Ir-rebbiegħa


Patri Mario Attard OFM Cap  

It-tieni staġun tas-sena, dak tar-rebbiegħa, beda eżattament fil-Ġimgħa Mqaddsa li għadha kemm għaddiet. Jiġifieri nhar it-Tnejn 21 ta’ Marzu.

Ir-rebbiegħa! L-istaġun tal-qawmien mir-raqda tax-xitwa. L-istaġun fejn, int u jien, nibdew aktar infittxu l-arja ta’ barra. Nibdew iva nirraġunaw l-istess bħalma kien jirraġuna Gustav Mahler li kien jgħid: “Ir-rebbiegħa ma tħallinix noqgħod magħluq f’din id-dar aktar! Jeħtieġ li noħroġ ‘il barra u nieħu n-nifs mill-ġdid u fil-fond”.

Kemm hu importanti li nerġgħu nieħdu n-nifs twil u fil-fond mill-ġdid ħbieb! Ġieli l-għaġla ta’ ħajjitna ma tħalliniex induqu s-sabiħ tal-ħajja. Id-deadlines li għandna quddiemna, id-djarji tagħna mimlija sax-xfar bl-appuntamenti u d-dħul tas-spiss, biex ma ngħidx ukoll esaġerat għall-aħħar, fil-Facebook, u dan biex insemmi ftit eżempji, qed itaqqal bil-wisq ħajjitna. Iva ħajti irridha biss tektik? Tektik? U nerġa’ ngħid tektik? Naħseb li aħjar le l-għaliex inkella żgur li se nispiċċa imtektek u imtekta. Xi tgħid sieħbi?

Is-sbuħija tar-rebbiegħa tgħinna ninżlu fil-fond tal-maħluq li hawn madwarna. Bir-rebbiegħa kollox jerġa’ jibda’ jitwieled mill-ġdid. Hawnhekk nixtieq insemmi biss erba’ strofi tal-poeżija Żmien ir-Rebbiegħa ta’ Anton Buttiġieġ li proprju titħaddet fuq dan it-twelid ġdid li jseħħ fin-natura ta’ madwarna f’dan l-istaġun partikulari tas-sena.

“Is-swied tad-dlam li mela wesgħat il-lejl mas-sebħ inħall fil-kotra bajda, fina taċ-ċpar, li għola sal-arloġġ taħt il-kampnar, u ħalla fil-wiċċ jgħumu l-irjus tal-awrikarji, pagoda ħadranin f’għadira kbira tal-ħalib weqfin; u ġewwa n-nieqa ħelwa taċ-ċpar bajdan, il-ġnien jixxaħxaħ ġwejjed fl-irqad u fis-serħan. Ma’ ġenb in-nieqa bajda dlonk tgħasses is-sbuħija, u malli l-ġnien jistejqer min-nagħsa ħelwa w bnina, bħal omm twajba w ħanina tneħħi qajl qajl l-istar minn fuqu ta’ l-iċpar”.

U meta s-separju taċ-ċpar ġmielu jitneħħa hawn hi x-xalata ta’ sbuħija li toffri r-rebbiegħa sabiħa Maltija! Quddiem din id-dehra mill-isbaħ Buttiġieġ jispiċċa jogħxa jgħanni lis-sbuħija li ħarġet kotrana u ħanina minn Id il-Ħallieq!

“L-ewwel ma tidher hija l-bugonvilla bi nwarha geġwiġija tiksi, tqabbad bin-nar il-ħajt xehbien saċ-ċinta tal-kampnar; imbagħad il-blat imferraq kull daqs u minn kull sura, kull ferq mimli bil-ħdura; – imbagħ’d il-bellus aħdar, imżewwaq bil-prinjoli, tas-siġar taċ-ċipress u l-arżnu għoli; – imbagħ’d is-sħaba roża mibruka fil-fergħat u z-zkuk imsensla tal-ħarrub ta’ Ġuda li jikber qalb il-blat; – imbagħ’d il-qwas imdawra b’xuxet l-istefanotis, jew inkella b’xuxet il-kampanella, li bi qniepen kaħlanin, u bi ġlieġel bajdanin idoqqu daqqa siekta u jsejħu t-tnejn flimkien il-masġar għall-qawmien”.

Ħa nieqaf hawn l-għaliex tant kemm hemm deskrizzjonijiet sbieħ f’din il-poeżija li anki jien se nisker bihom! Imma jekk dawn id-deskrizzjonijiet sbieħ tal-poeta juruna l-qawwa ta’ sbuħiet in-natura kemm aktar affarijiet kbar iseħħu f’kull rebbiegħa. Li mhux neċessarjament tkun ir-rebbiegħa ta’ bejn il-21 ta’ Marzu u l-20 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

Mhux rebbiegħa tgħidilha li jiena ninbidel fil-mod kif naħseb? Li nagħraf, ngħidu aħna, fil-bżonn li fil-ħajja nieħu parir qabel naqbad u infattarha? Mhux rebbiegħa insejħilha kull darba li ndaħħalha f’rasi u ngħożżha f’qalbi biex lil ħadd aktar ma nieħu for granted? Mhux rebbiegħa nsejħilha meta niddeċiedi tassew li nibda’ napprezza x-xogħol ta’ kulħadd l-għaliex kulħadd jista’ jgħallimni xi ħaġa? Mhux rebbiegħa insejħilha meta nagħmel u nżomm mad-deċiżjoni li l-prinċipji tiegħi jibqgħu prinċipji f’ħajti? Li ma nidbidilhomx meta jaqbilli? Inkella meta nara li, jekk indur ma’ kull riħ, se niggwadanja? Se navvanza? Se naqbeż lill-oħrajn? Se naħtaf? Aktar milli għandi s-saħħa niekol? Mhux rebbiegħa insejħilha meta nagħraf inkun fidil u fidila għas-sejħa tiegħi, hi x’inhi f’ħajti? Meta ngħożż u nistinka biex nibqa’ lejali lejn Alla u lejn dawk li jiena wegħedt li naqdi? Huma min huma? Fl-aħħar nett mhux rebbiegħa nsejħilha meta niddeċiedi li fil-ħajja nibda’ naħfer u mhux nieħu l-liġi b’idejja? Meta npatti bil-ġid għad-deni li nirċievi? Meta lin-nies nittrattahom ta’ nies u mhux nieħu dak li għandi nieħu minnhom imbagħad narmiehom ‘il barra? Għax ma nafhomx aktar? L-aqwa li jkunu qdewni?

Ir-rebbiegħa ħbieb tibda’ isseħħ fija meta nibda’ nieħu ħsieb sewwa ta’ saħħti. Meta iva nibda’ noqgħod attent x’niekol u x’ma niekolx. Meta nibda’ nagħmel l-eżerċizzju jekk jista’ ikun ħafna drabi matul il-ġimgħa. U ta’ spiss nissottometti ruħi għall-eżami mediku. U dan nagħmlu mhux biex inkun b’saħħti biss. Jekk nirraġuna hekk xorta waħda għadni lura. Għadni fix-xitwa. Fir-raqda tal-mewt għall-ħajja. Le! Ir-rebbiegħa tgħallimni li jien ngħix b’saħħti l-ewwel nett biex nagħti glorja lill-Mulej li ħalaqni. Biex biż-żamma sewwa ta’ saħħti nurieh li jien napprezza l-fatt li ħalaqni għax ried u mhux l-għaliex issuġġerejtlu jien. Imbagħad nieħu ħsieb saħħti ukoll biex inkun ta’ ġid għall-proxxmu tiegħi ukoll. Għaliex aktar ma niltaqa’ ma nies aktar nibda’ ninduna kemm nies hemm barra għandhom bżonn l-għajnuna tiegħi. U jien, l-għaliex b’saħħti, għandi ngħinhom u mhux noqgħod nixxaħħaħ magħhom! Mela r-rebbiegħa iġġagħlni nifhem li jiena b’saħħti mhux għalija nnifsi imma biex inkun ta’ servizz għall-oħrajn!

Rebbiegħa, li ġġib magħha t-temp bnazzi, iż-żiffa ħelwa u l-ħlewwa tal-fjuri fil-ġonna sbieħ ta’ artna, tfakkarni li anki ruħi għandha bżonn tinfetaħ mill-ġdid għall-ħajja ġdida. Il-ħajja tal-grazzja ta’ Alla. Naf li d-dnub ikissirni. Jagħlaqni fid-dlam. Iġibni priġunier u priġuniera. Jitfagħni ngħix fid-dellijiet tal-mewt. Imma l-grazzja ta’ Alla tiftaħni għall-ħajja sabiħa tal-Mulej. Għall-jum li qatt ma jgħaddi. Għall-faraġ dejjiemi li jagħti l-fejqan tal-maħfra. Dak il-fejqan li ma tħallasx għalih. Dik it-terapija li ma tiswielekx l-għaxriet tal-Ewros fis-siegħa.

Ejja, f’din ir-rebbiegħa tas-Sena tal-Ħniena, immur għat-terapija tas-sagrament tal-qrar. Dak is-sagrament li jirrikonċiljani mal-Mulej, ma’ ħuti u, fuq kollox, miegħi innifsi. Ejja mill-ġdid u bil-ferħ immur lura għall-benna tal-ħbiberija. Għall-loġika tal-maħfra, tas-sabar u tal-korrezzjoni bil-ħlewwa. Ejja niskopri fih mill-ġdid il-qawwa li nara lil hinn mis-sitwazzjoni tiegħi u nidħol aktar fiż-żarbuna ta’ ħaddieħor. Ejja nitgħallem mill-ġdid li qabel infattarha inkella neħles minnha l-għaliex kienet ilha fuq l-istonku tiegħi, u jien fuq l-istonku tiegħi ma nżomm xejn, nibda’ nitgħallem inqis il-konsegwenzi ta’ dak li nkun se nagħmel u ngħid.

O x’rebbiegħa tidħol f’ħajti u f’qalbi meta nimtela b’dan l-għerf qaddis! Għerf li, fil-ħajja tallum, tant hawn bżonn! Għerf li jiġi meta niddeċiedi li naqla’ l-ħarsa iċċassata u għajjiena tiegħi minn fuq it-tablet u nitfagħha fuq l-għajnejn ħajjin ta’ persuna oħra bħali! Fuq l-għajnejn umani oħra li bħali qiegħdin jistennew li jħobbu u jkunu maħbuba!

Imma s-sigriet ta’ kollox hija l-qalb miftuħa. Kemm se nħalli din ir-rebbiegħa ta’ grazzji li hawn jiċċirkulaw madwari u jgħaddu minn fuq rasi jidħlu fija? L-għażla hija f’idejja. Biss jekk niftaħ qalbi żgur li biż-żmien nibda’ nara d-differenza f’ħajti. L-istess bħal dik id-differenza li tinstab fl-ambjent ta’ madwarna. Mela … viva r-rebbiegħa!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: