħra xorta ferħu bejniethom bil-gugarelli differenti li kienu qalgħu.

Fl-għaqdiet u movimenti tagħna mhux dejjem jirnexxilna nagħmlu l-istess.  Minflok nħallu l-kariżmi differenti tagħna biex jgħaqqduna f’ħidmietna kif suppost jagħmlu, nużawhom bħal skuża biex ma naħdmux flimkien.  Minflok nuru lid-dinja l-ġmiel tal-qawsalla fl-ilwien differenti tagħna mqegħda biswit xulxin, nuzaw l-istess kariżmi, mogħtija lilna mill-Ispirtu s-Santu bħala skuza biex ma naħdmux bejnietna.  “Għax il-kariżma tagħna mhux bħal tagħkom”.  U din hija dagħwa u dnub kontra l-Ispirtu s-Santu għax biha nkunu qed nitfgħu l-ħtija tan-nuqqas ta’ kordinament jew forsi l-firdiet ta’ bejnietna fuqu u fuq id-doni li jagħtina.

Meta l-kariżmi differenti nħaddmuhom flimkien u qrib ta’ xulxin allura toħroġ minnhom dik il-qawsalla li meta dehret fuq l-arka ta’ Noè kienet sinjal tal-kalma u ta’ preżenza tal-Ispirtu li sa mill-bidu tal-ħolqien ittajjar fuq l-ilmijiet kultant imqallba.  Imma llum narawha din il-qawsalla madwarna jew aktar tfiġġ il-geġwiġijja, il-konfużjoni, it-tohoo bohoo, ir-realtà ta’ taħwid u baħħ li spiss huma xhieda ta’ soċjetà pagana li għax mitlufa fl-ispirtu egoistiku tagħha ma tħallix l-Ispirtu t’Alla jittajjar fuqha u fiha.

Għax inti biered, jiena se nobżqok minn ġo ħalqi

Kliem tassew qawwi u iebes, l-aktar meta tiftakar li dan miktub fil-Bibbja (Apok. 3:16).  Huwa kliem Alla lill-anġlu tal-Knisja li kien hemm fil-Laodiċija. L-Ispirtu li f’jum Għid il-Ħamsin ma jidhirx fuq il-Knisja bħal ħamiema kif kien deher fil-Magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan, imma jidher bħala nar li tqassam u qagħad fuq ras kull wieħed minnhom.   Forsi dakinhar ma kienx in-nar li jħeġġeġ l-aktar ħaġa li dawk l-ewwel dixxipli kienu jeħtieġu f’mument ta’ telqa u taqtiegħ il-qalb?

Waqt li ċ-ċenaklu huwa l-għajn li minnu d-dixxiplu jirċievi l-Kelma, l-Ewkaristija, u l-Ispirtu madankollu l-ebda nisrani jew komunità nisranija għandhom jinqaflu fih. Illum iċ-ċenakli tagħna jistgħu jkunu bosta, imma tkun tassew ħasra għalina u għad-dinja li konna mibgħuta biex inkunu fiha jekk aħna nissakru fihom.

Jeħtieġ nintebħu wkoll li l-ħitan li llum ninħbew warajhom mhumiex biss dawk tas-sagristiji, tal-knejjes, tal-għaqdiet u tal-gruppi tagħna.  Hemm min jinħeba wara xi tradizzjoni jew drawwa. Li nibqgħu nwettqu il-missjoni tagħna bil-mod kif dejjem wettaqniha għax drajna nagħmlu hekk huwa ħażin.  Kif huwa ħażin ukoll li nibdlu biex sempliċiment inkunu bdilna.

L-Ispirtu s-Santu kien ġa magħhom qabel Pentecoste.

Jiena nemmen li l-Ispirtu s-Santu ma niżilx fuq l-Appostli biss dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin.  Kienu ilhom li irċevejh mill-mument meta fuq il-Kalvarju, Ġesù kien mejjel rasu u radd ruħu fuq ommu li issa kienet saret ommhom, fuq id-dixxiplu l-maħbub, u fuq il-ftit nisa twajba li kienu għadhom hemm.  L-appostli rċevew l-Ispirtu s-Santu wkoll dakinhar tal-Qawmien, meta Kristu Rxoxt nefħu fuqhom u tahulhom. L-Ispirtu s-Santu kien magħhom ukoll matul il-ħamsin jum ta’ wara l-Għid li bla dubju ta’ xejn kien għalihom lkoll wieħed ta’ dixxerniment kbir.  Forsi qabel il-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin huma kienu anqas konxji tal-preżenza divina tiegħu.  Lilna spiss jiġrilna l-istess.

 

Għalhekk jalla dan Pentecoste jkun għalina dak li kien għalihom dakinhar. Jalla anke aħna nsiru konxji ta’ Dak li anke llum għadu jaħdem fina kif kien jaħdem fihom.

Jalla kull jum tas-sena jkun għalina bħal Pentecoste ieħor, li jġeddidna u jħeġġigna kif ġedded u ħeġġeġ lilhom.  Jalla niftakru u ngħixu Pentecoste kuljum, għax meta Ruħ il-Qodos niżel f’dik il-kamra ta’ fuq ġewwa Ġerusalemm ma kienx ġie biss għal dawk il-mija u għoxrin ruħ li kienu miġbura fiha dakinhar, imma wkoll għalina li ġejna warajhom u għal dawk kollha li għad iridu jiġu warajna.

joe farrugia

Categories: Ġenerali
  1. May
    May 13, 2016 at 8:07 am

    What happened to Fr. Hayden Williams’ Novena to the Holy Spirit? It was here until Wednesday, but I couldn’t find it yesterday nor today!

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: