Frażi mfewħa


Patri Mario Attard OFM Cap

 Il-fwieħa! Hijiex riħa ta’ ġiżimin jew ward. Jew ma nafx ta’ kemm il-kwalità. Illum hawn l-għażla. Kulma trid huma l-boqxiex ħa jkollok x’tonfoq.

L-għaliex ir-riħa tfuħ m’hawnx aħjar minnha. Hija itellgħalek il-moral ‘il fuq. Iġġagħlek taħseb pożittiv u pożittiva. Saħansitra tgħinek tara l-ħajja b’lenti differenti. L-għaliex ir-riħa dejjem tibqa’ ir-riħa. Iġġiblek tbissima fuq fommok. Tgħinek tħossok seren u serena.

Imma l-fwieħa hija biss l’eau de toilet li nixħet fuqi? U li noqgħod b’sebat elef għajn li ma nużahiex bl-addoċċ? Għax, jew tiswa’ ħafna, inkella l-għaliex kienet tagħtihieli s-sieħba jew is-sieħeb? Jew l-imsejkna uliedi li ħarġu prezzha minn bwiethom? Hu x’inhu l-każ dik il-fwieħa ngħożżha! L-għaliex dejjem ħlomtha fuqi. U nħobb iva nitfagħha fuqi. Kemm iġġagħlni nħossni tajjeb u tajba!

Imma din hija parti waħda mill-istorja. Il-bniedem nadif, sabiħ u li tieħu gost tagħmilha miegħu m’huwiex biss dak li jitfa’ kemm Alla ħalaq fwieħa fuqu! Hemm dak li, għalkemm hu nadif, ma jistax jafforda jitfa’ l-fwieħa li nitfa’ jien. Biss jaf jitfa fwieħa oħra li jien rari nitfa’. Forsi lanqas biss għadni ħlomtha jiena stess. Hija l-fwieħa ta’ frażi pożittiva!

Darba raġel qalli: “Jiena ħabib għallimni dejjem ngħid kelma ma’ kulmin niltaqa’: Il-paċi miegħek!” Tajba hux! Mela jekk iltaqa’ ma xi ħadd, u kien bihom, qallu: “Il-paċi miegħek!” Ħallieha li dak li jkun abbli bagħtu jsaqqi l-ħass tal-Marsa daqskemm kien maħruq. Madankollu għaddielu messaġġ. Tah frażi mfewħa. Frażi li setgħet malajr tibdillu l-ġurnata. Issa f’idejh jekk qabadtx dik il-frażi u ħallieha iġġib il-fejqan f’ħajtu jew f’ħajjitha.

Dar ir-raġel issokta jgħidli: “U meta jkolli xi ngħid ma’ sieħbi mill-ewwel nerġgħu għall-ħbiberija ta’ qabel. Mill-ewwel ngħidlu: Il-paċi miegħek! Issa ejja nieqfu ftit fuq din l-imbierka frażi. Li persuna tgħidilha: Il-paċi miegħek! taf kemm tkun qed tgħidilha affarijiet! Lil dik il-persuna tkun qed tixtiqilha l-aqwa ħaġa li int u jien tant nixtiequ li jkollna: Il-paċi! U veru tafux! L-għaliex x’jiswieli li għandi turrun ġid? X’jiswieli li għandi xebgħa investimenti? Li għandi fejn immur? Meta miegħi innifsi jiena fi stat ta’ gwerra? Mintix tarani kif qiegħed jew qiegħdha nimmolla? Donni fuq il-labar? M’għandix kwiet! Donnu għandi xi jħabbattni! Nerġa’ ngħidlek, suppost m’għandix għalfejn. Għandi kollox! Suppost li jien l-aktar persuna għanja f’wiċċ id-dinja.

Imma aktar nażżarda ngħid li jien l-aktar persuna għamja li hawn! Għaliex trid tkun għami biex dejjem tgerger! Jew twaqqa’ għaċ-ċajt lil ħaddieħor! Trid tkun għami u għamja biex ma jogħġbok xejn u tmaqdar kollox! Kos hux! Ħajja mingħajr sens ta’ gratitudni m’hi ħajja xejn. Mela aħjar loqma ħobż u kuntent milli bil-liri ħerġin mill-but u ndannat.

Ma rridx le innitten kulfejn immur b’diskors li jġib il-firda u mhux ifejjaq. Lanqas m’għandi l-ħsieb innitten it-triq li fiha ngħix billi nfendi kliem li jkeskes lill-ġirien kontra xulxin. Inkella li joskura lil dik tal-kantuniera l-għaliex il-kulur tagħha m’huwiex bħal tiegħi. Le! Jiena irrid li minn ħalqi toħroġ il-fwieħa tal-inkuraġġiment. Tat-tħeġġiġ. Ta’ kelma tajba li biha, dak li jkun, tgħidx kemm ifiq! U mhux l-għaliex żbalja se nxerrdu mal-erbat irjieħ ta’ Malta jew mad-dinja lanqas!

Il-fwieħa ta’ kliemi jagħmilni nies. Jagħmilli wiċċ biex nersaq quddiem kulħadd. Mhux l-għaliex perfett jew perfetta. Imma l-għaliex f’diskorsi jinkixef beraħ dak li hemm f’qalbi! Ħa jkun diskorsi bħal ta’ dak ir-raġel: Il-paċi miegħek! Ħabib jew għadu tiegħi: il-paċi miegħek! Tal-kulur tiegħi jew le: il-paċi miegħek! Oħxon jew irqiq: il-paċi miegħek! Għaref jew ma tafx la tikteb u lanqas taqra: il-paċi miegħek!

Għaliex fil-kelma paċi hemm miġbura l-fwieħa kollha: l-imħabba vera li taf biss tħobb għax tafħer, tilqa’, takkumpanja, tikkoreġi bil-ħlewwa u bis-sabar!

Issa urini kemm int eleganti. Għidli frażi li tfejjaqni! Frażi mfewħa!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: