Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Kemm tiflaħ taqla’!  

Kemm tiflaħ taqla’!  


 

Patri Mario Attard OFM Cap

X’ħin rajtu għand ħabib tiegħi tassew ħadt grazzja miegħu! Kwadru mill-isbaħ! Mhux xi kapolavur tal-arti tafux. Imma għani. Għani għal dak li jirrappreżenta!

Huwa il-kwadru ta’ Kristu li jed jiġi ifflaġellat. Daqqa wara l-oħra. Imsawwat! Ġismu ġerħa waħda. Qed narah imkebbeb. Lest biex jaqla’. U jaqla’ akbtar. Bla ħniena ta’ xejn. Fuq għajnu l-leminija għandu ċappa sewda. Jekk qed nara sew faqgħhielu. Filwaqt li mill-oħra qed nara xmara tad-dmugħ ħiereġ bla ma jaqta’.

Il-ħmura ta’ fuq il-ġilda tiegħu turini l-laħam li qed jiġi mċarrat mis-sawt. U l-irkejjen sewdiena f’għadd ta’ partijiet ta’ ġismu, ‘l hawn u ‘l hemm, juruni t-tbenġil li ħa s’issa. Jidher kwiet. Ħiemed. Għalkemm qed jaqla’ dak is-swat kollu. Meta rajt il-film The Passion of the Christ, smajtu jlissen talba eżatt qabel bdew ibaltulu kemm jifilħu: “Missier, qalbi hija lesta”.

X’talba dik ħbieb! Missier, qalbi hija lesta! Mela mhux bħal tiegħi! Ara tgħidli kelma għax ngħidlek għaxra! Ara biss ma ssellimlix l-għaliex inroddlok salib minn tulek u ma nħarisx lejn wiċċek iżjed kemm indum ħaj u ħajja! Ara ma taqdinix għax tgħidx kemm ngħid kontrik u nagħmillek ħsara! Ara ma tagħtinix fil-pront dak li tlabtek għax inħammarlek wiċċek b’dak li ngħid fuqek!  Insomma … ara hekk u ara hekk! Theddid! Theddid! Theddid!

Issa jekk kien hemm xi ħadd li missu ħa l-liġi b’idejh kien proprju hu: Ġesù! Dak li hu l-LIĠI. U mhux eżekutur jew interpretatur tagħha. Imma hu, li hu l-LIĠI, lanqas biss fetaħ fommu. Imma qagħad għal dak is-swat kollu. Tgħid għalfejn? Din x’biċċa hi? Il-moħħ legali tiegħi ma jifhimx. Ma jarax sens fiha. Imma ħbieb hekk ġab ruħu! Hu li hu l-LIĠI. Ma fetaħx fommu. Qagħad għal dak kollu li għaddewh minnu.

Imma għax kien ġifa? Jew inkella l-għaliex kien qawwi? Hija tant faċli li nuri qawwieti ma’ min hu taħti! Li nuri snieni ma’ min jiżbalja. Dik faċli. Kulħadd jaf jagħmilha. Imma Hu, il-LIĠI, uriena li l-liġi tagħna l-bnedmin hija dgħajfa wisq. Swat u tbenġil biss taf iġġib. Uriena li int u jien għandna bżonn il-LIĠI tiegħu, il-maħfra. Il-bidla tal-qalb. Il-ħniena. Jiġifieri dik il-LIĠI li int u jien, għamilna x’għamilna, aħna dejjem nibqgħu tal-familja! Liema missier se jkeċċi ‘l barra lill-uliedu? U jekk missier, bl-għerf kollu tiegħu, jasal li jagħmel biċċa bħal din, x’missier ikun? Ikun biss missier tal-isem! U allura jkun skada! Spiċċa! U b’għemilu jkun ilu li rema lilu nnifsu!

Imma missier tassew huwa dak li l-LIĠI, jiġifieri Ġesù iflaġellat, jgħidilna għalih fil-vanġelu ta’ San Luqa: “Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (Lq 15:20). Issa qed nifhem l-għaliex Papa Franġisku qalilna li “Ġesù Kristu hu wiċċ il-ħniena tal-Missier!” Il-ħniena tirbaħ! Dan jgħallimhuli l-Isptar Mater Dei. X’għandhom tassew bżonn il-pazzjenti tagħna, l-aktar dawk b’mard terminali? X’għandhom bżonn dawk li qed imutu? X’għandhom bżonn dawk il-pazzjenti li qegħdin f’kalvarju kontinwu ta’ uġiegħ? Mhux ħniena?

Kemm tiflaħ taqla’? Tiflaħ sieħbi jekk int u jien niftakru kemm iħenn għalina Dak li suppost jiġġudikana u jikkundannana l-għaliex hu l-LIĠI. Imma, la Dak li hu l-LIĠI jibqa’ jaħfrilna mela ejja ħa naħfru! Ejja nibdew paġna ġdida! Għax miegħu s-swat li naqla’ jispiċċa ta’ fejqan kbir għalija u għal min qed isawwatni! “Irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21).

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: