Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > In-nies ta’ wara l-kwinti

In-nies ta’ wara l-kwinti


Patri Mario Attard OFM Cap

Ma tantx jissemmew. Għaliex wara l-kwinti. Kulħadd jara u japprezza r-riżultat ta’ xogħolhom. Mank jaħasra japprezza lilhom! X’taħsbu?

Qtajtha li llum inħarbex xi ħaġa fuqhom. Dan il-ħsieb ma ġiex bl-addoċċ ħbieb! Imma ġie meta l-Mulej ħadni fosthom. Wara ġurnata xogħol bla waqfien l-għada ma stajtx ma nqumx imfarrak. Imma rqadt! Nirringrazzja l-Mulej! U filgħodu, bil-mod il-mod, qomt, ħadt kollazzjon u rħejtilha sal-Knisja. Ħa nitlob u nimxi. U nimxi u nitlob. Kif għallimni l-għażiż Fra Ġużepp li llum żgur li qiegħed fil-glorja tas-Sema. Kemm kien Fra umli! Niftakar biss fih nieħu r-ruħ u nagħmel kuraġġ ta’ sur! Grazzi Mulej għal Fra Ġużepp!

Inżilt il-Knisja. U hekk kif qbadt nimxi u nżebbeġ, inżebbeġ u nimxi, nara Knisja l-ġmiel tagħha. Armata sa snienha għall-Ġimgħa Mqaddsa. Ħarist lejn l-artal. Ġmiel tal-ġmiel! Mimli tagħmir mill-aktar sabiħ. U dak il-ħin rajt lis-sagristan. Għalkemm kont qed nitlob ma stajtx ma nieqafx inkellmu. Lili dejjem għallmuni li l-karità fil-ħajja tirbaħ fuq kollox! U waqaft. “Prosit ħabib tax-xogħol sabiħ li għamiltu”, għedtlu. Dak wiċċu xegħel! Issa ejja niftehmu naqra. Mhux l-għaliex prosetijiet ma jaqlax tafux! Jaqla’! U jaqla’ ħafna. Għalkemm mhux b’ħafna għajjat. Għax l-għajjat ma jagħmilx tajjeb! Almenu hekk lili għallmuni.

Apprezza. U ħa kuraġġ. Imma l-istorja issuktat. Bqajt miexi fil-Knisja tagħna. U issa rajt il-bieb ta’ barra miftuħ u żewġ nisa jaħslu. Dik, l-imdaħħla naqra fiż-żmien, kienet qed iżżomm l-iscafolding. U l-oħra, dik iżgħar minnha, kienet qiegħdha taħsel il-panelli tal-bieb ta’ barra. “Ajma Patri! Kemm kellu trab il-bieb!” qalti. Nifimha. U għidli ftit liema bieb ta’ barra ma jitħammiġx bit-trab li hawn! Inkluż dak tal-Knisja!

Għedtilhom kelmtejn u issuktjat nimxi u nżebbeġ. Imma l-leħen ġewwieni fija ma ħallinix kwiet. Beda jfesfisli. Dan il-leħen ħelu u fil-paċi. Għaliex hemm leħen ieħor li l-ewwel jibda’ bil-ħelu imma jiżbokka f’oċejan ta’ morr. Naħseb tafu għal liema leħen qed nirreferi hux? U naħseb li bħali mhux l-ewwel darba li kellimkom ħalli jipprova jħarbtilkom it-triq bħalma jipprova jħarbat lil tiegħi.

Imma dan il-leħen li smajt kien ta’ min jorbot fuqu. L-għaliex meta smajtu ħassejt paċi ġewwiena kbira f’qalbi. Għalhekk, għedt fil-qalba ta’ qalbi: “Dan il-leħen ta’ min jisimgħu!” U hekk għamilt. Il-leħen stedinni biex imur naqra saċ-ċella u nara nsibx xi nkwatru tal-Ħniena Divina u nagħih lil dawn it-tlett anġli. Hekk għamilt u b’għaġeb kbir sibt! Mort ħdejhom, wieħed wieħed u waħda waħda, u tajtulhom. U ħaduh! U tgħidx kemm apprezzaw! “Għax dak tahuli l-Patri!” jgħidulek.

Kemm apprezzament fuq inkawtru sempliċi tal-Ħniena Divina! Imma għalihom qisni tajthom id-dinja. Għaliex il-Patri apprezza xogħolna! U aħna għalih m’aħniex is-servizz li nagħtu fil-Knisja. Le! Aħna għalih persuni! Li niswew! Li għandna dinjità! Li għandna qalb li ma taħsibx fiha innfisha! Imma toħroġ minnha nnifisha ħalli tagħti glorja lill-Mulej bil-karità li tagħmel għall-proxxmu. U mela dik ma ssejħilhiex karità kbira jew meta tidħol fi Knisja u ssibha armata? Inkella tkun nadifa xummiema? Li jkollok kant mill-isbaħ ġej minn kor li min jaf kemm ilu jħejji għall-festi? Inkella xi pageant sabiħ għall-Jiem Imqaddsa? Jew l-persuni li jieħdu ħsieb iqassmu l-posters ‘l hemm u l’hawn mal-parroċċa? Dawn ma jagħmlux ġid ukoll?

Mit-twila sal-qasira irridu nitgħallmu napprezzaw lil dawk li jgħinuna. Darba persuna, involuta fil-politika, għallmittni kemm wieħed mit-top people tal-partit li temmen fih tgħidx kemm japprezza xogħlha. Kien jgħajtilha kullimkien. Ikun fejn ikun. U jgħajtilha b’affett u mhux b’sarkażmu.

Issa dan ma japplikax biss għall-Knisja jew għall-politika imma għal kull qasam ieħor fil-ħajja. Ħbieb, lin-nies ta’ wara l-kwinti irridu nieħdu ħsiebhom! Irridu nagħmluhom iħossuhom parti mill-familja tagħna. Jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit ħafna affarijiet iseħħu mhux l-għaliex hemm xi ħlas marbut magħhom. Daqskemm il-volontà ġeneruża ta’ dak li jkun li jagħmel ix-xogħol tiegħu minn qalbu. U jaħasra huwa l-ingredjent tal-qalb li fis-soċjetà tagħna għandu ħabta li jiskarsa!

In-nies ta’ wara l-kwinti, huma min huma, huma indispensabbli. Huwa huma, bis-sagrifiċċji tagħhom, li l-affarijiet jimxu. Fil-listi tar-ringrazzjamenti, jekk dejjem huwa għaqli li jsiru, dawn in-nies għandhom jitpoġġew fuq quddiem nett. Ma jistax ikun li min jixxena jew li jisraq ix-xena nagħtuh l-aqwa post. Inkella inkun aħna l-ħatja li qiegħdin inżidu s-serq u l-qerq f’pajjiżna.

Il-Mulej Ġesù għandu soft spot lejn in-nies ta’ wara l-kwinti. Fil-fatt, fil-vanġelu jgħidilna hekk: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.  Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt 11:25-26). Isimgħu! Qed ifaħħar lill-persuni ċ-ċkejknin. Il-persuni ta’ wara l-kwinti. Il-persuni li s-soltu ma jsemmihom ħadd. L-għaliex dan Alla moħħu f’dak li jseħħ fil-moħbi. U mhux f’dak li jidher fl-għajnejn u jlellex. Tant hu hekk li meta tħaddet fuq il-karità, dik li jiena u forsi int, tant niftaħru li nagħmlu, isimgħu x’jgħid:

“Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.  Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6 :2-4).

Taf li anki għas-sawm għandu l-istess kelma? L-istess ħsieb?

“Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.  Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 16-17).

Għax it-teżori tal-ħajja huma dejjem moħbija. Tant hu hekk li l-Imgħallem xebbaħ is-Saltna tas-Smewwiet mat-“teżor moħbi f’għalqa” (Mt 13:44).

Ejjew napprezzaw aktar lin-nies li jaħdmu minn wara l-kwinti. U jekk jien għandi xi kariga ta’ responsabbiltà, ejja nkun għaqli u għaqlija li lil dawn in-nies inżommhom fuq wiċċ l-idejn! Mhux l-għaliex jaqduni mill-koxxa tafux! Imma l-għaliex dawn qegħdin jagħtu qalbhom u ħajjithom bis-servizz ġeneruż tagħhom. U jekk jinzertaw li jitħallsu ma nimliex moħħi li b’daqshekk qed nagħtihom id-dinja! L-ebda somma ta’ flus ma tista’ tikkompensa qalb mimlija mħabba lejn min taqdi b’tant ġenerożità.

Ħa nitgħallmu napprezzaw lin-nies li jaħdmu minn wara l-kwinti!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: