Il-pellegrinaġġ


Patri Mario Attard OFM Cap 

Kien jum mill-isbaħ. Il-Ħamis 17 ta’ Marzu. Jum li nibqa’ niftakar. Ngħożż. Minħabba l-pellegrinaġġ li għamilt ma’ grupp fil-Bażilika tal-Isla. Għar-Redentur.

Bdejna minn Pjazza Benedittu XV. Imxejna flimkien. Kont fuq quddiem, ħdejn is-Salib. Bdejna nkantaw l-innu Ejja Wara Ġesù. Waqt li bdejna mexjin ħarist lejn is-Salib li kien qed iġorr membru tal-Mużew. U għedt, fil-qalba ta’ qalbi: “U mhux wara Ġesù irrid nimxi? Mela wara min?” In-nies jgħallumni. Illum kulħadd itiehlek. U jaf id-daqqa jagħtihielek bla ħniena ta’ xejn. Forsi jkun ħaqqni. L-għaliex inkun waqaft biss mat-tbissima mqanżħa. Jew ma’ xi libsa. Imma l-qalb? L-għebusija u l-kburija tagħha? Issemilix! Iebsa! Tweġġa’. Iweġġgħuk bla ħniena!

Imbagħad inqara l-vanġelu. Dak tal-adultera. Ta’ dik. Li biha kien jaf kulħadd! Għax dik, dik! U dik hekk ħaqqha! Ara l-oħrajn. L-għaliex kien jafu joħorġu minnha għax tal-iskola. U kienu jafu jinħbew wara subgħajhom. Għaliex kienu jafu l-liġi u jinterpretawha kif iridu. Għalkemm fil-moħbi vilment billew subgħajhom ukoll. Ħasbu li se jdaħħlu lil Ġesù fil-but. Imsieken! Ma’ min marru jħaqquha! Kemm għarafhom hux Ġesù lil dawn ix-xarks! Sfidahom waħda bl-għeruq u x-xniexel quddiem kulħadd. “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). Rajthom! Smajthom! “Baqgħu jistaqsuh” (Ġw 8:7). Biex taparsi juru kemm huma prattikanti!

Imma hu mar għall-essenza tal-ħaġa! Sfidahom personalment. Min minnkom subgħajh dritt ħa jitfagħlha. Taf li kollha marru lejn id-dar? Mela kollha kellhom xi jxommu? Sabiħ wisq il-kliem tal-vanġelu: “Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ” (Ġw 8:9). U għax mix-xjuħ? Għax dawk, li l-aktar suppost li kienu jafu, l-aktar li kienu tmegħku. Iffangaw fil-kirxa magħha! U x’ħin kixfilhom dnubhom ma kellhom l-ebda triq oħra għajr li jitilqu lejn djarhom. Il-kawża kienet issa mitlufa.

Kos hux! Ara taħsbu li l-Mulej jkun irid jikxifilna dnubna. Li kieku kien hekk kieku kif hemm is-sagrament tal-qrar? Imma almenu jekk il-Mulej ħafirli ejja naħfer! Inkella, jekk ma naħfirx, kif taħsbu li se jġib ruħu miegħi? Mhux iħallini nduq sal-istonku tiegħi l-mediċina li nkun bellajt lil ħaddieħor? Mela nsejna x’jgħid Ġesù fil-parabbola tal-qaddej li ma jaħfirx? “Mbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, ‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena,  ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’ U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma  kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom’” (Mt 18:32-35). U mela aħfer ħija! Oħti! Patri! Qassis! Soru! Aħfer! U mal-Mulej timxi! Għaliex hu jaħfirlek dnubietek ukoll. U tinduna tafx daqskemm ninduna jiena wkoll. Inħossu jgħidli: “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-llum ‘il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11).

Imbagħad daħlet fin-nofs Marija. Ommu. Li f’Kana qalet lill-qaddejja b’persważjoni kbira: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Il-posta Rużarju li tlabna flimkien fakkrittni għal ma nafx kemm-il darba f’dak li Marija tgħidli f’qalbi, kontinwament, f’kull ċirkustanza ta’ ħajti: “Agħmel dak li jgħidlek hu!” Jaqbilli nimxi fuq kelmtu. Kelmtu issalvani. Għalhekk, meta kien hemm drabi fejn dan m’għamiltux, ma stajtx le naħbih lil Ġesù, ir-Redentur tiegħi. U, mal-pellegrini, kantajt minn qalb l-innu sabiħ Mulej ħniena aħna nitolbuk. Għax f’dik l-aħna kien hemm jien, il-Patri, jitlob lill-Mulej il-maħfra.

U l-kant wasallni nitlob ukoll mal-ġemgħa l-Att tal-Indiema. L-att fejn niżżel lil qalbi għarkupptejha. Biex nibki dnubieti. U jiddispjaċini tassew li wettaqthom.

U meta ħassejt il-balzmu tal-ħniena ta’ Alla jinżel f’qalbi mbagħad ġejt mistieden nitlob għall-Papa u għar-rebħ tal-indulġenzi. Il-maħfra twassalni biex nuri ħniena lejn l-oħrajn. Mhux b’hekk tissaħħaħ aktar fija?

Meta dħalna fl-Oratorju kantajna lill-Mulej li hu Ir-Ragħaj u s-Sid tiegħi. Mhux din hija l-isbaħ stqarrija li nista’ tabilħaqq nistqarr?

F’din is-Sena tal-Ħniena żur lil Ġesù Redentur fil-Bażilika tal-Isla b’pellegrinaġġ. Jekk temmen f’dak li se tagħmel ma tmurx lejn darek l-istess!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: