Il-ferħ tal-omm


Patri Mario Attard OFM Cap

L-omm! X’kelma sabiħa dik! Tlissinha b’liema ilsien tlissinha xorta waħda tinżillek għasel. L-għaliex hija, fiha innifsha, għasel. Għasel tal-għasel. Bennet l-Imħabba!

Għadni s’issa inġorr f’qalbi dak li ġarrabt is-sena l-oħra, sewwa sew nhar it-23 t’Awwissu. F’qillet is-sħana tas-sajf. Fi Knisja imdewda bin-nies. Tassew li ma kienx hemm fejn toqgħod labra. U, biex inkun eżatt, il-ħin kien għall-ħabta tal-għaxra u nofs. Dik il-għodwa, għal ma nafx kemm-il elf ruħ, żgur li ma kinitx jum bħall-oħrajn. Anzi. Kien jum ta’ festa. Jew aħjar tal-festa. Il-festa tar-raħal. Il-festa ta’ Santa Liena. L-Imperatriċi u l-Awgusta. Il-festa ta’ omm l-imqaddes Kostantinu.

Il-vara, immexxija minn ġgajta ta’ nies mibnija b’saffejn, dehret dieħla ħelu ħelu. L-istess bħalma tidħol l-imħabba fil-qalb tal-maħbub u l-maħbuba, fil-Knisja Kolleġjata Elenjana. Daħlet fost l-għajjat, iċ-ċapċip u l-briju tal-folla. Daħlet biex iddaħħal lilna, li konna imħejjija li nilqgħuha b’tant imħabba, għall-akbar u l-aqwa att ta’ mħabba: l-imħabba tal-Ewkaristija. Il-quddiesa. Daħlet biex iddaħħal lilna fil-qalba tal-qalb ta’ Kristu. Mill-entużjażmu sabiħ u kulturali ta’ barra għas-sejħa tal-konverżjoni tal-fidi mill-kamra ta’ ġewwa.

U meta tpoġġiet fuq il-bankun tal-festa u bdiet il-quddiesa bdew nieżla minn m’għajnejja demgħat sħan u jaħarqu. Kienu d-demgħat ta’ xi ħadd li meta ra din l-omm tinġarr b’tant imħabba u qima lejn darha donnu ntebaħ li l-kbir kien għadu ġej. Il-quddiesa issuktat għaddejja sakemm kien wasal il-waqt tiegħi biex nitla’ u ninseġ il-paniġierku. Nifimha! Mhux ħaġa faċli. Il-qalb tbaqbaq. Il-wires jinġibdu. Li jkollok qabda nies quddiem wiċċek x’taffaċċja fiha. Iżda li kien qed jimla’ u jsuq lil qalbi ma kienux il-folol tan-nies. Lanqas il-mistednin distini. Daqskemm l-imħabba profonda, taħraq u ħarriesa tal-omm. Omm li għal binha, avolja mhux tagħha mill-ġisem imma tagħha fl-Ispirtu s-Santu, kienet lesta li tmur tfittxu sal-ibgħad imkien.

Kienet din l-imħabba li baqgħet ittellgħali l-fawriet u daqstant ieħor li baqgħet tħeġġiġni biex nitħeġġeġ. L-imħabba ta’ mara-omm. Mara li batiet. Mara li bdiet bħala, kif jgħidilna l-għaref kbir u duttur tal-Knisja San Ambroġ, stabularia bona. “Lukandiera twajba”. Imma f’dan it-titlu daqstant sempliċi hemm ir-rejaltà kollha midfuna fiha. L-ospitalità! Inħares lejn Lieni tagħna u nħalli d-dmugħ iġelben ma’ ħaddejja. Dmugħ jaħraq l-għaliex ġie msaħħan mill-imħabba materna tagħha. Għaliex imħabbitha fakkrittni fi mħabbet l-għażiża ommi għalija. Dik l-imħabba li, jagħmel x’jagħmel binha, dak l-għażiż binha jibqa’. L-istess bħalma kienet imħabbet nannti. Li dejjem laqegħtni. Farrġitni. Għamlitni festa. Mhux ta’ b’xejn mela li l-għors tiegħi u ta’ ħuti, meta konna żgħar, kien li mmorru għand in-nanna! Għax għand in-nanna kull wieħed u waħda minnha aħna speċjali ħi!

Bqajt inħares ċass lejn il-qagħda majestuża u mponenti tagħha. Il-paneġġi ta’ lbiesha aktar ġagħluni nsammar ħarsti lejn is-sabiħ wiċċha. Dak il-wiċċ mimli sbuħija mhux sempliċiment ta’ mara fl-aqwa tal-femminiltà tagħha. Daqskemm ta’ mara li hija omm. Mara li, fil-qalba tal-ħarsa tagħha, ma stajtx nilmaħ ħlief kelma waħda: imħabba mimlija ħniena! Bkejt bil-bosta f’dik il-quddiesa ħbieb. U emmnuni li nieqaf ma stajtx. U ma kellix għalfejn nieqaf u lanqas inħabbel rasi minn dawk ta’ madwari. L-għaliex meta tesperjenza l-imħabba minn xiex trid tisħti? Meta issib min jibqa’ jemmen u jafda fik x’jimpurtak aktar x’jgħidu jew ma jgħidux dawk ta’ madwarek?

Lieni Lieni! Ommi tas-Sema! Mara li tfakkarni bil-bosta f’imħabbet il-Verġni Marija, omm l-ommijiet! Il-preżenza mimlija mħabba tiegħek serrħittni. Qalbek tfur bil-ħniena lejn il-batuti minn qalb mifnija ġagħlitni nara kemm hu sabiħ il-Mulej! Kemm tassew jaf iħobb aktar minn kull omm! U mela, ħa ngħidhielek ħa, kemm hu sabiħ Lieni li nħobbok!

Lieni! Imħabbtek ta’ omm wasslittni ngħidlek, bil-kliem ta’ ħabibi Ġorġ Aġius: “Il-kobor ta’ Santa Liena mhux kapaċi infaħħru jiena, ta’ Birkirkara l-akbar qanpiena u ngħajtu Viva Santa Liena!”

Dak li jwassal il-ferħ tal-omm!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: