Il-Marbut


Patri Mario Atttard OFM Cap 

F’dawn il-jiem tar-Randan għaddejt minn quddiemu għal ma nafx kemm ‘il darba. Waqt li kont miexi fil-Knisja. Meta tmissni l-ġurnata li ngawdi l-arja tal-kunvent. Fejn fih nieħu l-ħajja biex nerġa’ noħroġ ħa nagħti aktar. Għax ħutna l-morda għandhom bżonn lil Dak li jgħix sagramentalment fija.

Ngħaddi minn quddiemu. Dejjem rajtu b’istess ħwejjeġ. Bl-istess espressjoni. B’ħarsa li ġġiblek ħniena. Mhux l-għaliex hu tal-ħniena. Hu qatt ma jista’ ikun tal-ħniena. L-għaliex qatt ma għamel xejn ħażin. Il-ħniena għandu bżonnha min naqas. Min dineb. U għadu jidneb. Avolja ma jridx. Mela jiena, l-ewwel wieħed!

Imma l-espressjoni ta’ wiċċu tfakkarni f’dawk li għadhom marbutin. Bħalma hu marbut Hu. Madankollu Hu ħalliehom jorbtuh u jsawtuh ħalli jsalva lili u lilek. Filwaqt li l-oħrajn intrabtu ma’ nies, oġġetti, saħansitra magħhom infushom, l-għaliex dgħajfa. Inġarru mix-xewqa li jħobbu u jkunu maħbuba. Imma l-bniedem, bid-dgħjufija tiegħu, x’jista’ tassew itik? Meta jagħtik lilu nnifsu? Xejn għajr xewk u għollieq. U anki meta, bi tqanżiħa, jgħid li jħobbok, xi mħabba tassew ikun qed jagħtik? Xejn għajr ir-rabta imxewka u mimlija ħadid ippuntat tal-għira tiegħu. Xejn għajr il-jasar ta’ għira li ma tafx b’limiti. Li tagħmel ħwejjeġ tal-imġienen. Li tikkalpesta lil dak jew dik li tgħid li tħobb. Imma temmen?

 

Nemmen! U għalhekk nerġa’ nitfa’ ħarsti u nsammarha f’dik tal-Marbut. Li, mill-qagħda tiegħu, issa lest għad-daqqiet. Lest biex jaqla’. U jerġa’ jaqla’. Kemm-il daqqa qala’ ma nafx. Imma naf li l-manigoldi baqgħu isawtuh sakemm ma felħux aktar. Mela anki biex isawwat tgħejja. U nifimha l-għaliex! Il-ħażen jgħajjina sieħbi! Jifnina. Għax kemm se ndum nagħmel il-ħsara lill-proxxmu tiegħi? Kemm se ndum inbiċċer saħansitra lili nnifsi mill-mod irresponsabbli li bih nitħaddet? Kemm se ndum intebba’ l-fama u inqarraq b’ħaddieħor? Fl-aħħar tasal siegħeti wkoll! U t-tifkira tiegħi tintesa jew tiġi skurata minn dak li nkun wettaqt.

Imma min jibqa’ jiġi imsawwat għaliex ikun ħabb, min warrbuh l-għaliex baqa’ jaħfer, min baqa’ jemmen f’li jwieġeb bit-tajjeb għall-ħażin li jkun irċievha, dan jgħix għal dejjem. Tikirietu mhux biss titfakkar imma tiġi igglorifikata. Mhux biss fil-ġieħ tal-altari tal-Knisja imma wkoll fl-altar tal-memorja kollettiva tal-poplu. Min jagħmel il-ġid il-ġid tiegħu jgħaddi bil-bosta t-tbatija li jkun għadda minna meta ippruvaw iwaqqfuh, jhedduh, jaqtgħuh minn dawk li jħobb biex mingħalihom ma jħalluhx jaqdi bil-fardal lil niesu stess!

Dan kollu għadda minnu l-Marbut! Dak li ismu mhux talli ma jfissirx rabta u skjavitù imma ħelsien. Anzi! Alla jsalva! Ġesù! Imma l-Marbut, kull darba li ngħaddi minn ħdejh, ifakkarni li bħalu għandi nkun marbut. Mhux man-nies tad-demm u l-laħam li rabtuh. Sawtuh. U biċċruh. Imma mar-rieda tal-Missier Alla. Kif intrabat ta’ bilħaqq magħha Hu. L-għaliex bir-rabta tiegħu ħall lili u lilek mill-irbiet li għandna ma’ dak li hu tad-dinja. Ħallna mill-agħar pesta li qatt nistgħu niġu morda biha, jiġifieri dik tad-dnub. L-għaliex id-dnub huwa pesta tassew! Huwa jinfetta l-mod ta’ kif naħsbu, inħossu u nġibu ruħna.

Imma Hu, il-Marbut, ħa fuqu d-dnub tagħna. Kien lest li jilqa’ fuqu l-vjolenza kollha li toħroġ mill-ħtija tagħna l-bnedmin. Minn kull dnub li hu vjolenza u arroganza grassa fih innifsu. Biex lili u lilek ilibbisna b’imħabbtu. Bi ħlewwietu. B’għerfu. B’qawwietu. Bir-rażan li ngħidu le għall-ħażen u iva għal dak li hu qaddis.

Il-Marbut. Li minn jaf kemm-il darba għaddejt minn ħdejh f’dan ir-Randan. Ħsibt li meta għalaqt il-bieb tal-kunvent warajja ma kontx se narah aktar. Ħsibt li ħallejtu wieqaf, iserraħ fuq il-bankun tal-Knisja. Kemm tqarraqt! Il-marbut sibtu jistennieni fit-tieni dar tiegħi, l-isptar. Fil-morda li l-mard tagħhom rabathom ma’ sodda. Fil-morda li tant jixtiequ l-preżenza tiegħu fil-preżenza dgħajfa tal-Patri. L-għaliex jafu li meta l-Patri jersaq ħdejhom fih hemm il-Marbut li jħoll mid-dnub, mill-qtiegħ il-qalb, mill-frustrazzjoni, mid-disprament, minn dak li hu negattiv.

Il-Marbut! B’ħarstu, f’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, qiegħed iħares lejk u lejja filwaqt li jgħidlek u jgħidli: “Jiena nafda fik!” Jaqbillek issa tibqa’ marbut u marbuta?

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: