Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Mid-dlam tal-mewt għad-dawl tal-ħajja

Mid-dlam tal-mewt għad-dawl tal-ħajja


Patri Mario Attard OFM Cap

“’Isaw! Ġibul[ha] l-isbaħ libsa u xidduhiel[ha], libbsul[ha] ċ-ċurkett f’sebgħ[aha] u s-sandli f’riġlejh[a]! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,  għax d[i]n binti kien[et] mejt[a] u r[e]ġ[għet] qam[et], kien[et] mitluf[a] u nstab[et]!’ (Lq 15:22-24). Hekk nistħajjel li qal Missierna tas-Sema fis-sena 2000, fis-Sena tal-Ġublew, li fih mhux biss tfakkar l-2000 anniversarju mit-twelid ta’ Kristu Sidna imma wkoll meta waħda minn uliedu, Claudia Koll, l-attriċi magħrufa Taljana, ħarġet mill-jasar tad-dnub u issieħbet “fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl” (Kol 1:12).

Claudia Koll se tkun fostna, f’Malta, nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju, biex tagħti x-xhieda tagħha kif il-Missier “ħelis[ha] mill-ħakma tad-dlam, u daħħalha fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol 1:13-14). Inkun pruntuż jekk nipprova infisser kif Claudia Koll, l-istar televiżiva, ikkonvertiet. Ikun aktar għaqli jekk int, li int interessat\a, tisma’ minn fommha stess din il-ġrajja straordinarja, imsieħba minn tant taqbidiet, li minn ħajja ta’ tbatija u mewt bidlietha f’qawmien għall-grazzja ta’ Alla.

Illum nixtieq nieqaf ftit fuq ir-rabta li hemm bejn Claudia Koll u l-konverżjoni tagħha fl-iskola ta’ Santa Fawstina. Claudia Koll tammetti li teżiżti rabta partikulari bejnha u bejn Santa Fawstina. F’intervista li kienet tat lil Radio Vaticana Koll tistqarr hekk lill-ġurnalist Paolo Ondarza li intervistaha:
“Iva. Santa Fawstina Kowalska hija profondament marbuta miegħi. Jiena ġejt lura għall-Mulej fis-sena 2000, is-Sena tal-Ġublew. Għalhekk inqis ruħi bħala bint il-Ġublew tas-sena 2000. U dan ir-ritorn tiegħi kien ritorn mimli tbatija li kellu jgħaddi minn għadd ta’ kontradizzjonijiet. L-għaliex li tirritorna għand il-Mulej mhux dejjem faċli. M’huwiex xi maġija. Jitlob il-kollaborazzjoni tal-bniedem. Jitlob mixja li tfittex il-verità. Fil-vjaġġ tiegħi kelli taqbida diretta max-Xitan. Niftakar li jum wieħed f’kamarti ħassejtni ittentata mix-Xitan. Tlabt lil Missierna tas-Sema filwaqt li żammejt f’idejja kurċifiss li kien għadu kemm irregalali ħabib tiegħi ftit jiem qabel. Minn dak il-mument skoprejt il-qawwa mhux biss tat-talb biex nasal fil-qalb ta’ Alla imma wkoll ta’ din it-talba partikulari (il-Kurunella tal-Ħniena Divina): jiġifieri li ndur lejn il-Missier bit-talb tal-merti tal-Passjoni u l-mewt ta’ Kristu. L-għaliex f’dak il-jum żammejt sewwa f’idejja il-Kurċifiss.

Għalhekk, bħala konsegwenza, meta iltqajt mal-messaġġ tal-Ħniena Divina, kif inhu ppreżentat minn Santa Fawstina Kowalska fid-Djarju tagħha, sirt nafha u rajt li xi passaġġi mill-konverżjoni tiegħi kienu emfasizzati fid-Djarju tagħha. Għaldaqstant, fl-esperjenza ċkejkna tiegħi, wara li kont milquta mill-imħabba ta’ Alla, ħassejt il-bżonn li nagħti lura din l-imħabba lill-persuni li l-Mulej poġġhieli quddiemi permezz ta’ Assoċjazzjoni li tissejjaħ “Le opere del Padre”. Din l-assoċjazzjoni hija dedikata lil Alla l-Missier. Il-membri ta’ din l-Assoċjazzjoni għandhom l-ispiritwalità tal-Ħniena Divina. Fid-Djarju ta’ Santa Fawstina Ġesù jgħidilha: ‘Jekk tiġi meditata l-Passjoni ta’ Kristu mill-qalb jinqagħlu ħafna grazzji’. U jien ngħid li l-grazzja ewlenija għalija hija diġà dik li nimmedita għal ħafna snin il-Passjoni u li qatt ma ngħejjew milli nimmeditawha. Il-Mulej jaħdem dejjem. Huwa jeħles lill-bniedem li qiegħed fid-dlam”.

Il-ġurnalist Paolo Ondarza staqsa lil Claudia Koll kif Santa Fawstina Kowalska għadha takkumpanjaha fil-ħajja tagħha ta’ artista u attriċi. Koll wieġbet hekk: “Ħassejt il-bżonn għal dan il-Ġublew li nipproduċi Cd (“Pace a voi” ippubblikata mill-edizioni San Paolo). Fawstina tgħid li kienet tikkommovi ruħha meta kienu jiġu kantati l-innijiet paraliturġiċi tar-Randan fejn wieħed jimmedita l-Passjoni ta’ Kristu. Allura għedt: ‘Irrid immur nisma’ dawn l-innijiet’. Innijiet li għadhom jiġu kantanti sallum fil-liturġija Pollakka. Għalhekk ħsibt f’Cd li wieħed jista’ jitfagħha fil-karozza meta qiegħed isuq inkella fil-għaxija meta wieħed jidħol f’daru. Jew meta għandu ftit ħin għall-kwiet biex ikun jista’ jisimgħu ħa jinżel fl-ispirtu tat-talb. Talba li tressaqna lejn il-Mulej bil-qalb u mhux talba tal-fomm”.

Jekk Claudia Koll, bil-qawwa tal-grazzja tal-Mulej, tagħtu ħajjitha, anki int u jien nistgħu naslu li nagħmlu dan. Jekk int interessat\a tattendi għal din il-laqgħa unika li se ssir is-Sibt 7 ta’ Mejju, ċempel fuq 21442468 jew 79442468.

Mid-dlam tal-mewt għad-dawl tal-ħajja huwa passaġġ li jista isir!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: