Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Inżuru lill-anzjani tagħna

Inżuru lill-anzjani tagħna


Patri Mario Attard OFM Cap 

Dan l-aħħar kelli l-grazzja li nżur l-Patrijiet anzjani tagħna l-Kapuċċini fid-Dar tal-Kleru. Kienet esperjenza tassew sabiħa! Esperjenza fejn stajt napprezza ferm aktar mhux biss id-don tal-ħajja imma ukoll, u fuq kollox, id-don taż-żmien. Mhux ta’ b’xejn mela li meta kont membru fis-Soċjetà tal-Mużew is-Superjur kien jgħallimna li ż-żmien hu prezzjuż daqs Alla l-Imbierek! Biż-żmien nista’ nirbaħ jew nitlef lil Alla, l-aqwa valur li qatt jista’ ikolli f’ħajti!

Meta dħalt fid-Dar tal-Kleru fejn hemm miżmuma b’tant imħabba u dedikazzjoni ħutna s-saċerdoti u r-reliġjużi li taw ħajjithom għall-Knisja, kemm fi xtutna u barra minn xtutna, stajt ninnota kemm huwa għaqli li wieħed ikun mal-anzjani. Il-kultura relattivista, li qiegħdin ngħixu fiha, dan il-valur kbir ma tapprezzaħx. Anzi! Pjuttost tinjorah! Għall-kultura mingħajr Alla li qiegħdha tinxtered fostna x-xjuħija hija falliment. Mela xi ħaġa li għandna inġennbu. Mentri, fil-verità, ix-xjuħija hija rigal imprezzabbli li jiftħilna beraħ it-teżori li hemm f’din il-ħajja u jħejjina bil-kbir għal dawk li hemm jistennewna lil hinn minn din il-ħajja tad-dmugħ u problemi.

Fil-katekeżi sabiħa li Papa Franġisku għamel nhar l-Erbgħa 4 ta’ Marzu tal-2015 huwa iddedikaha kollha kemm hi għall-anzjani. Min huma l-anzjani? Iwieġeb il-Papa: “L-anzjani huma rġiel u nisa, missirijiet u ommijiet li kienu diġà qabilna fl-istess triq tagħna, fl-istess dar tagħna, fil-ġlieda tagħna ta’ kuljum għal ħajja xierqa.  Huma rġiel u nisa li minn għandhom irċivejna ħafna”.

Hekk hu ħbieb! Mingħandhom irċivejna bil-bosta! U, f’ċertu każi, għadna nirċievu wkoll. Bħalissa tiġini l-istorja ta’ wieħed anzjan, armel, li għandu iben wieħed. Meta iltqajt miegħu dan l-anzjan qalli kemm jgħin lil ibnu biex irabbi l-familja tiegħu. Proprjament mhux jgħinu imma jagħtih. Tant li qallu: “Ibni, meta mmut idħol u ħu kollox għaliex li għandi hu tiegħek”.

Kull meta niltaqa’ man-nies ħafna anzjani jgħiduli: “Il-ħajja tagħna Patri mimlija. Għaliex fit-tali u t-tali ħin inżommu t-tfal tat-tifel jew tat-tifla”. Barra minhekk kemm familji żgħar illum ma jgħaddux finanzjarjament jekk ma jkunux n-nanniet li jagħtuhom. In-nanniet għad għandhom importanza kbira fil-familja. L-ewwel nett, l-għaliex mill-finanzi huma n-nanniet li qed isostnu lill-familji li telgħin biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-ħajja. It-tieni nett, in-nanniet huma dawk li jżommu lit-tfal ta’ wliedhom ħalli dawn ikunu jistgħu jaħdmu. Għax, kif jirraġunawli ħafna nies li niltaqa’ magħhom, “illum bilfors ikollok taħdem”. Barra minhekk hemm aspett ieħor importanti li rridu aktar nisħqu fuqu, jiġifieri l-aspett didattiku. L-anzjani, b’mod speċjali n-nanniet, għandhom ħafna x’jgħallmuna dwar il-ħajja. L-esperjenza tagħhom fil-ħajja hija imprezzabbli.

Ħa nirritorna bil-għaġla lejn l-esperjenza li kelli jiena stess meta mort id-Dar tal-Kleru. Qassis anzjan għallimni hekk: “It-tajjeb għandu t-tendenza li jinxtered!” Aħseb naqra fuqha. It-tajjeb, għax minnu nnifsu huwa tajjeb, bilfors it-tjubija li hemm fih se jxerred. Mela, la hekk hu l-każ, kemm hu meħtieġ li t-tajjeb inxerrduh! Kemm nikkritikaw affarijiet fil-ħajja. Dik m’hix sejra tajjeb. U l-oħra għal ġol-ħajt. Kollox sew! Imma jekk nieqfu ftit u nieħu l-eżempju tal-Appostlu li jgħid “Irbaħ il-ħażin bit-tajjeb” (Rum 12:21) kemm aktar jista’ isir ġid! Għaliex l-istorja dejjem hekk ħadmet, it-tajjeb jaqla’ l-ħażin. U aktar mat-tajjeb juri tjubietu aktar juri kemm il-ħażin hu skadut u ta’ min jarmih!

F’din il-katekeżi sabiħa l-Papa Franġisku uża diversi frażijiet biex bihom juri kemm l-anzjani tagħna huma tassew barka ta’ għerf għalina. Huwa qal: “L-anzjani huma r-riserva ta’ l-għerf tal-poplu tagħna!… Fit-tradizzjoni tal-Knisja hemm bagalja ta’ għerf li dejjem żammet ħajja kultura ta’ qrubija lejn l-anzjani, dispożizzjoni għall-akkumpanjament mimli mħabba u solidali f’din l-aħħar fażi tal-ħajja.  Din it-tradizzjoni għandha għeruqha fl-Iskrittura Mqaddsa, kif, ngħidu aħna, juruna dawn l-espressjonijiet mill-Ktieb ta’ Bin Sirak: ‘Tonqosx tagħti kas ta’ kliem ix-xjuħ, għax huma wkoll tgħallmu minn għand missirijiethom; minn għandhom titgħallem tkun bil-għaqal, u meta jenħtieġ, tkun tista’ tagħti tweġiba” (Sir 8:9). Il-Knisja ma tistax u ma tridx taqa’ għall-mentalità ta’ nuqqas ta’ sabar, u wisq inqas ta’ indifferenza u ta’ disprezz, fil-konfront tax-xjuħija.  Jeħtieġ inqajmu mill-ġdid is-sens kollettiv ta’ gratitudni, ta’ apprezzament, ta’ ospitalità, li lil min hu anzjan jagħmlu jħossu parti ħajja mill-komunità tiegħu…”

Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim il-Papa Franġisku sfida lis-soċjetajiet tagħna tal-punent biex jagħmlu aktar wisa’ għall-anzjani tagħna. Biex lill-anzjani tagħna ma nibqgħux narawhom aktar ta’ problema imma ta’ opportunità. Ma nqisuhomx aktar ta’ piż li jxeklilna l-libertà personali tagħna iżda li nibdew narawhom bħala għalliema, saħansitra benefatturi tagħna li jgħinuna ngħixu l-libertà tagħna b’kuxjenza u b’qalb ħanina. Għax x’inhi l-libertà mingħajr ir-ruħ tas-solidarjetà lejn il-batut? Proprju xejn għajr frustrazzjoni u aljenazzjoni kontinwa!

“Benedittu XVI, huwa u jżur dar ta’ l-anzjani, uża kliem ċar u profetiku, qal hekk: ‘Il-kwalità ta’ soċjetà, irrid ngħid ta’ ċiviltà, tiġġudikaha anki minn kif huma ttrattati l-anzjani u mill-post miżmum għalihom fil-ħajja komuni’ (12 ta’ Novembru 2012).  Hu minnu, l-attenzjoni għall-anzjani tagħmel id-differenza f’ċiviltà.  F’ċiviltà hemm attenzjoni għall-anzjan?  Hemm post għall-anzjan?  Din iċ-ċiviltà tista’ timxi ’l quddiem jekk tagħraf tirrispetta l-għerf u l-għaqal ta’ l-anzjani.  F’ċiviltà fejn m’hemmx post għall-anzjani jew dawn jiġu skartati għax huma meqjusa problema, din is-soċjetà ġġorr magħha l-marda tal-mewt”.

Tajjeb hawnhekk li quddiem dan id-diskors qawwi tal-Papa Franġisku naraw ftit fejn aħna. Kemm ilni ma nżurhom l-anzjani tal-familja tiegħi? Fl-istess katekeżi l-Papa semma fatt tassew ta’ swied il-qalb. “Niftakar meta kont inżur id-djar ta’ l-anzjani, kont nitkellem ma’ kull wieħed u waħda minnhom, u ħafna drabi smajtha din: ‘Kif int?  U t-tfal? – Tajjeb, tajjeb. – Kemm għandek tfal? – Ħafna. – U jiġu jżuruk? – Iva, iva, dejjem, iva, jiġu. – Meta ġew l-aħħar?’.  Niftakar kien hemm anzjana li qaltli: ‘Ħeqq, għall-Milied’.  Konna f’Awwissu!  Tmien xhur bla żjara minn uliedha, tmien xhur abbandunata!  Dan hu dnub mejjet, fhimtu?”

Xi vleġġa din! Issa mhux il-Patri, inkella l-Isqof qed jgħidu dan id-diskors! Imma l-Papa Franġisku innifsu! Meta ma mmurx nżur l-anzjani jiena nagħmel dnub mejjet! L-għaliex bl-aġir tiegħi jiena inwarrab għal kollox lil Ġesù Kristu li fl-anzjani qed jgħidli: “Ħobbni! Ħu ħsiebi! Ismagħni! Istmani!”

F’din is-Sena tal-Ħniena, li tfisser ukoll ħniena kbira lejn il-batuti tas-soċjetà tagħna, ejja nagħmel deċiżjoni sinċiera u mill-qiegħ ta’ qalbi: nibda’ inżur tas-spiss lill-anzjani. Nibda’ minn dawk tal-familja tiegħi u nispiċċa minn nies tat-triq u oħrajn li naf. Ifakkarna Papa Franġisku: “L-anzjan m’hux xi aljen.  L-anzjan hu aħna: minn hawn u ftit taż-żmien ieħor, ħafna żmien ieħor, hu x’inhu, inevitabbilment, anki jekk ma rridux naħsbu fuq hekk.  U jekk aħna ma nitgħallmux nittrattaw tajjeb lill-anzjani, hekk jittrattaw lilna”.

Ġesù qaxxarha: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 19:19). Ejjew inħobbu lill-anzjani tagħna billi nżuruhom ta’ spiss!

  1. Charles Mifsud
    April 18, 2016 at 1:52 pm

    Father
    Nixtieq nghaddi kumment. Rigward ix-xjuh u l-anzjani. Mhux mill-aspett teologiku li tkellimt dwaru int. Pero mill-aspett etimologoku.
    Hemm differenza kbira bejn xih u anzjan. Sfortunatament illum jidher li ftit jafu bid-differenza. U dan qed ihalli rizultat negattiv.
    Nibda bil-kelma anzjan. L-unika konnotazzjoni ma’ dik il-kelma hija iz-zmien. Oggett isir antik u bniedem isir anzjan.
    Mhux hekk il-kelma xih. Din il-kelma tigbor fiha rispett, ghaqal u gherf, tmexxija.
    Rigward rispett. Jien nghid “ha mmur nara x-xih tieghi” ghax huwa bniedem li ngiblu rispett, mhux ghax ghandu z-zmien. Mela dar tax-Xjuh mhux dar tal-Anzjani!!!
    Rigward ghaqal u gherf. Nghidu “kliem ix-Xih zomm fih”. Dan mhux ghax ghandu z-zmien imma ghax mimli gherf u ghaqal.
    Hawnhekk referenza importanti ghal-Bibbja. Il-Bibbja, il-kelma t’Alla, titlobna li nintlew bl-gherf u ghaqal. Ghalhekk fit-traduzzjoni tal-Bibbja wiehed irid joqghod attent juzax il-kelma anzjan jew inkella xih. Alla jtina z-zmien mhux biex insiru anzjani imma biex nintlew bl-gherf u b’hekk inkunu nistghu nergghu ninghaqdu mieghu.
    Rigward tmexxija. Fl-ilsna semitici il-mexxej taghhom jghidulu ix-Xih.
    Per ezempju l-Iran kellom ix-Xah, li tfisser xih.
    Ix-Shiekh huwa ix-Xih. (u ahna niktbuha bl-Ingliz meta hija kelma Semitika!)
    Nirringrazzjak ghat-taghlim kontinwu tieghek.
    Berikni.
    Charles Mifsud

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: