Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Bih se ngħaddi għan-naħa l-oħra!

Bih se ngħaddi għan-naħa l-oħra!


Patri Mario Attard OFM Cap 

Bagħtuhieli bħala attachment. Għoġbittni. L-għaliex sempliċi. Mimlija illustrazzjonijiet sbieħ. Bi kliem tassew li jġagħlek taħseb. U, fuq kollox, mimlija b’għerf il-ħajja!

L-istorja hija dwar wieħed li kellu salib. U x’Salib kien qiegħed iġorr fuq spallejh! Mhux kulħadd għandu wieħed x’kull waħda! Imma ħej dan is-salib beda jgħejjieh. Aktar ma beda jerfgħu aktar ħammarlu spallejh. U beda jisloħomlu ukoll. “Ajma! Ma niflaħx inġorru!” beda jwaħwaħ ir-raġel bl-uġiegħ.

Imbagħad dan ir-raġel dar lejn il-Mulej u beda jirraġuna miegħu. “Issa hekk sew li jien inġorr salib daqshekk aħrax? Afli mhux sewwa tafx! Ara x’nagħmlu. Int l-għaliex ma taqbadx u tibda’ taqtagħlu biċċa? Xejn xejn inkun nista’ inġorru. X’taħseb?” U l-Mulej, li dejjem jirrispetta x-xewqa tagħna l-għaliex iħobbna ta’ veru, iridna liberi, u mhux bħax-xitan li jinvadi l-libertà tagħna, bil-paċenzja kollha qatagħlu biċċa. “Għall-erwieħ!” wieġeb ir-raġel. “Issa nħossni ferm aħjar! Nista’ nimxi naqra oħra.” Hekk hu. Beda miexi. U miexi. Tant li beda jaqta’ lil uħud li kienu għaddejjin bil-mod il-mod jerfgħu s-salib.

Mela wara xi kilometri ta’ miexi r-raġel beda jħoss is-sħana tal-jum. Waqaf. U beda jirraġuna. “Issa kieku dan is-salib naqtagħlu naqra oħra? Mhux aħjar?” Għalhekk dar lejn il-Mulej u qallu: “Mulej! Aqtagħlu naqra oħra dan is-salib? Xejn xejn inkun nista’ nimxi fit-tul kemm nista’ f’din is-sħana”. “Mela le” qallu l-Mulej. U qatagħlu biċċa oħra. U dan ir-raġel, ferħan se jtir, beda għaddej miexi qisu mhux hu. U, minkejja dik is-sħana kollha, tgħidx kemm qata’ nies oħra! Is-salib tiegħu issa ċkien bil-bosta.

F’daqqa waħda sab ruħu quddiem spazzju bejn żewġ biċċiet art. Waħda li kien fuqha hu u l-oħra fejn kellu jaqsam. “Kif se naqsam Mulej?” staqsa r-raġel hekk kif ra dan l-ispazzju ma’ wiċċu. “Tajba din!” wieġbu l-Mulej. “Kulma għandek tagħmel hu li tpoġġi s-salib tiegħek għan-naħa l-oħra” wieġbu. “Int qed tiċċajta!” wieġbu r-raġel. “Mela jien b’dan in-naqra ta’ salib nista’ ngħaddi għan-naħa l-oħra?”

L-iżball ta’ dan ir-raġel huwa l-iżball tiegħi ukoll. Fil-ħajja ma nistax nagħmel shortcuts. Il-proċess tal-ħajja hu dak li hu. Il-ħajja hija kuntrarju għal dak li jiġri fil-mediċina. Meta nagħmlu operazzjoni t-tabib jagħtina l-anesteżija kemm lokali jew, jekk il-każ ikun jitlob hekk, jagħtina dik ġenerali. Dan l-għaliex l-uġiegħ ikun kbir wisq biex inġerrħuh waqt l-operazzjoni.

Iżda fil-ħajja l-affari hija xorta oħra. Mhux l-ewwel darba li jkollna nġarrbu l-uġiegħ. Irridu jew ma rridux. Issa dan l-uġiegħ nistgħu inġibuh b’idejna. Minħabba żbalji li nwettqu ta’ bnedmin. Inkella jista’ jiġri li jiġi fuqna uġiegħ li tiegħu ma nkunux responsabbli tiegħu aħna. Hu x’inhu l-każ ikollna nħabbtu wiċċna miegħu. L-għaliex bħalma fil-mediċina biex infiequ irridu ngħaddu mill-uġiegħ u l-iskumdità tal-konvalixxenza hekk ukoll fil-ħajja biex nikbru irridu ngħaddu mill-uġiegħ. Il-maturazzjoni tagħna isseħħ permezz tal-uġiegħ. Dan anki biex faqqajna d-dras. Avolja konna daqs ħanex. Imma kemm bkejna! L-għaliex l-maturità titlob uġiegħ. Aħseb u ara f’affarijiet oħra tal-ħajja.

Ħadd m’hu iblaħ li ma jixtieqx li s-salib tiegħu ikun eħfef milli hu. Imma l-ħajja għallmittni li dak hu l-aħjar mod biex bih nista’ nikber. U aktar ma naffaċċja t-tbatija tiegħi aktar se nikber. L-għaliex dak li ma joqtolnix se jagħmilni aktar b’saħħti. Mhux l-ewwel darba li xi nies fl-Isptar jgħiduli: “Patri! Alla mhux ħa jgħabbilek piż li ma tifilħux!” Din il-biċċa għerf fakkrittni f’qawl Lhudi li jgħid: “Ma nitlobx għall-piż eħfef imma għal spallejn aktar wesgħin”. It-tbatija iebsa. Tnikket. Tbikki. Tifni. Imma l-ġid li joħroġ minnha hu tassew kbir.

Kemm-il darba gergirt Mulej li għandi salib tqil. Fakkarni li jekk nafda fik it-tbatija tiegħi tfejjaqni. It-tbatija tgħinni nintebaħ li ħajti mhux għal hawn. Ġurnata irrid immut u nagħti kont ta’ għemili. Għinni mela naħfer ħa niġi maħfur/a minnek. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: