Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > X’sitt kelmiet dawk!

X’sitt kelmiet dawk!


Patri Mario Attard OFM Cap

Mela darba kelli qadja sal-Università. Il-mikbi Superjur Ġenerali tal-Mużew, Victor Delicata, għallimni ħaġa importanti: tgħallem minn kollox u minn kulħadd! Għax kollox tagħlim! O Superjur! X’raġun għandek biex tbiegħ!

Dħalt mela fl-Università sabiħa tagħna minn naħa tal-Isptar Mater Dei u, eżattament fuq wieħed mit-travi tawwalin u kbar tal-konkos, qrajt dawn il-kelmiet sbieħ: Ħabrek, Żbalja, Tgħallem … Irnexxi, Ikber, Għix. Kemm għoġbuni dawn il-kelmiet! X’ħin rajthom tant kemm laqtgħuni li ktibthom! Ħa napprezzahom! U ninżel f’għerfhom!

L-ewwel parir … ħabrek! Patri, li għadu ħaj u mimli bl-għomor u għadu jagħmel bosta ġid, għallimni hekk: “Dak li jaqa’ f’ħoġrok ma tapprezzahx!” Hekk hu! Forsi din lil uliedna għandna bżonn ngħallmuhom aktar! Il-virtù tal-bżulija. X’dinjità tagħtina l-bżulija! Colin Powel jgħid: “Ħolma ma ssirx rejaltà permezz tal-maġija. Issir bl-għaraq, bid-determinazzjoni u b’xogħol iebes”. Mela, biex niggradwa mill-Università tal-ħajja jinħtieġli negħreq l-għaraq! Naħdem! Inkun bieżel u bieżla!

It-tieni parir … żbalja! Fil-ħajja jiżbalja kulħadd. U taf min ma jiżbaljax? Min qatt m’għamel xejn. Hekk qal Theodore Roosevelt: “L-uniku bniedem li qatt ma jagħmel żball huwa l-bniedem li qatt ma jagħmel xejn”. Filwaqt li Albert Einstein qal: “Min qatt m’għamel żball qatt ma pprova xejn ġdid”.

It-tielet parir … tgħallem! Benjamin Franklin jgħid: “Għidli u ma ninsiex. Għallimni niftakar. Involvini u nitgħallem”. Għandi bżonn nitgħallem. Ħa nagħraf liema triq għandi nieħu. Dik it-triq li tiftaħni għall-ħajja vera. It-triq li tkabbar lili u lil dawk ta’ madwari.

… Imma x’jiġri meta nitgħallem? Hawn hi l-folja maqluba ħbieb! Għax hawn għandna tlett effetti mill-kbar nett!

La inftaħt minn qalbi għat-tagħlim se nirnexxi! L-għaliex se nevita, kemm jista’ ikun, dawk l-iżbalji li żammewni milli nikber kif suppost. Barra minhekk it-tagħlim fetħani għal dawk il-qawwiet fija li lili jagħmluli l-ġid. Li jkabbruni. Li jitfgħuni fit-triq tas-suċċess. Li tfisser ġid. Għalija nnifsi l-ewwel nett. Bħala persuna. Jien x’jien. U jien min jien. Imbagħad suċċess ukoll għal dawk ta’ madwari. L-għaliex minn dak li nkun qrajt u fuq kollox ġarrabt inkun nista’ inkun ta’ għajnuna għall-oħrajn.

It-tieni effett huwa li nikber! Aktar ma nirnexxi aktar se nikber. Mhux l-għaliex ma niżbaljax. Imma l-għaliex fija għandi diġà x-xofa tal-iżball. Għalhekk meta se nibda’ nara d-duħħan, anki minn seba’ mili bogħod, mill-ewwel se ngħid lili nnifsi: “Hemm in-nar!” Mela evita! U, hawnhekk huwa tassew punt importanti, aktar ma nagħmilha man-nies aktar se nitgħallem nisma’ l-istejjer ta’ ħaddieħor. U se niġi f’punt fejn m’għandix aktar bżonn ngħaddi mill-esperjenza bilfors jien. Għall-kuntrarju! Mhux aħjar nitgħallem mill-esperjenza ta’ ħaddieħor? Mhux għaqal issejjaħlu dak?

U, fuq dawn il-ħames kelmiet joqgħod il-kaldarun tal-ħajja. Kif kien iħobb jgħid Soren Kierkegaard: “Il-ħajja m’hijiex problema li ssolvieha. Imma hija rejaltà li tesperjenzaha”. Għax huwa uman li nħabrek, niżbalja u nitgħallem. U tant kemm hu uman li b’hekk nirnexxi, nikber. Ħa ngħix!

Jalla sieħbi ma’ Arthur Rubinstein jiena u int naslu ngħidu: “Sibt li jekk tħobb il-ħajja l-ħajja tħobbok lura”… Bis-saħħa ta’ dawn is-sitt kelmiet!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: