Ismagħni naqra!


Patri Mario Attard OFM Cap 

Toħroġilna bla ma rridu. L-aktar meta nkunu qegħdin nippruvaw infehmu xi ħaġa lil dawk ta’ madwarna. Imma, u min jaf għal liema raġuni, dak jew dik li tkun ma jkunux jistgħu jifhmuna. U t-tempra titla’! Sakemm tisplodi! “Ismagħni naqra!”

Imma xi tfisser eżatt li tisma’? Kemm hu mportanti li tisma’? U l-għaliex mingħajr is-smiegħ ma nistgħux ngħixu ħajja kompletament umana? Ħajja fejn id-dinjità tagħha bis-smiegħ tkun merfugħa ‘l fuq? Kif tant, wara kollox, jixirqilha? Dan l-aħħar ġie f’idejja l-messaġġ mill-isbaħ li Papa Franġisku kiteb fil-50 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni soċjali. It-titlu ta’ dan il-messaġġ kien dan: Komunikazzjoni u ħniena: laqgħa li tħalli l-frott.

F’dan il-messaġġ il-Papa Arġentin jagħtina katekeżi mill-isbaħ ta’ x’jiġifieri tisma’. U s-smiegħ x’jitlob minnek u minni li għandna l-grazzja li nisimgħu. Il-Papa jikteb hekk:

“Għalhekk hu fundamentali li nisimgħu tassew.  Tikkomunika jfisser taqsam ma’ l-oħrajn, u l-qsim ma’ l-oħrajn jitlob minna li nisimgħu, li nilqgħu.  Li tisma’ hu wisq iktar milli sempliċement ikollok widnejk miftuħa. Sakemm għandek widnejk miftuħa, dan għandu x’jaqsam mad-dinja ta’ l-informazzjoni; imma li tisma’ tassew, din komunikazzjoni, u hemm bżonn li tkun qrib ta’ l-ieħor.  Is-smigħ jagħtina l-atteġġjament it-tajjeb, għax noħorġu mill-kundizzjoni trankwilla ta’ spettaturi, ta’ semmiegħa, ta’ konsumaturi.  Li tisma’ tassew ifisser ukoll li tkun kapaċi taqsam ma’ l-oħrajn mistoqsijiet u dubji, li timxi spalla ma’ spalla ma’ ħaddieħor, li tinħeles minn kull preżunzjoni ta’ omnipotenza u umilment tqiegħed il-ħiliet tiegħek u d-doni tiegħek għall-qadi tal-ġid komuni.

Li tisma’ qatt m’hu faċli.  Xi drabi hu iżjed komdu tagħmilha ta’ trux.  Tisma’ jfisser tkun attent, ikollok ix-xewqa li tifhem, tagħti valur, tirrispetta, tgħożż il-kelma ta’ ħaddieħor.  Meta nisimgħu, ngħaddu minn ċertu tip ta’ martirju, sagrifiċċju tagħna nfusna li fih inġeddu l-ġest sagru mwettaq minn Mosè quddiem is-siġra ta’ l-għolliq jaqbad: ninża’ l-qorq fuq l-‘art qaddisa’ tal-laqgħa mal-persuna l-oħra li qed tkellimni (ara Eż 3:5).  Li nkun kapaċi nisma’ hi grazzja kbira ħafna, hu don li rrid nitolbu biex imbagħad nista’ nitħarreġ fil-prattika tiegħu”.

Tajjeb għalhekk li wara li qrajt b’reqqa kbira din il-katekeżi ħelwa imma li tindirizza l-essenza tas-smiegħ insaqsi lili nnifsi dawn il-mistoqsijiet: Kemm hu tassew fundamentali għalija li nisma’? Kemm lest/a naqsam mal-oħrajn billi nismagħhom u hekk nilqagħhom? Kemm qed nikkomunika mal-oħrajn bis-smiegħ tiegħi? Nifhem li meta nisma’ lil ħaddieħor jiena nkun qrib dik il-persuna? Waqt konverżazzjoni kemm tassew nirrispetta lill-persuna l-oħra billi nistaqsieha fejn ma nifhimx dak li tkun qed tgħidli? Inkella, fejn ma naqbilx, nurieha l-opinjoni tiegħi bil-ħlewwa, bir-rispett u bil-verità? Nifhem li meta nisma’ jiena awtomatikament ninħeles mill-preżunzjoni li nibda’ naħseb li b’daqshekk issa naf kollox? Konxju/konxja li meta nisma’ tabilħaqq nibda’ inħossni fid-dmir li npoġġi l-ħiliet u d-doni tiegħi għall-qadi tal-ġid komuni? Ġieli qbadt lili nnifsi nagħmilha ta’ trux u truxa? Tgħid għaliex? Ma naħsibx li b’hekk ma nkunx qed nirrispetta, ngħożż u nivvalorizza l-kelma ta’ ħaddieħor? Nirrejalizza li meta nisma’ jiena ngħaddi minn tip ta’ martirju l-għaliex nissagrifika lili nnifsi u nagħti spazzju lill-persuna l-oħra biex tieħu hi s-siġġu ta’ quddiem f’ħajti? Kemm qed nirringrazzja lill-Mulej u fl-istess ħin nitolbu l-grazzja kbira li nisma’? Kemm qed nitħarreġ fis-smiegħ fil-prattika?

Kemm problemi jissolvew, inkwiet jonqos u qlub maqsuma jitfejqu jekk nisimgħu ħbieb! Ejjew inħallu dawn il-mistoqsijiet isaffuna, jibnuna u jsaħħuna fl-arti tas-smiegħ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: