Home > Ġenerali > Reġgħet tilfietu

Reġgħet tilfietu


Patri Mario Attard OFM Cap

L-għajta. Id-daħka. Il-fatt biss tal-preżenza tiegħu jew tagħha. Għalkemm ċkejknin. Jidhru insinifikanti. Daqs naqra! Imma kemm iġibu ferħ! … It-tfal!

Kienet qed tistennieħ b’tant ħerqa! Diġà għaddiet mill-esperjenza qarsa li titlef l-ewwel wieħed. Issa t-tieni. Imbagħad it-tielet… Titlef. Titlef. U titlef! Stallett wara l-ieħor! Hi u hu għamlu dak kollu li x-xjenza talbet minnhom. Ħadu l-prekawzjonijiet kollha. Għamlu ma nafx kemm-il test. L-aktar hi. Kemm qagħdet attenta. Darba aktar minn oħra. Ħadet ma nafx kemm-il injezzjoni. U x’sewa? Li l-ġawhra reġgħet intilfet! Mar iva bħalma jmur is-sħab fl-arja. Filli ħassietu ġo żaqqha. U filli le! Skiet kbir! Baħħ tal-mewt! Silenzju li jnissel tant dmugħ u wġiegħ!

Din hija parti wkoll mill-ħajja li qed ngħixu ħbieb! Wara tant aspettativa. Biżibilju tħejjijiet. Wara ma nafx kemm-il ħolma! U x’jiġri? Kollox imur għal rasu! Dak li kellu jseħħ jispiċċa ma jseħħx. U d-dubji jibdew ifaqqsu. Tgħid tort ta’ min din id-darba? Tiegħi? Tiegħu? Għamilt xi ħaġa li ma kelliex nagħmel? Obdejtu lit-tabib? Imxejt kif qalli? Ma nafx! Inħossni mħawda! U, il-bużillis hi li tgħidx kemm tlabna li kollox jiġi sew! Ma nafx kemm-il talba għamilt. U wegħdi lil dak il-qaddis u lil dik il-qaddisa. Issa nħossni iddiżappuntata. Mitlufa. Imkissra. Għadni aptit inqatta’ kull santa li tiġi quddiemi! Anki jekk wara jiddispjaċini. Mhux biss l-għaliex ommi u missieri tawni trobbija tajba. Jew l-għaliex bagħtuni fi skola tal-Knisja. U l-Mużew. Imma wkoll l-għaliex il-Mulej x’tort għandu f’dan kollu? Nispera li m’għamiltx xi dnub u issa qiegħed jikkastigani? Imma, ngħid jien, jikkastigani meta dan Alla jgħidilna li hu ħniena? U, jekk veru hu Alla li jagħmel il-mirakli, l-għaliex ma ntervjeniex f’din it-tqala tiegħi? Almenu għal din id-darba jagħtini l-ferħa li nsir omm? U lil żewġi jew lis-sieħeb tiegħi li jkun missier?

Nipprova nfittex it-tweġiba tiegħi. Nistaqsi b’interess lil dak l-espert u lill-ieħor. Forsi naqbad ftit tarf ta’ dak li għadda mingħalija. Imma x’insib f’idejja? Propju xejn!!! Kollox għadu jiġri fl-arja. Imma l-għaliex kellu jiġrilna hekk lilna? Aħna li tant nitolbu? Immorru l-quddies? U d-dar, jekk ifettillek tiġi s’għandna, ma tarax ħlief inkwatri ta’ Ġesù l’hawn u ta’ Ommu u Ommna Marija ‘l hemm? Fi ftit kliem, l-għaliex dawn l-affarijiet iseħħu lin-nies li huma tajbin? X’għamilna ħażin biex jistħoqqilna dan kollu? Imbagħad hawn min li donnu aktar kemm lit-tfal ma jieħux ħsiebhom aktar kollox jiġih warda! U, jekk jogħġbok, hawn min lit-tfal joqtolhom fil-ġuf! U aħna, li tant ilna mixtieqa għall-ulied, nibqgħu dejjem b’xejn! B’idejna vojta!

Il-vojt li nħoss ġo qalbi huwa tassew kbir! Imrar! Swied il-qalb! Kemm inħossni waħdi! Madankollu, u biex inkun għedt kollox, meta erġajt għaddejt minn din il-burraxka tgħidx kemm irċevejt sapport. Dik il-kartolina, dik it-telefonata, dak il-messaġġ li hemm xi ħadd qed jitlob għalija tant kemm farraġni f’dan l-uġiegħ! Xi erwieħ tajba saħansitra offrewli li jsajruli għal xi żmien sakemm niġi f’tiegħi. U anki inaddfuli dari jew jaħsluli l-ħwejjeġ. U kemm apprezzajt it-talija li meta ġiet għandi qagħdet tismagħni. Avolja ġieli ma kellimtiex hi baqgħet hemm. Siekta. Tilqagħni muġugħa kif jien. U meta ħabibti għannqitni u qaltli; “Inħobbok!” għajnejja ma waqfux inixxu d-dmugħ. Dak id-dmugħ ta’ uġiegħ u fl-istess ħin ta’ serħan li xi ħadd kien qed jismagħni.

Wara t-telfa ta’ dawn il-ġawhriet illum sirt aktar konxja tan-nies muġugħin madwari. L-aktar ta’ nisa bħali li għaddew mill-istess uġiegħ tiegħi l-għaliex tilfu frott imħabbithom. Mill-esperjenza morra tiegħi tgħallimt li l-weġgħa, għalkemm kbira, bdiet tiddewwa meta inftaħt għall-għajnuna li bdiet tingħatali. Veru li ħadt iż-żmien nibki lil uliedi. Għadni nibkiehom sallum. Madankollu qed nitgħallem li għalkemm jiena muġugħa nista’ wkoll inkun ta’ għajnuna għall-ommijiet muġugħin bħali wkoll.

Mulej! … F’idejk!

 

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: