Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Id-Dawl idda għalija!

Id-Dawl idda għalija!


Patri Mario Attard OFM Cap

Ħajti ta’ taħt fuq. Nipprova nfittex il-ferħ. Nixxennaq għas-serħan. Iżda ma nsib xejn. Proprju xejn!

Niġri minn hawn għal hemm. Noħroġ minn bawxata u nidħol f’oħra. Stejjer. Avventuri. Inkwiet. Kemm-il darba ħallejt lil marti tinkwieta fuqi. “Min jaf fejn qiegħed? Mank ċempilli! Ħallieni agħar minn annimal!” U kemm-il darba sawwat lil żewġi. Mhux biċ-ċintorin. Imma b’xi ħaġa agħar. Ferm agħar! Iddeċidejt li ma nkellmux. Inkella inkun żorra miegħu. U dak li hu tiegħu fiż-żwieġ inċaħħadulu. Anki jekk nisma’ l-quddies kuljum. U nitqarben. Imma ma rridx nagħti lili nnifsi fuq l-artal taż-żwieġ. Irrid ngħaddilu l-messaġġ! Forsi jifhem! Iżda x’ħadt b’daqshekk? Aktar ħarraxxtlu qalbu!

Ommi u missieri kieluh ilsienhom jgħiduli: “Dik it-tfajla m’għandekx xi tridha! Se ddaħħlek f’partita nkwiet!” “U le! Dik la niżżewiġha tirranġa! U għaliex qed tgħiduli hekk? Intom qed tgħiru għalija! Ma triduniex kuntent magħha! Intom min indaħlilkom lil min tiżżewġu?” Insomma. Għamilt ta’ rasi. U bqajt ngħaffeġ u ngħaffeġ! U biex żgur tgħaddi tiegħi taqqaltha. Ħa nibqa’ magħha. Imma, ftit wara, ħadt l-akbar qatgħa ta’ ħajti. Għandha ġuvni ieħor. Minn wara dahri. Tistgħu taħsbu kif spiċċajt. Niċċassa! U ma nagħraf xejn!”

Għalih kont lesta li nħalli d-dar t’ommi u missieri. Għalxejn qaluli li għalija ma jgħoddx. Rajtu ħelu. Iġġennint warajh. Fommu ħallni. Il-kumplimenti tiegħu niżluli għasel. U jien, li ma’ missieri mhux dejjem mort tajjeb, l-għaliex kien strett, donnu kapural tal-militar, għamilt dak li ħassejt. Mort maż-żgħażugħ li nħobb. Għamilt bħall-bqija ta’ sħabi. Mort ngħix miegħu. Għall-ewwel kont ferħana. Ħsibt li b’hekk ksibt dak kollu li kont qed noħlom. Sakemm fl-aħħar il-bomba faqqgħet! Beda imiss id-droga. Minn wara dahri. Inħsadt. L-aktar meta ġejt biex niġbed il-flus mill-card. U l-card ma tagħtnix. Għebu! Fejn marru elf ewro? Fittex minn hawn u fittex minn hemm issa naf fejn marru. X’qatgħa kbira fi msarni! Hu, li tant iġġilidt għalih ma’ ommi u missieri, bidilni mad-droga! Ħbieli! U issa ġabni lampa stampa. B’ta fuqi senduqi. X’se nagħmel? Fejn se mmur? Għandi l-wiċċ nerġa’ lura għand ommi?

Dawn huma ftit mill-ħafna stejjer li ngħaddu minnhom. Stejjer li m’humiex fis-sħab. Iħokku magħna. U ilkoll nafu x’inħossu. X’nesperjenzaw. U hawn jibdew il-maratoni tat-talb. “Għandek xi santa Patri?” Il-fidi terġa’ tinxtegħel. Għaliex l-ispiritwalità għadha ħajja. Il-fidi sempliċi tan-nies għadha preżenti. M’hemmx bżonn tkun daqshekk elaborata. Bil-brevjari u bil-qawmien kmieni. Biżżejjed li jkun hemm ix-xewqa. Iva! Il-ftuħ għall-grazzja ta’ Alla.

U jibda’ t-talb. Ġesù jiena nafda fik! U noħorġu dik il-kuruna li nkunu qfilna fil-kexxun. U ma’ kull santa li niltaqgħu nibdew niġbruha. Sakemm jasal il-mument li t-triq tinfetaħ. Li mmur u nqerr qrara ħalli f’qalbi terġa’ lura t-tama. Il-paċi li tgħidx kemm ilni nfittex. Naf. Inżid fit-talb. L-għaliex hekk qalli l-konfessur. U forsi nibda’ nattendi xi komunità ta’ talb u formazzjoni wkoll. Imma l-problema tibqa’. Għadu ma jridx jaf. Baqgħet rasha iebsa. U qajla jersqu lejn id-dar.

Imma, minkejja l-għebusija ta’ qalbu, qalbha u qalbhom, nibda’ nħoss xi ħaġa f’ħajti. Nibda’ nara l-Id ta’ xi Ħadd li tibda’ taħdem fija. Nibda’ nintebaħ li issa donnu l-paċenzja bdiet iżżid aktar f’ħajti. M’għandnix nitlifha daqshekk. U, meta nħossni down, m’għadnix immur għall-flixkun tax-xorb biex ninsa. Inkella nibla’ dawk il-pilloli ħa nistieħ. Le ħbieb! Xejn minn dan. Issa, fl-inkwiet, qed nitgħallem niskot. U nitlob. Niskot. U nosserva. Ħa nara l-Mulej x’qed jurini. B’min qed ikellimni. U x’qed inħossu jgħidli fil-Kelma tiegħu. U, fuq kollox, fil-qalba ta’ qalbi.

Issa qed nara pattern. U kollox qed jagħmel sens. Id-Dawl tiegħu beda jiddi fija. Inħossu! Daqskemm għandi paċi! U, is-sabiħa hi li aktar m’għandi uġiegħ aktar n-nies donnhom inkullati miegħi! Kulħadd ġej jgħidli l-problemi tiegħu! Tagħha! Bdejt issa l-appostolat tal-widna. U spiċċajt ngħid talba żgħira ma’ dawk ta’ qalbhom maqsuma.

Inħoss li Kristu Rxoxt qed jgħix fija. Meta kollox marli żmerċ. Xi grazzja irċevejt! Kif nista’ ma naqdihx?

L-Għid Qaddis!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: