Home > Ġenerali > Il-Crème de la crème

Il-Crème de la crème


Patri Mario Attard OFM Cap 

L-aqwa fost l-aqwa! Il-Crème de la crème! Hekk iva nħobb insejħilha din il-Festa sabiħa li qed niċċelebraw illum, il-Ħadd 3 ta’ April. It-Tieni Ħadd fuq l-Għid il-Kbir! Il-Festa tal-Ħniena Divina!

Il-Ħniena Divina! Il-wegħdiet ta’ Ġesù huma sbieħ wisq! Isimgħu x’jgħid lil Santa Fawstina u lilna illum: “Għid lill-midinbin li ħadd ma jista’ jaħrab minn taħt idejja; jekk huma jaħarbu ‘l bogħod mill-Qalb ħanina Tiegħi, huma jaqgħu fl-idejn ġusti Tiegħi” (Djarju, 1728). Mela l-unika triq li teżiżti għalija u għalik hija t-triq tal-Ħniena ta’ Ġesù!

Huwa stess jistqarr: “Qalbi tfur bi ħniena kbira għall-erwieħ, u l-aktar għall-imsejkna midinbin” (Djarju, 367). U kif jagħmlu dan Ġesù għalina l-midinbin? Ibda,’ l-ewwel nett, mix-xbieha tiegħu stess bħala Ġesù Ħanin.

Jgħidilha lil Fawstina: “Pitter xbieha skont dak li inti qiegħdha tara, bil-kliem: Ġesù, jiena nafda Fik. Jiena nixtieq li din ix-xbieha tkun meqjuma, l-ewwel fil-kappella tagħkom, u (imbagħad) fid-dinja kollha” (Djarju, 47). Jissokta Ġesù: “Jiena nwiegħed li r-ruħ li tqim din ix-xbieha ma tintilifx. Jiena nwiegħed ukoll li hi tirbaħ fuq l-għedewwa (tagħha) diġà hawnhekk f’din id-dinja, l-aktar fis-siegħa tal-mewt. Jiena stess niddefendiha bħala l-glorja Tiegħi stess” (Djarju, 48).

Kien Ġesù li riedha din il-Festa tant għażiża tal-Ħniena Divina. “Jiena nixtieq li jkun hemm Festa tal-Ħniena. Jiena rrid li din ix-xbieha, li inti tpitter b’pinzell, tiġi mbierka b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid; dak il-Ħadd għandu jkun l-Festa tal-Ħniena Divina” (Djarju, 49). U, lilna s-saċerdoti, Ġesù riedna b’saħħa li nxandru l-Ħniena tiegħu. “Jiena nixtieq li s-saċerdoti jipproklamaw din il-ħniena kbira Tiegħi għall-erwieħ tal-midinbin. Il-midneb m’għandux jibża’ jersaq Lejja. Il-fjammi tal-ħniena qegħdin jaħarquni – u qegħdin jgħajtu sabiex jiġu mitfija; jiena rrid inxerridhom fuq dawn l-erwieħ” (Djarju, 50).

Imbagħad Ġesù, l-għaliex tassew iħobbna, tana talba qawwija. Talba sempliċi imma li tinfed sal-mudullun lis-Sema. Talba li tniżżel mis-Sema s-salvazzjoni fuqna, imsejkna midinbin. Il-wegħda tiegħu fuq il-Kurunella tal-Ħniena Divina hija tassew kbira. Trijonfanti. Ċerta. Fattibbli!

Qed jgħid lili u lilek: “Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu. Is-saċerdoti jirrakkomandawha lill-midinbin bħala l-aħħar tama tagħhom ta’ salvazzjoni. Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq li d-dinja kollha ssir taf bil-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq nagħti grazzji li ħadd ma jista’ jimmaġinahom lil dawk l-erwieħ li jafdaw fil-ħniena Tiegħi” (Djarju, 687).

Jissokta jwiegħed Ġesù: “Dawk l-erwieħ li jgħidu din il-Kurunella jkunu mgħannqin mill-ħniena Tiegħi matul ħajjithom u l-aktar fis-siegħa tal-mewt tagħhom” (Djarju, 754). Filwaqt li aktar ‘il quddiem il-Misser stess iwiegħed hekk: “Fis-siegħa tal-mewt tagħhom, Jiena nħares bħala l-glorja Tiegħi stess, lil kull ruħ li tgħid din il-kurunella; jew meta nies oħrajn jgħiduha għal wieħed li qed imut, l-indulġenza hi l-istess. Meta tingħad din il-kurunella fejn is-sodda ta’ persuna qiegħda tmut, il-korla ta’ Alla tittaffa, ħniena bla qies idawwar ir-ruħ, u l-fond tal-ħniena tenera Tiegħi jiċċaqlaq minħabba l-Passjoni ħarxa ta’ Ibni” (Djarju, 811).

Itlobha kuljum il-Kurunella tal-Ħniena Divina! Għaliex tkun mgħannaq u mgħannqa mill-ħniena ta’ Ġesù stess! U jsalvak żgur! Xi trid iżjed? Mhux Crème de la crème sieħbi!

 

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: