Home > Ġenerali > O Salib ta’ Kristu!

O Salib ta’ Kristu!


Talba tal-Papa Franġisku fi tmiem il-Via Crucis fil-Kolossew ta’ Ruma, Ġimgħa l-Kbira, 25/03/2016.

O Salib ta’ Kristu, simbolu ta’ l-imħabba divina u ta’ l-inġustizzja umana, ikona ta’ l-ogħla sagrifiċċju għall-imħabba tagħna u ta’ l-ikbar egoiżmu frott il-bluha, strument ta’ mewt u triq tal-qawmien, sinjal ta’ l-ubbidjenza u emblema tat-tradiment, patibolu tal-persekuzzjoni u stendard tar-rebħa. 

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk wieqaf f’ħutna maqtula, maħruqa ħajjin, imħanxra u b’rashom maqtugħa mix-xwabel barbariċi u fi skiet viljakk.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fl-uċuħ tat-tfal, tan-nisa u tal-persuni, imxejna u mbeżżgħin, li jaħarbu mill-gwerer u mill-vjolenza u spiss ma’ wiċċhom isibu biss il-mewt u tant Pilati b’idejhom maħsula.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk f’dawk li jqisu ruħhom mgħallmin ta’ l-ittra imma mhux ta’ l-ispirtu, tal-mewt u mhux tal-ħajja, li flok jgħallmu l-ħniena u l-ħajja, jheddu bil-kastig u l-mewt u jikkundannaw lill-ġust.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-ministri infidili li flok jinżgħu mill-ambizzjonijiet tagħhom ta’ din id-dinja, ineżżgħu saħansitra lill-innoċenti mid-dinjità tagħhom.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-qlub iebsa ta’ dawk li mill-kumdità ta’ darhom jiġġudikaw lill-oħrajn, qlub li lesti biex jikkundannawhom saħansitra għat-tħaġġir, bla qatt jintebħu bid-dnubiet u l-ħtijiet tagħhom stess.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-fundamentalisti u fit-terroriżmu tas-segwaċi ta’ xi reliġjon li jipprofanaw isem Alla u jinqdew bih biex jiġġustifikaw vjolenza bla qies.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk f’dawk li jridu jneħħuk mill-postijiet pubbliċi u jżommuk barra mill-ħajja pubblika, f’isem xi paganità lajċista jew saħansitra f’isem l-ugwaljanza li int stess għallimtna.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fis-setgħana u fit-traffikanti ta’ l-armi li jkebbsu l-ħuġġieġa tal-gwerer bid-demm innoċenti ta’ ħuthom.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fit-tradituri li għal tletin biċċa tal-fidda lesti li jagħtu lil ħaddieħor għall-mewt.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-ħallelin u fil-korrotti li flok iħarsu l-ġid komuni u l-etika, ibigħu ruħhom fis-suq imsejken ta’ l-immoralità.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-boloh li jiftħu depożiti biex jaħżnu teżori li jiġu fix-xejn, waqt li jħallu lil Lazzru jmut bil-ġuħ fuq l-għatba ta’ darhom.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-qerrieda tad-“dar komuni” tagħna li b’egoiżmu qed jirvinaw il-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fl-anzjani abbandunati mill-istess qraba tagħhom, fil-persuni b’diżabbiltà u fit-tfal bil-ġuħ u mormija mis-soċjetà egoista u ipokrita tagħna.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-Mediterran tagħna u fil-Baħar Eġew li saru ċimiterju bla qiegħ, xbieha tal-kuxjenza insensibbli u rieqda tagħna.

 

O Salib ta’ Kristu, xbieha ta’ l-imħabba bla tarf u triq tal-Qawmien, sal-lum għadna nilmħuk fil-persuni twajba u ġusti li jagħmlu l-ġid bla ma jfittxu applawsi jew l-ammirazzjoni ta’ l-oħrajn.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-ministri fidili u umli li jdawlu d-dalma ta’ ħajjitna b’xemgħat li minn jeddhom u b’xejn jikkunsmaw biex idawlu l-ħajja ta’ l-iċken fost iċ-ċkejknin.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fl-uċuħ tas-sorijiet u ta’ l-ikkonsagrati – is-Samaritani t-tajba – li jħallu kollox warajhom biex idewwu, fis-skiet evanġeliku, il-ġrieħi tal-faqar u ta’ l-inġustizzja.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk f’dawk li juru l-ħniena għax isibu fil-ħniena l-ogħla espressjoni tal-ġustizzja u tal-fidi.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-persuni sempliċi li jgħixu bil-ferħ il-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum u fl-osservanza filjali tal-kmandamenti.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fin-niedma li, mill-qiegħ nett tal-miżerja ta’ dnubiethom, jafu jgħajtu: Mulej, ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek!

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-beati u l-qaddisin li jafu jgħaddu mil-lejl mudlam tal-fidi bla ma jitilfu l-fiduċja tagħhom fik u bla ma jippretendu li jistgħu jifhmu s-skiet misterjuż tiegħek.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-familji li jgħixu b’fedeltà u b’ħajja għammiela l-vokazzjoni tagħhom għaż-żwieġ.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-voluntiera li b’ġenerożità kbira jaqbżu għal min hu fil-bżonn jew safa milqut minn xi traġedja.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk f’dawk li huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom, li fit-tbatija jissoktaw jagħtu xhieda awtentika ta’ Ġesù u tal-Vanġelu.

 

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk f’dawk li joħolmu u jgħixu bil-qalb safja tat-tfal u li ta’ kuljum iħabirku biex jagħmlu d-dinja post aħjar, iżjed uman u ġust.

 

Fik, Salib Imqaddes, nilmħu lil Alla li jħobb sa l-aħħar, u naraw il-mibegħda li trid biss taħkem u tagħmi l-qalb u l-ħsieb ta’ dawk li jippreferu d-dlam mid-dawl.

 

O Salib ta’ Kristu, Arka ta’ Noè li salvat lill-umanità mid-dilluvju tad-dnub, salvana mill-ħażen u mill-ħażin!  O Tron ta’ David u siġill tal-Patt divin u etern, qajjimna mir-raqda tal-ġibdiet vojta ta’ din id-dinja!  O karba ta’ mħabba, qanqal fina x-xewqa għal Alla, għat-tajjeb u għad-dawl.

 

O Salib ta’ Kristu, għallimna li ż-żerniq tax-xemx hu aqwa mid-dalma tal-lejl.  O Salib ta’ Kristu, għallimna li dik li bħalissa tidher bħala r-rebħa tal-ħażen sa tiġi fix-xejn quddiem il-qabar vojt u quddiem iċ-ċertezza tal-Qawmien u ta’ l-imħabba ta’ Alla li xejn ma jista’ jegħleb jew idallam jew idgħajjef.

 

Amen!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: