Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > X’eżempju ħallielna!

X’eżempju ħallielna!


Patri Mario Attard OFM Cap

Ilkoll aħwa fi Kristu! Dan kien il-motto episkopali tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca li għadda għall-ħajja ta’ dejjem nhar it-Tnejn 21 ta’ Marzu, jumejn biss wara l-Festa tal-Qaddis Padrun tiegħu San Ġużepp.

Fil-quddiesa ta’ Radd il-Ħajr li qaddes nhar it-18 ta’ Jannar 2007, Mons. Ġużeppi Merċieca stqarr hekk fuqu nnifsu: “Sa mill-ewwel passi tiegħi bħala Ragħaj Spiritwali ridt naħdem u nistinka biex jinħattu l-ħitan tal-firda u flokhom tidħol l-għaqda; ridt li, ikun xi jkun il-piż li jinħtieġli nġorr personalment fuq spallejja, kliemi u mġibti jkunu dejjem messaġġ li aħna tassew ilkoll aħwa fi Kristu”.

Dan id-diskors l-Arċisqof Mercieca għexu sal-inqas qatra. Anki f’sitwazzjonijiet tassew iebsin li għadda minnhom dan ir-Ragħaj għaqli għażel dejjem it-triq tat-talb u tad-djalogu. F’każ partikulari saħansitra inġabar jitlob quddiem Ġesù Sagramentat fil-Kappella tal-Kurja bil-għan li l-Mulej idawwlu biex jieħu l-aħjar deċiżjoni għall-ġid ta’ kulħadd. Qabel nieħu xi deċizjoni importanti nagħmel bħal Mons. Mercieca u mmur quddiem Ġesù Sagramentat u nitlob quddiemu? Kemm inżuru lil Ġesù fis-Sagrament Imqaddes tal-Artal u nitolbu jmexxini f’ħajti?

Valur mill-isbaħ li kellu Mons. Mercieca kien iż-żjarat spissi li kien jagħmel lil ħutna l-morda fl-isptar. Mhux l-ewwel darba li rajtu jiena stess jiġi jżurhom kemm fl-Isptar ta’ San Luqa u kif ukoll f’dak ta’ Mater Dei. L-Arċisqof Mercieca kien jemmen bis-sħiħ fil-kelma qawwija ta’ Ġesù: “Kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36). Jiena kemm inżurhom lill-morda? Għandhom post f’ħajti? Jew inqishom bħala skart?

Fost il-morda li l-Arċisqof Mercieca kien iżur kien hemm ukoll l-ex Prim Ministru ta’ Malta Dom Mintoff. Minkejja d-differenzi li kien hemm bejniethom wieħed ma jistax ma jirringrazzjax lill-Mulej u japprezza l-fatt kemm dawn iż-żewġ persuni magħrufa fl-istorja ta’ pajjiżna tant resqu lejn xulxin li saru ħbieb kbar. Tant hu hekk li kull sena l-Arċisqof Mercieca kien jibgħat l-awguri tiegħu f’għeluq snin il-Perit Mintoff. U Mintoff tant kemm apprezza li nhar id-9 t’Awwissu tal-1989 lill-Arċisqof Mercieca kitiblu hekk: “Eċċellenza. Kien ġentili li tibgħatli l-awguri f’jum għeluq snini – ġest ta’ ħbiberija li nħoss li għalih għandi jedd tassew żgħir. Marti u jien nirringrazzjawk u nixtiequlek saħħa u kuntentizza. Tiegħek. Dom Mintoff.” Xi ġmiel meta żewġt iqlub jinfetħu għal xulxin! X’umiltà meta kulħadd iċedi biċċa! Jiena nemmen fir-rikonċiljazzjoni? Jew inkella se nibqa’ nsemmi l-passat u hekk nibqa’ imwaħħal fejn jien? Nibqa’ ilsir tal-mibegħda, tar-rabja u tar-riżentiment? Hemm rigal isbaħ mill-maħfra fil-ħajja? Fil-kapaċità li nibda’ paġna u kapitlu ġdid?

L-Aċisqof Mercieca ġedded il-Knisja f’Malta billi fl-1999 nieda s-sinodu Djoċeżan. Il-qalb ta’ dan is-Sinodu kienet il-familja u ż-żgħażagħ. Għal Mons. Mercieca l-familja kienet il-quċċata tal-impenn pastorali tiegħu. Kemm kien jisħaq li l-ġenituri għandhom isibu u jiżguraw li jkollhom bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-familja! Kien jemmen li l-familja, jiġifieri raġel, mara u l-ulied, huma tabilħaqq il-futur tas-soċjetà tagħna. Kemm qed niddefenduha lill-familja fil-liġijiet, fil-policies, bil-mod kif nitħaddtu fuqha u kif ngħixu fiha? Qegħdin nipprommovuha biżżejjed?

Fl-aħħar nett l-Arċisqof Mercieca tħaddet fuq il-valur tal-libertà responsabbli. Il-libertà m’hijiex kwistjoni li nagħmel dak li nħoss imma li nagħmel dak li hu sewwa. Li ġieli jmur kontra dak li nħoss. Kemm, fl-għażliet tiegħi, qed nagħmel is-sewwa u mhux dak li jaqbilli?

Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek! Din kienet il-ħajja tal-Arċiqof Mercieca. Il-ħajja ta’ bniedem li emmen fl-imħabba lejn il-Mulej, fil-Knisja u fil-poplu Malti. U qdiehom bil-kalma, bil-prudenza, bis-sabar, bil-maħfra, bil-fidi u b’ħafna tama.

X’eżempju ħallielna!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: