Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Lura f’Dar il-Missier

Lura f’Dar il-Missier


Patri Mario Attard OFM Cap

Min qatt ma sema’ bl-attriċi magħrufa Taljana Claudia Koll? Ħajjitha hija xhieda ħajja li, ngħaddu minn xiex ngħaddu f’ħajjitna, Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna. Anzi! Jekk niftħulu l-bieb ta’ qalbna isalvana żgur!

It-tfulija ta’ Claudia ma kinitx faċli. L-attriċi tgħid li ġiet imrobbija minn nannietha li kienet għamja imma Kattolika ferventi. Biex qatt ma titlef il-kuntatt man-neputija tagħha kienet torbtilha biċċa ħabel tas-suf mal-polz tagħha. Tgħid Claudia: “Nannti kienet l-akbar eżempju tal-fidi fil-familja tiegħi. Kont naraha titlob ir-Rużarju kuljum u titħaddet direttament ma’ Alla. Ix-xhieda tagħha baqgħet miegħi”.

Minħabba raġunijiet ta’ saħħa fis-snin bikrija ta’ ħajjtiha omm Claudia qattgħet ftit ħin ma’ bintha. Tirrakkonta Claudia: “Wara li wellditni ommi rċeviet trasfużjoni ta’ demm infettat u baqgħet għal sitt xhur tilgħab bejn il-ħajja u l-mewt. Meta ommi finalment ġiet imfejqa irħejnielha mal-familja kollha biex nirringrazzjaw lill-Madonna ta’ Pompej. U, bħala radd il-ħajr lill-Madonna, ġejt mgħammda bl-isem sħiħ ta’ Claudia Maria Rosaria”. Tissokta tirrakkonta Koll: “Riċentement ftaħt il-kxaxen u rajt ir-ritratti ta’ ħajti. Qalb ir-ritratti tal-adoloxxenza tiegħi sibt santa ta’ Ġesù tal-Ħniena Divina. Ħsibt dan: anki f’dak iż-żmien il-Mulej kien qed ikellimni. Iżda ma kontx qed nisimgħu. Jew aħjar bdejt immur f’direzzjoni oħra”.

L-attriċi stqarret li għexet l-aspirazzjonijiet artistiċi tagħha. Anki jekk fil-bidu l-familja tagħha ma approvatx dak li Claudia riedet. Iżda biż-żmien l-attriċi ntebħet li għalkemm kienet issodisfat il-bżonn tagħha għall-libertà u l-awtentiċità wara li saret magħrufa l-libertà li kellha kienet ftit li xejn awtentika. Wara s-suċċess tal-film erotiku “Così fan tutte” (1992) ta’ Tinto Brass Koll inqabdet għal xi żmien fi rwoli erotiċi fil-films. Hija tistqarr: “Ma kontx dak li tassew xtaqt. Din tagħtni kriżi ta’ identità li, jekk kien ikolli l-fidi, stajt naffaċċa s-sitwazzjoni aħjar”. F’nofs id-disgħinijiet il-karriera ċinematografika ta’ Koll daħlet fi sqaq. L-attriċi bdiet taħseb biex tħalli x-xena tal-films u tmur mill-ġdid għall-istudji. Fit-tieni nofs tad-disgħinijiet il-karriera tagħha ħadet direzzjoni għall-Festival ta’ Sanremo fl-1995 flimkien ma’ Nino Manfredi. Għalkemm Koll wriet it-talenti artistiċi tagħha madankollu l-ħajja privata tagħha kienet mimlija mrar u niket. “B’mod partikulari il-ħajja tal-imħabba tiegħi kienet deżerta. Ħafna stejjer qosra ta’ mħabba. Mhux ‘importanti’. Ħafna tradimenti u ftit ċertezzi”.

Din l-ansjetà kellha impatt negattiv fuq il-ħajja artistika ta’ Koll. Hija tgħid: “Jum minnhom kont qed nagħmel il-parti ta’ mara li qed tibki. Ma stajtx nibki. Ksaħt. Ma dħaltx fir-rwol. Kien hawn li Geraldine, l-assistenta tiegħi tal-palk, tagħtni erba’ kelmiet diretti: ‘Claudia, kif tippretendi tkun kredibbli fuq il-palk jekk fil-ħajja privata tiegħek hemm daqshekk ftit awtentiċità?’”

Minn dak il-mument bdiet, bil-mod il-mod, il-bidla spiritwali ta’ Claudia Koll. “Jiena bint il-Ġublew il-Kbir. Fl-2000 ħabibti Amerikana talbitni nakkumpanjaha biex tidħol mill-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru. Għamilha b’rispett. Imma wara dan il-fatt xejn ma baqa’ l-istess. Il-Mulej beda’ jwaqqa’ il-pjanijiet u l-ambizzjonijiet tiegħi… Veru missejt il-qiegħ”.

Illum l-attriċi qed tgħix il-mixja spiritwali tagħha permezz ta’ opri konkreti ta’ mħabba perseveranti speċjalment lejn il-fqar u l-morda. Koll fissret li “kull esperjenza prattika ta’ mħabba li għandi dejjem sibtha miktuba fil-Bibbja.” Claudia Koll tisħaq fuq l-importanza tad-devozzjoni lejn il-Madonna f’ħajjitha. “Bħala tifla kont impressjonata bl-istorja tal-Madonna ta’ Fatima u kif il-Verġni Marija fdat f’idejn tlett itfal żgħar xogħlijiet daqshekk kbar. Waqt li ħsibt b’mod partikulari dwar Ġjaċinta u Franġisku bħala tifla tlabt lill-Madonna biex toħodni magħha l-ġenna. Għalkemm dan ma seħħx Marija għallmitni niskopri s-sbuħija li jiena mara u li nfisser il-kwalitajiet sbieħ femminili tiegħi: il-ħlewwa, l-ispirtu ta’ omm. Bis-saħħa tagħha sirt inqas aggressiva”.

Koll qalet ukoll: “Irrejalizzajt ukoll kemm hija sabiħa d-diversità u l-kumplimentarjetà bejn l-irġiel u n-nisa. F’ċertu sens il-Mulej għeni ‘nikkoreġi’ il-femminiżmu tiegħi. Skoprejt li Alla huwa fidil u jżomm il-wegħdiet tiegħu: l-aqwa minn dawn il-wegħdiet hija imħabbtu għalina”.

Fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju Claudia Koll ħa tkun f’Malta biex tiltaqa’ mal-Maltin u taqsam magħna l-esperjenza tal-konverżjoni tagħha. Għal dan il-għan se issir laqgħa ta’ talb fil-knisja ta’ San Ġiljan nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju fejn Claudia Koll se tkun qed titkellem dwar il-konverżjoni tagħha. Imbagħad, l-għada s-Sibt, se jkun hemm laqgħa oħra fil-Palace Hotel Tas-Sliema. Jekk int interessat\a tattendi għal din il-laqgħa tas-Sibt ċempel fuq 21442468 jew 79442468.

Bil-grazzja ta’ Alla u bil-ftuħ ta’ qalbek u qalbi għaliha, hija possibli li mmorru lura f’Dar il-Missier! Bħal Claudia Koll!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: