Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni

Il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni


Patri Mario Attard OFM Cap

Sabiħ kieku fil-ħajja kollox ward u żahar! Sabiħ kieku fil-ħajja ilkoll qatt ma nweġġgħu lil xulxin! Kieku ara f’liema dinja qegħdin ngħixu! Imma rridu nkunu saqajna mal-art. Qiegħdin fid-dinja. U lil xulxin xi darba se nweġġgħu żgur.

F’konflitt dejjem hemm opportunità sabiħa: il-kapaċità tal-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Din mhix priedka. Lanqas paroli fil-vojt. Dan rejaltà! Minn ħajti u x’nitgħallem mingħand in-nies nara li m’hemmx isbaħ mill-maħfra. L-ewwel li jgawdi mill-maħfra huwa min jiġi mweġġa’. L-għaliex m’hemmx agħar milli ngħix bir-rabja u mill-għatx klubi għall-vendetta. Billi ngħid: “Issa npattihielu!” Jew “Ara kif ħa inpattihielha!” Mhu ħa nieħu xejn. Anzi! Is-sodisfazzjon ta’ ftit minuti se jitfagħni f’infern kbir għal ħajti kollha. U r-raġuni hija waħda: nammetti u ma nammettiex jiena wkoll inweġġa’ lil ħaddieħor. Għalhekk jiena wkoll għandi bżonn min jaħfirli. Min jiftaħli għajnejja. Min jagħtini kelma li għall-ewwel theżżiżni imma mbagħad nara l-effetti pożittivi tagħha.

Ilkoll kemm aħna għandna qiegħdin nitgħallmu. U nibqgħu hekk sal-mewt. Dak hu l-bniedem! Dejjem jiskopri orizzonti ġodda. Dejjem jitbiegħed minn dak li jagħmillu l-ħsara u jagħmel ħsara wkoll lil għajru u jimxi lejn il-fejqan veru. Fil-ħajja hemm differenza kbira ta’ kif narawha. Jew ngħidu li ma niżbaljaw qatt u ma nibqgħux la bnedmin u lanqas Insara. Inkella nkunu rejalistiċi u ngħidu: “Isma’! Jien għandi bżonn infiq mit-tali u t-tali ħaġa. Għandi bżonn inħalli dan il-mod ta’ mġieba u ninbidel!” Il-ħajja hija ħajja l-għaliex hemm din il-possibbiltà mill-isbaħ ta’ fejqan. Fejqan veru! Fejqan li jibda’ mill-mod kif naħsibha. Il-mod ta’ kif ċertu affarijiet, dejjem bit-talb li nitlob lill-Mulej l-għaliex hu aqwa minni, ma nħallihomx jidħlu f’moħħi biex imbagħad iniġġsuli l’ qalbi. Fejqan li jidher kif inġib ruħi. Issa dan jitlob ħajja sħiħa. U ġieli ħajja f’din id-dinja ma tkunx biżżejjed biex uħud minna nnissaffew mill-ħażen. Ikollna bżonn il-purgatorju wkoll.

Il-kultura tal-maħfra u r-rikonċiljazzjoni tissawwar fina b’żewġ modi. L-ewwel nett, importanti ħafna li jkollna l-ħsibijiet ġusti dwarha. Jiġifieri dawk il-ħsibijiet li jgħinuna u jħeġġuna ħa ngħożżu aktar dan il-valur daqshekk importanti f’ħajjitna. L-għaliex b’hekk biss inkunu nistgħu ngħixu ħajja tassew ta’ aħwa bejnietna. L-aqwa kelma fil-maħfra u r-rikonċiljazzjoni tibqa’ dik ta’ Ġesù Kristu, Dak li qatt ma żbalja. Qatt ma dineb. “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk” (Mt 18:15). Xi ġmiel! Il-Mulej Ġesù qiegħed jagħtina ċ-ċans, lili u lilek, li b’korrezzjoni aħna nirbħu lil ħutna li żbaljaw. Bħalma meta niżbalja jien u ħaddieħor jiftaħli għajnejja lili jkun rebaħni lura għall-Mulej! Tajjeb għalhekk li ninġarbu ilkoll ma’ dik il-mejda ħalli nikkoreġu u nfejqu lil xulxin.

Imbagħad hemm prinċipju ieħor l-aħwa li rridu nżommu ilkoll quddiem għajnejna: quddiem il-Mulej ilkoll kemm aħna tal-istess pezza! Midinbin! Ilkoll iva ħaqqna l-infern. Imma l-Mulej, fi ħnientu, ħafrilna. U jibqa’ jaħfrilna. Imma b’kundizzjoni waħda: li naħfru lil min iweġġagħna. Din kelmtu! Żgur mhux tiegħi! “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom”  (Mt 6 :14-15).

Bil-maħfra insibu l-paċi. Il-maħfra hija rigal mill-Mulej li rridu nitolbulu kuljum. U rridu wkoll inxammru jdejna għalih. Li nitlob għal min iweġġagħni huwa fejqan kbir. L-ewwel nett, għalija. L-għaliex ngħix fil-paċi. U t-tbenġila tal-azzjoni li nkun irċevejt tibda’ tinżel bil-mod il-mod. U, it-tieni nett, fuq il-persuna li tkun weġġgħetni. Dan l-għaliex fuq din il-persuna nkun qed niġbor il-ġamar qawwi tal-imħabba ta’ Kristu li tpatti bil-ġid għall-offiżi li tirċievi. Hija biss din it-tip ta’ mħabba li tgħinna ngħixu fil-paċi f’din id-dinja u ddaħħalna fl-oħra.

Kuraġġ nies! Mulej kabbarni fil-maħfra u r-rikonċiljazzjoni tiegħek. Amen.

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: