Bil-ħlewwa


Patri Mario Attard OFM Cap 

“Dak taz-zokkor!” Jew “kliema veru zokkor”. Hemm ara sieħbi t-tbissima tilma’ fuq dak il-wiċċ li qabel tgħidx kemm kien imbeżża’! Il-qawwa tal-ħlewwa hija tassew kbira! Għidli?!

Darba iltqajt ma’ sentenza mill-Bibbja li tgħidx kemm għamlitli ġid! San Ġakbu fl-ittra tiegħu jikteb hekk: “Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawwla fikom, li tista’ ssalvalkom ruħkom” (Ġak 1:21). Ifhem! Il-Kelma ta’ Alla dejjem Kelma ta’ Alla. Hija “l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir” (Ġak 1:17). Kelma ta’ Alla hi! Għalhekk huwa jien u int li neħtieġu li nitbiddlu u mhux hi! Madankollu biex din il-Kelma tal-verità jinħtieġilha taħdem fija u fik irridu nagħtuha l-griż tal-ħlewwa. Irridu nilqgħuha b’qalb miftuħa u ferħana bħal ta’ tifel ċkejken. Jiġifieri b’dik il-qalb li tagħti dejjem raġun lill-Kelma ta’ Alla. Inkella l-għaliex int u jien infittxu fiha biex nieħdu d-direzzjoni t-tajba? Ma nistax infittex direzzjoni minn post li, minnu nnifsu, ma joffrix direzzjoni. Inkella jkolli rota nieqsa! Mhux hekk sieħbi?

Il-virtù tal-ħlewwa hija importanti. Din il-biċċa li nilqa’ l-Kelma ta’ Alla bil-ħlewwa fakkrittni eżattament fil-mod għaqli li bih kienet timxi miegħi l-għażiża ommi meta kont inkun ma niflaħx. Ta’ ħanex li kont ċertu mediċini ma kienu jinżluli b’xejn. Ajma! L-aktar ċerta pillola kontra d-deni! Kemm kienet tqallagħni! Kull darba li ommi kienet tagħtihieli arani nitfagħha niġri l-barra mill-istonku tiegħi wara ftit. X’battikata kbira kont nieħu ħbieb biex inneħħieha! U għalxejn ommi kienet tagħmilli priedka fuq priedka biex niblagħha inkella d-deni nini jinżel! Ħeqq! La ma ridthiex qatt ma kont se niblagħha x’kull waħda!

Imma x’għamlet il-ġurdien xiħ ta’ ommi biex niblagħha żgur? Tajba din! Kienet tagħmilhieli f’affarijiet li kont nieħu gost niekolhom. Mela itfagħhielu fil-banana ġbin ħa jiekolha magħha. Inkella ma’ biċċa ċikkulata Maltija li tant kienet magħrufa f’dawk iż-żminijiet ta’ tfuliti. U jien, li din iċ-ċikkulata kont kważi nikolha bil-karta b’kollox daqskemm kont inħobbha, arani niekol jew nibla’ ċ-ċikkulata! U hekk magħha inkun kilt jew blajt il-pillola wkoll! U x’kien jiġri? Mhux ovvja! Id-deni kien jinżel. U hekk iċ-ċkejken Mario kien jitgħaxxaq bit-togħma tal-banana jew taċ-ċikkulata u, fl-istess ħin, kien jibbenifika mill-qawwa fejqana tal-pillola.

Eh ħabib! Fil-ħajja kollox bil-ħsieb! U li tkun ħelu mal-oħrajn hija biċċa għerf tassew kbira tafux. Bil-Malti ngħidu: “Bil-kelma t-tajba toħroġ il-far mit-toqba”. Filwaqt li l-ħabib għażiż tiegħi Ġorġ Aġius, l-Għannej tal-Mulej, tant iħobb jgħanni din it-taqbila: “Kelma tajba tiffrankalek battikata”. Hekk hu Ġorġ! Għandek mitt elf raġun sieħbi! Mela, jekk kelma tajba tiffrankali battikata mal-oħrajn ara ftit jekk nagħżel li nieħu korrezzjoni minn xi ħadd bil-għasel u mhux bil-ħall x’differenza se tagħmel fija!

Huwa għaqal li t-twiddib tal-Kelma ta’ Alla nieħdu bil-ħlewwa. Għaliex jekk se nikxef snieni kollha rabja u ħalqi mimli saliva l-għaliex smajt passaġġ mill-Bibbja u qarasni fil-laħam il-ħaj jiġrili li dik ir-rabja mhux ħa tħallini nduq il-benna tal-fejqan li qed toffrili l-Kelma ta’ Alla. Mhux jien il-verità ħbieb! Nista’ inkun il-Papa tafux! Il-verità huwa wieħed: Ġesù Kristu! Hu biss qal għalih innifsu: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Mela li jgħid hu huwa ben fatt! U meta indaħħal f’rasi dan il-ħsieb u nemmen din il-verità sagrosanta qatt ma ngħix beżgħan, inkella mhedded mill-Kelma tiegħu. Wara kollox hu ġie għalija u għalik, midinbin gwappi. Għal Ġesù din m’hi problema xejn. Anzi! Huwa ta’ pjaċir kbir għalih ħalli jkun jista’ isalvana u jagħtina l-ħajja tiegħu. Imma ħej ma rridx nilgħabha miegħu li jien għandi raġun u hu għandu tort! L-għaliex imbagħad veru li nkun missejt il-qiegħ!

Mulej, int li tixħet ħarstek fuq in-niedem f’qalbu għinni nilqa’ bil-qalb u bi ħlewwa kbira Kelmtek li tfejjaqni mill-ħażen li hemm fija bi ħlewwietek. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: