Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Taċċettaw nies Father?

Taċċettaw nies Father?


Patri Mario Attard OFM Cap 

Darba niftakar kont għall-laqgħa partikulari. Kienet laqgħa interessanti tassew. L-għaliex kienet tisfida lilna, il-persuni ikkonsagrati lil Alla, biex naraw kif se nħallu lill-Ispirtu jagħmilna aktar rilevanti għaż-żminijiet mqallba tallum.

Mhux wieħed jew tnejn jiġu jistaqsuna: “Taċċettaw nies Father?” Il-mistoqsija hija ħafna aktar minn mistoqsija. Fil-fatt hija karba li ħafna nies qiegħdin jokorbu fil-profond ta’ qalbhom. Hija karba ġejja minn qalb mimlija uġiegħ. Inkwiet. Tħassib. Hija qalb minfuda mid-diżappunti tal-ulied. U, abbli, mit-tradiment tas-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ. Hija talba ġejja minn spirtu għajjien li jrid isib ftit mistrieħ.

Il-mistrieħ! Il-kelma maġika li ilkoll nfittxu! Il-Kelma ta’ Alla tfakkarna fil-bżonn għal din il-karba. Sewwasew fis-Salm 69, li jitħaddet mit-tnehid f’hemm kbir. “Salvani, o Alla, għax l-ilma laħaq sa griżmejja. Sibt ruħi mgħaddas f’ħama fond; ma hemmx fejn inserraħ riġlejja. Sibt ruħi f’ilma għoli; il-mewġ qed ikaxkarni. Ma niflaħx ngħajjat iżjed griżmejja nħanqu; tgħammxu għajnejja, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi” (S 69:2-4). Daqshekk sieħbi taf tkun traġika l-affari! Daqshekk dak li jkun jaf jinfena sakemm jara l-affarijiet jieħdu qadfa l-quddiem!

Stenna ħej! Kemm qed ngħaġġel! Mela jiena inkun sewwa, jew almenu inħossni sewwa, meta l-affarijiet jiġu eżattament kif ipprinzipjajthom jien? F’wieħed mill-messaġġi li nirċievi fuq il-mobile ta’ kuljum, u li naf li numru minnkom jirċevuhom ukoll, hemm wieħed li tgħidx kemm jolqotni! Bil-Malti jgħid: “Alla huwa aktar interessat f’li jibdel lili milli f’li jibdel iċ-ċirkustanzi tiegħi. Xi minn daqqiet dawn jinsabu hemm biex jgħinuni nikber fis-sabar, fl-imħabba, fil-mogħdrija u fil-virtujiet l-oħra”.

Tajba hux din! Mela ejja ma nibqax naħli ż-żmien u l-enerġija, u anqas ħaqq il-kedda li qed nieħu għalxejn biex inġib l-affarijiet kif noħlom! Le! Qatt m’hu se jseħħu kif nixtieq! Huwa jien li rrid nimxi mal-mużika! U li niżfen għaliha! Hijiex din ukoll is-sitwazzjonijiet fil-komunità ta’ persuna ikkonsagrata? Kemm saru u jsiru attentanti biex ikun hemm kważi l-komunità idejali? Il-komunità eżatta? Ma nafx! Imma minn 23 sena li ili fil-kunvent kemm nara dak li jgħid is-Salm jseħħ veru għal dawk li jridu l-komunità perfetta! Il-Mulej, “li hu fis-smewwiet jidħak bihom, il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom” (Salm 2:4). U kif! Għaliex jibgħatilhom f’saqajhom nies li, bl-attitudnijiet tagħhom jew b’dak li jagħmlu, iġagħluhom jirritaw ruħhom!

Imma ħbieb b’hekk hemm komunità vera! Il-komunità ta’ Ġesù Kristu! Li fiha kien hemm min irid jidher, min ibill naqra idejh fil-borża, min iparla mingħajr ma jaħseb, min jigdeb, min jiġġudika, min itraddixxa, min ma emminx u baqa’ jiddubita, insomma, il-bella compagnia ta’ dnubiet! Imma dawn l-istess dgħjufijiet jagħmlu l-komunità dak li hi! Komunità li, minkejja dnubietha, trid lil Ġesù f’nofsha! U din ix-xewqa biss diġà hija qdusija! Għax il-Mulej lejn il-qalb iħares! U mhux lejn il-professjonalità!

Issa fil-kunvent (u mhux Dar tal-irtiri!) x’hemm? Minix se nikkwota minn dokumenti biex ma ndejqekx! Is-sens komun jgħidli li fil-kunvent insib is-skiet! Għall-erwieħ! Tajjeb għalija li l-mobile dejjem għaddej! Fil-kunvent insib orarju! Bomba! Meta jien lanqas ħin fiss biex niekol m’għandi aħseb u ara kemm se nitlob! Fil-kunvent għandi l-ħin kollu tiegħi biex noqgħod naqra l-kappella għall-kwiet quddiem Ġesù Sagramentat! Famuż! Mela tajjeb għalija għaliex ili ma nitlob naqra! U l-kunvent tajjeb ukoll li ngħid kelma ma’ dak il-Patri jew mal-ieħor! Eċċezzjonali! Id-dar ġieli lanqas lill-mara jew lir-raġel ma nara! Daqskemm għandi x’nagħmel!

Intom, komunitajiet reliġjużi, li qed taqraw dawn il-kelmtejn sempliċi, tistgħu toħolqu spazzju fejn xi Maltin ħutna jistgħu jiġu jqattgħu xi jumejn magħkom? Forsi dak li jkun ikun ilu ma jqerr naqra? Jew ikollu bżonn jitħaddet ma’ xi ħadd u miskin ma jsibx! Inkella joqgħod ftit għall-kwiet u jerġa’ jieħu f’idejh il-Bibbja mill-ġdid. U hekk isib imqar dik is-siegħa ħa jitmantna bil-qari spiritwali.
X’taħsbu ħbieb? Ma jkunx rigal għaqli f’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena? Nittama li xi ħadd jaqbad dan l-artiklu u jieħdu s’għand il-Provinċjal u l-Kunsill ħa jiddikutuh naqra. Xejn xejn nuru naqra ħniena ma’ dawk li jgħidulna, bid-dmugħ f’għajnejhom: “Taċċettaw nies Father?

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: