Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Kif ikollok tgħix!

Kif ikollok tgħix!


Patri Mario Attard OFM Cap

Imbierek il-ħin kollu s-siegħa u l-mument li s-superjuri Kapuċċini tiegħi, fl-2004, kienu qatugħha li nibda’ naħdem mal-morda fl-isptar. Din kienet “deċiżjoni tal-inbid”. Almenu hekk inħobb insejħilha. Dan għaliex aktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuqha aktar nintebaħ kemm kienet għaqlija. Għaliex aktar qiegħdha titjieb. Bħall-flixkun inbid!

U din qiegħdha titjieb mhux l-għaliex għandi xi mertu jien tafux! Anzi! Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nintebaħ kemm għad fadalli x’nitgħallem f’dan il-qasam importanti tal-ħajja pastorali. Biss, u dan ngħidu bid-dmugħ f’għajnejja mimli gratitudni lejn il-Mulej, aktar ma jgerbeb iż-żmien minn din id-deċiżjoni għaqlija aktar ngħanni mas-salmista: “Kemm hu tajjeb il-Mulej!” (Salm 34:9). U mhux għalhekk li nitolbu, lejl u nhar, ħalli jagħtini l-grazzja li nistkenn fih? (ara Salm 34:9).

F’Mater Dei nitgħallem kemm hu kbir id-don tal-ħajja. Donum Vitae! Hekk semmietha l-Istruzzjoni dwar ir-rispett lejn il-ħajja umana fil-bidu tat-tnissil tagħha u fuq id-dinjità tal-prokrejazzjoni li kienet ħarġet il-Kongregazzjoni tal-Fidi nhar it-22 ta’ Frar 1987. Fis-sentenza tal-ftuħ tagħha tgħid hekk: “Id-don tal-ħajja li Alla l-Ħallieq u Missier fada’ f’idejn il-bniedem isejjaħlu biex japprezza l-valur inestimabli ta’ dak li ġie mogħti lilu u li jieħu ħsiebu b’responsabbiltà” (nru. 1).

Il-ħajja hija don. U dan ngħidu mhux l-għaliex jien Patri, inkella Nisrani. Imma ngħidu l-għaliex jiena, bħalek, bniedem tad-demm u l-laħam. Illum ngħidu b’konvinzjoni l-għaliex erġajt għaddejt minn dak li għaddejt erba’ snin ilu. Erġajt kont f’ħalq il-mewt. Din id-darba mhux b’mod drammatiku. L-ebda uġiegħ ma’ kelli. Imma b’mod ħelu ħafna. U mela x’ġaralek Patri biex qed tgħid hekk? Se ngħidilkom …

Fl-Għid Imqaddes wasalt għall-ikel ma’ ħuti l-Patrijiet. Ħadt gost li kelli din l-grazzja li niekol bukkun magħhom f’din is-Solennità tas-Solennitajiet. Il-jum u l-kumpanija kienu sbieħ. Ġagħluni nduq il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt. Wara kollox fil-Vġili tal-Għid ma qrajniex mill-profeta Iżaija: “Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll  li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, nbid u ħalib bla ħlas” (Iż 55:1)? Hemm arani, il-Patri, mal-mejda tal-ikel. Bla flus imma bil-għatx għall-ilma. Bla flus u għalhekk niekol b’xejn. Bla flus imma b’naqra inbid quddiemi. U wara kikkra kafè bil-ħalib. Ħa jinżel kollox!

Imma dan li se naqsam magħhom ma seħħx le meta ħadt il-kikkra tal-kafè bil-ħalib. Imma meta kont qed niekol biċċa laħam. Li, it-tjubija tagħha, tat permess lil ħnieki biex jigdmu biċċa mhux ħażin. Niżlet għasel kieku. Imma hawn beda l-gwaj. Fi griżmejja bdejt inħoss it-tingiża. U aktar ma ppurvajt nibla’ aktar it-tingiża bdiet titqawwa. X’kien ġara?

Moħħi ġera’ ‘il bogħod ‘il bogħod. Eħ! Dak l-imbierek xewk li konna ngħaddu nħokku miegħu meta kont immur għall-passiġjati ta’ tifel li kont. Dak ix-xewk kbir u ppuntat. Mà x’biża! Ikolli ngħid li waħda minn dawk ix-xewkiet weħlet fi griżmejja. U biex ma naqlax ħafna ramażolji u paniku irħejtilha lejn kamarti. U dħalt fil-kamra l-baxxa. Ftaħt ħalqi u … ħarġet ħbieb! Kienet għadma irqiqa qisha xewka. Daqs 15-il millimetru! Waddabtha! U qisu qatt ma kien xejn!

Imma waqt li kont se nħalli l-kamra l-baxxa ħarist lejn Ġesù u dħaktlu tnejn. “Erġajt salvajtli ħajti minn mewt ċerta Mulej!” għedtlu. “Mela veru li tridni nxandar aktar il-Ħniena tiegħek!”

U hekk bqajt nagħmel ħbieb! Ma tifhimx! Kien hawn min miet l-għaliex faga f’biċċa laħam. Kien hawn min għamel ħsara kbira lill-musrana b’xewka jew għadma li bala’. U jien, il-Patri, bqajt ħaj. Tgħid għaliex hux? Ma kellix jiena wkoll ngħaddi mill-kanal tal-mewt?

Hu x’inhu jkollok tgħix! U tgħix għal skop. Li, fl-aħħar mill-aħħar, jafu l-Mulej waħdu. U, int u jien, nibdew niskopruh bil-mod il-mod.

Minn din l-esperjenza nagħmel tiegħi dak li jgħid San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin: “Ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem” (2 Kor 9:5).

Ħu mument b’mument bi grazzja sieħbi! Illum hawn u għada le! Mela t-tajjeb li nista’ nagħmel ħa nagħmlu issa! Għax mument ieħor … jaf ikun tard wisq!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: