Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Ir-ritratt ta’ Ġuda fis-Salmi

Ir-ritratt ta’ Ġuda fis-Salmi


Patri Mario Attard OFM Cap

Jum l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa niltaqgħu mal-karattru ta’ Ġuda t-traditur.

L-aktar element espressiv tal-episodji tat-tbatija ta’ Kristu x’aktarx li huwa l-konfużjoni fl-episodju tat-tradiment. Immedjatament naraw l-għoljiet u l-qċaċet tal-kundizzjoni umana. F’din id-drama aħna nitmexxew f’kontroversja li tisfidana biex nagħrfu d-dawl qalb dlam li taqgħtu b’sikkina. F’din il-konfużjoni jeżiżti dan l-antagoniżmu li jżid aktar l-umanità tal-istorja. Jeżiżtu ħafna emozzjoniet fil-ġrajjiet evanġeliċi varji li jirrakkuntaw il-ġrajja tat-tradiment: il-ħbiberija u l-fiduċja, mqiegħda max-xeħħa, mal-qerq u mal-biża’. Mhux talli Kristu ma kellux it-toqol li jissaporti l-infedeltà ta’ Ġuda talli jinsab assedjat ukoll mill-abbandun ta’ oħrajn mit-tnax li kien għażel.

Forsi l-aktar ġrajja qawwija li tirrakkonta l-ħarba tad-dixxipli hija dik li nsibu f’Mark 14:50-52. F’dan l-episodju d-dixxipli mhux biss telqu lill-Imgħallem tagħhom imma wkoll waqt li kienu qiegħdin jagħmlu hekk ħallew kollox warajhom. Dan l-episodju huwa f’kuntrast dirett mas-sejħa oriġinali ta’ Kristu biex iħallu kollox u jingħaqdu miegħu (ara Mt 8:22; Mk 10:29). Għad-dixxipli l-biża’ tal-kundanna u l-mewt kienet akbar mir-rimi ta’ Dak li fih fittxew is-salvazzjoni. Kontra dan ix-xenarju ta’ konfużjoni u ġlieda naraw fejn tista’ twassal l-umanità waqt li Kristu huwa meħud biex isofri s-sagrifiċċju tiegħu. Dawn id-dimensjonijiet varjati għandhom inisslu fina idea ħajja kemm ma nistgħux norbtu fuq l-umanità tagħna. L-isforzi individwali u żgħar tagħna mhumiex biżżejjed biex nikbru tabilħaqq. It-tama tagħna qiegħdha filli ndawru ħajjitna lejn Dak li ħa ġisimna u ħelisna mid-dlamijiet. B’referenza għall-ġrajjiet u l-persuna tal-Messija, it-Testment il-Qadim ippreżenta lil dawk li jemmnu l-mezz tat-twemmin u l-għarfien li bih l-idea ta’ Kristu bħala l-Messija tkun tista’ tiġi mifhuma. It-Testment il-Qadim jissokta jagħmel dan il-mezz għad-disponibbiltà għall-qarrejja kontemporanji tal-fidi.

Jeżiżtu żewġ Salmi Messjaniċi fuq Ġuda l-Iskarjota. Dawn insibuhom fis-Salm 41 u Salm 55. Fis-Salm 41 insibu hekk: “Mqar ħabibi, li fih kont nafda, li kiel minn ħobżi, ntrefa’ kontrija” (vers 10). Fis-Salm 55 insibu hekk: “M’huwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk,  kont nissaporti. M’hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu. Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla. (S 55:13-15).

It-tbatija ta’ Kristu bdiet mat-tradiment ta’ Ġuda. Kristu huwa mibjugħ mid-dixxiplu li fih kien afda. Meta wieħed jara r-referenzi profetiċi tat-tradiment iqumu żewġ mistoqsijiet importanti: L-ewwel, min kien dak li ħeles? It-tieni, kif it-Testment il-Qadim ipinġi lit-traditur u l-ġrajjiet li jwasslu għall-mewt ta’ Kristu fuq is-salib?

Ġwanni jgħidilna fuq il-kliem ta’ Kristu lil Pilatu. Jiġifieri fuq il-bniedem li, fl-aħħar mill-aħħar, se jagħti s-sentenza lil Kristu u se jordna l-mewt tiegħu. “Min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar” (Ġw 19:11). Liema huma l-passaġġi tat-Testment il-Qadim li juruna li l-Messija se jkun miċħud? Nistgħu nispeċifikaw l-karatteristiċi ta’ “dak li ta” lil Ġesù lill-awtoritajiet Lhud u, eventwalment lil Pilatu, il-gvernatur Ruman. Ħa naraw ftit kif it-Testment il-Qadim jagħtina kwadri ta’ dan il-magħruf traditur.

It-testi li jirreferu speċifikament għat-traditur huma Salmi 41:10 u Salm 55:13-15. Se nfissru dawn it-testi fid-dawl profetiku tagħhom bil-għan li nistabilixxu ritratt tat-traditur biex nuru l-verità tal-messaġġ profetiku b’rabta mal-ġrajjiet tan-narattivi tal-vanġelu. Is-sustanza taż-żewġ passaġġi tat-Testment il-Qadim huwa d-diżappunt kbir tas-Sultan David li iddiżappunta ruħu bil-kbir mhux biss minħabba l-għemejjel tal-għedewwa tiegħu imma wkoll bl-għemejjel tal-ħabib intimu u kunsillier tiegħu li qabel mal-għedewwa tiegħu.

L-identità magħluqa tat-traditur f’dawn is-salmi hija gradwalment murija. Bħalma hi, wara kollox, fit-twettieq tagħha fl-evanġelju.

Kemm f’sens wiesa’ u anki f’sens dejjaq Salm 41 ifakkarna fil-Messija. Fis-sens wiesa’ dan is-Salm iwasslilna asserzjonijiet ġenerali dwar tradiment u l-umiljazzjoni li se jsofrihom il-Messija waqt li jkun se jwettaq ix-xogħlijiet tiegħu bħala sultan, profeta u qassis. Meta wieħed jinterpreta s-Salm 41 b’mod strett wieħed jintebaħ, bħalma jgħidilna il-vers 10, li David, is-sultan, safa ittradut minn ħabib intimu u fdat tiegħu. Ix-xbieha u s-sentiment jinsabu ripetuti fil-ġrajjiet tal-vanġelu. Fis-Salm 41:10 huwa mitmum bir-rakkuntar ta’ Kristu u Ġuda u tax-xena tat-tradiment fil-Ġestemani. Biex naraw il-messaġġ profetiku ta’ dan il-passaġġ fis-sħuħija tiegħu jinħtieġ li nevalwaw il-komponenti sinifikanti tat-test.

Ħabibi. Is-Sultan David jirreferi għal dak li ittradieh bħala “ħabibi”. Fl-ilsien Lhudi din il-frażi hi ish shalom.  Din il-frażi hija murija b’implikazzjonijiet ta’ relazzjoni importanti. Fis-Septwaġinta, li hija t-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim għall-Grieg Koine, din il-frażi Lhudija insibuha letteralment bħala “ir-raġel tal-paċi tiegħi” (ho anthropos tes eirenes mou). Bl-istess mod il-verżjoni tal-Vulgata, jiġifieri tat-tradizzjoni tal-Bibbja għall-Latin, tagħtina din il-frazi: homo pacis mae. Fit-traduzzjoni Aramajka tas-Salm 41 hemm iż-żjieda tal-kelma dtb, li tfisser “dak li jfittex”. Għalhekk it-tifsira sħiħa tal-frażi hi “l-bniedem li jfittex il-ġid tiegħi (il-paċi tiegħi)”. Fil-fatt din il-frażi toqgħod sewwa mal-figura ta’ Aħitofel.

Il-frażi oriġinali Lhudija tfisser “kollega, ħabib, kumpann”. Din il-frazi tfisser rabta speċifika u fonda ta’ intimità maqsuma. La t-traduzzjoni Griega u lanqas dik Latina ma joħorġu biżżejjed il-valur metaforiku oriġinali tal-frażi Lhudija. It-tnejn li huma ma joħorġux b’dik il-qawwa l-ideja ta’ relazzjoni stretta bejn dak li ġie ittradut u min ittradixxa.

Fil-ġnien tal-Ġestemani, fi żmien tal-arrest tiegħu, Kristu sejjaħ lil Ġuda “ħabib, kumpann” (hetairos). Dan l-isem joħroġ għad-dawl l-istatus ta’ Ġuda bħala wieħed mill-appostli. Barra minhekk dan l-isem jiġbor il-pożizzjoni tiegħu bħala ħaddiem ma’ Kristu. L-evanġelista Mattew (26:47-50) jirrakkonta x-xena fil-ġnien b’ċarezza partikulari. Huwa jġib flimkien l-att ta’ tradiment minn Ġuda f’konfront mar-rispett li jagħtih Kristu bħala “kumpann”. Il-ġemgħa, il-bewsa, u l-arrest ta’ Kristu waqt li jgħid lil Ġuda b’għafsa ta’ qalb “Ħabib, għalhekk ġejt int!” (Mt 26:50), tagħti piż partikulari lit-tradiment ta’ Ġuda filwaqt li tintensifika l-aspett agonizzanti tal-inċident.

Dak li fih kont nafda. Il-kelma Lhudija hija batachty [“dak li fih] fdajt”). Mela, “[Dak] li fih kont nafda” ġie identifikat ma’ Aħitofel il-Giluni, kunsillier ta’ David, li mar man-naħa ta’ Absalom fil-konfoffa tiegħu kontra s-sultan missieru (ara 2 Sam 15:12). David kiteb Salm 41 wara li sar jaf li ħabibu ingħaqad ma’ Absalom fil-konfoffa tiegħu (ara 2 Sam 15:31; 16:23). Is-salm sħiħ ipoġġi lil David fil-kuntest tal-mard tal-ġisem u l-kalunja li ġiet fuqu mill-għedewwa ta’ madwaru u, l-aktar wieħed, mill-kollega tiegħu stess. Minkejja d-dwejjaq tiegħu David seħħlu jġib fix-xejn ir-ribeljoni ta’ Absalom. Filwaqt li l-kollega tiegħu, Aħitofel, tgħallaq b’rimors u qtiegħ il-qalb għat-tradiment li hu kien wettaq kontra sidu u ħabibu David (ara 2 Sam 17:23).

Fit-Testment il-Ġdid għandna t-twettieq ta’ din il-ġrajja storika tat-Testment il-Qadim. Ġuda kien fdat bil-finanzi tal-grupp (ara Ġw 13:29). Dan id-dettal jurina kemm Kristu kien jafdah. Bħalma seħħ fl-eżempju tat-Testment il-Qadim fil-persuna ta’ Aħitofel Ġuda ingħaqad mal-konfoffa tal-qassisin u l-kittieba li fittxew lil Ġesù biex joqtluh. Ifisser ħafna li Ġuda ħallas l-istess prezz bħal Aħitofel għall-iżball li wettaq għaliex tgħallaq (ara Mt 27:5). Irridu wkoll ninnutaw li ħadd ma jista’ jevita l-ġudizzju meta jkun quddiem Ġesù. Lanqas Ġuda. La Pilatu. U, wisq inqas, il-qarrej tal-vanġelu illum. Għalhekk irridu noqgħodu attenti biex ma niskużawx lilna nfusna mill-konsegwenzi tal-fidi. Irridu nkunu parti ħajja tal-komunità Nisranija. Il-ġrajjiet tal-vanġelu m’humiex eżortazzjonijiet storiċi għall-komunitajiet li m’għandhomx magħna. Anzi! Dawn il-ġrajjiet mill-vanġelu huma maħsuba għal kull ġenerazzjoni ta’ fidi biex jiġu mifhuma u inkorporati fl-għejxien tal-fidi personali u komunitarja.

Li kiel minn ħobżi. Ir-relazzjoni li s-salmista qed jibkieha f’Salm 41 hija dik bejn David u Aħitofel. Din kienet relazzjoni għażiża mibnija fuq fiduċja reċiproka. Bħalma turi l-kelma “ħabib” u anki bid-detall tal-għemil li jieklu flimkien. L-att li wieħed joqgħod bilqiegħdha mal-mejda, mal-kumpanni l-aktar viċini tiegħu, hija tema universali ta’ ospitalità, fiduċja u rabta emozzjonali profonda bejn dawk li jaqsmu l-mejda flimkien.

Fit-test Lhudi “li kiel minn ħobżi”, il-forma tal-verb użata għall-“kiel” (‘okel) hija partiċipju li turi attività kontinwa jew ripetuta. Xi studjużi tal-Bibbja jissuġġerixxu li kienet ikla ta’ patt li kienet maqsuma biex tikkonsagra l-ħbiberija bejn David u Aħitofel. L-użu tal-kelma “ħobż” (lechem) issaħħaħ din l-idea.

Dawn it-temi ta’ repetizzjoni, attività kontinwa, u komunjoni jieħdu tifsira akbar fil-kuntest tat-Testment il-Ġdid tar-relazzjonijiet bejn Kristu u d-dixxipli tiegħu u l-ħajja li qasmu bejniethom. Hekk, ngħidu aħna, l-attività komuni tal-ikla tas-Salm 41 tista’ tiġi mifhuma bħala indikatur ta’ ħafna okkażjonijiet fejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu jieklu flimkien. Is-suġġeriment ta’ relazzjoni msejsa fuq l-ikla tal-patt fis-Salm 41 tista’ turi wkoll ir-rivelazzjoni li Ġesù għamel fl-Aħħar Ikla rigward l-identità tat-traditur u tat-twaqqif tal-Ewkaristija (ara Mt 26:20-29; Ġw 13:21-30). Il-frażi “ħobżi” (Salm 41:10) hija referenza għall-“ġismi” (Mt 26:26-29). Jiġifieri tista’ tirreferi għall-ġisem ta’ Ġesù, l-Ewkaristija.

Intrefa’ kontrija. Il-kelma Lhudija hidil al ‘aqeb li bl-ilsien Malti hija maqluba għal “intrefa’ kontrija”. Madankollu fi traduzzjonijiet oħra din il-frażi hija maqluba “refa’ għarqubu kontrija”. Din hija frażi użata darba biss. Għalhekk l-isem tekniku tagħha hu hapax legomenon. Hija frażi li tinstab f’Salm 41:10. Meta wieħed jittraduċieha “refa’ għarqubu kontrija” din it-traduzzjoni turi rifsa bl-għarqub tas-sandli. Jew li wieħed jagħti daqqa kbira bis-sieq b’mod brutali. L-idea ewlenija ta’ din il-frażi hija li David u l-familja rjali huma mwarrba u umiljati minn iben ribelluż u minn ħabib intimu li, f’daqqa waħda, dar f’għadu kontriehom.

Kristu innifsu għadda minn din ir-riferenza bibblika li nkitbet għalih fil-Vanġelu skont San Ġwann: “Jien m’iniex ngħid għalikom ilkoll, għax jien naf x’nies għażilt, imma għandha sseħħ l-Iskrittura li tgħid, ‘Min kiel il-ħobż miegħi, tani bis-sieq.’ Dan qiegħed ngħidu minn issa, qabel ma jiġri, biex, meta jiġri, temmnu li jiena hu” (jiġifieri Yahweh, il-Mulej) (Ġw 13:18-19). Ġwanni jissokta: “Wara li qal dan, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: ‘Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini (paradosei)!’” Meta wieħed jisma’ dan il-kliem mill-ewwel wieħed jintebaħ bis-sentiment tat-tradiment. Il-qawwa tal-għemil ta’ Ġuda kontra Kristu huwa mkabbar mir-referenza metaforika għas-saltna ta’ Alla fit-telqa fir-rieda tal-Missier aktar milli fl-eżerċizzju tal-ħakma fuq l-oħrajn. Ġesù wera l-akbar vulnerabilità billi qgħad għal dan il-proċess, l-umiljazzjoni, it-tortura fiżika u l-mewt. It-tisliba tiegħu kienet imħejjija għal tal-apposta biex turi ċ-ċkunija tal-vittma u ż-żeblieħ li bih ġie miżmum mill-awtoritajiet. It-tisliba kienet l-aktar metodu ta’ żeblieħ li bih tpoġġi l-kriminali għall-mewt.

Wieħed bħali. Is-Salm 55:14 iżid dettall ieħor fir-ritratt tat-traditur. Interessanti wieħed jgħid li t-Targum (jiġifieri parafrażi mitkellma, tifsiriet u kummenti tal-Bibbja Lhudija) fuq is-Salm 55 iniżżel l-isem ta’ Aħitofel biex jiċċara l-identità ta’ dak li kien bħal David. Is-Septwaġinta tippreżenta l-frażi Lhudija ‘enosh ke’erky’ jiġifieri “wieħed bħali, sieħbi” jew “persuna bħali” billi tuża l-kelma isopsychou, li tfisser “tal-istess spirtu”. Din il-kelma tisħaq li bejn il-persuna u s-salmista hemm l-istess ħsieb għalkemm mhux neċessarjment l-istess pożizzjoni. Jeżiżti xebħ ideoloġiku, distint mill-frażi Lhudija, li timplika ugwaljanza politika u soċjali. Għalhekk, il-kelma Griega isopsychou m’hijiex sempliċiment sieħeb tal-Messija. Imma, skont dan is-salm, sieħbu huwa ugwali għall-Messija. Il-ħabib intimu tiegħu. Huwa dak li fih jafda. Flimkien mal-intensità tat-tifsira tagħha li wieħed jaqsam il-ħobż bejn ħbieb intimi dan is-saff fit-tifsira ta’ dan il-vers aktar jikkontradiċi l-għaqda tal-ħbiberija li għalih is-salmista qed jirreferi.

Bħalma jiġri fis-Salm 41:10 l-idea li huwa tollerabbli li wieħed jiġi mgħaffeġ u oppressat mill-għedewwa tiegħu tibqa’. Dan l-att wieħed jistennieh minn dawk li ma jafux għajr li jobogħdu. Madankollu l-ħall qares tat-tradiment minn wieħed li kien intimu, bħalma juri s-salmista, m’huwiex tollerabbli. In-niket tat-telfa huwa t-talba tas-salmista lill-Mulej. L-isforz tiegħu li jikxef l-istat ta’ ruħu u jitlob għall-ħniena hija l-karba tas-salmista lill-Mulej. Din it-talba magħmula lil Alla mill-bniedem muġugħ l-għaliex safa ittradut hija r-rimedju komplet mit-tradiment innifsu. Il-qasma ta’ qalb hija l-punt tal-laqgħa tal-Mulej mal-bniedem b’qalbu maqsuma. Huwa f’dan il-punt fejn is-salmista isib tassew is-serħan. Meta s-salmista jsib ruħu mkisser minn xi ħadd tant intimu bħallikieku “bħalu” huwa jerfa’ għajnejh lejn Alla. U jdawwar il-fidi tiegħu fl-Imħallef etern meta t-twemmin fi ħbiebu jispiċċa mfarrak.

It-Testment il-Ġdid jirreferi għall-ħsieb tas-salmista f’li jfisser dan it-tkissir fir-relazzjoni. Fi Ġwanni 15:15 Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu “ħbieb”. Għax jittrattahom daqsu. Jittrattahom bħala sħabu l-ħaddiema aktar milli sempliċiment qaddejja injoranti. “Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15:15). “Ħabib” (philos) huwa ħafna aktar minn “sieħbi” (hetairos). Il-kelma “ħabib” turi relazzjoni intima imsejsa fuq ugwaljanza bejn żewġ persuni. Filwaqt li l-kelma “sieħbi” tirreferi għall-koperazzjoni professjonali.

Sieħbi. Il-kelma Lhudija ‘allup tfisser “ħabib tal-qalb” (wieħed tal-familja). Din il-kelma hija maqgħuda mal-kelma ‘elep li tfisser “tribù, binja, reġjun”. Għalhekk din il-kelma tagħti s-sens ta’ “kompatrijott”. Madankollu fis-Septwaġinta nsibu l-frażi ho hegemon mou li tfisser “il-mexxej tiegħi, il-kmandant tiegħi”. Din tfakkarna fil-kelma Lhudija ‘allup li tinkiteb eżatt bħal ta’ qalbilha u li tfisser “kap tat-tribù mexxej”. Madankollu din it-tifsira ma toqgħodx sewwa fil-kuntest tas-Salm 55. Dan l-għaliex it-traditur huwa mfisser bħala indaqs ma’ David.

Hawnhekk tinbet il-mistoqsija jekk Ġuda l-Iskarjota, it-traditur fit-Testment il-Ġdid, jistax jissejjaħ bħala l-kompatrijott ta’ Kristu. Jiġifieri, nistgħu insibu prova li Ġuda kien ġej mill-istess reġjun ta’ Kristu?

L-ewwel element tal-isem tat-traditur, “Ġuda” (Ioudas) huwa l-għamla Griega tal-isem Lhudi “Judah” (Yehuda). Rigward l-isem “l-Iskarjota” jidher li dan huwa laqam użat biex wieħed jiddistingwi dan l-appostlu minn oħrajn li wkoll għandhom “Ġuda” bħala isem (Luqa 6:16; Atti 1:13; Ġwanni 14:22). Jeżiżtu ħafna interpretazzjonijiet madwar dan l-isem. Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet li se nsemmi huma l-aktar diskussi.

 

L-ewwel interpretazzjoni tgħid li l-kelma Iskarjota hija waħda magħquda għax ġejja mill- kelma Lhudija ish li tfisser “bniedem” jew “wieħed minn”. U Kirjot, belt żgħira, probabilment minn fejn kien ġej Ġuda. Jekk din l-interpretazzjoni hija korretta allura Ġuda, probabilment l-uniku wieħed mit-tnax, kien Lhudi (mill-villaġġ ta’ Kirjot, ara Ġoż 15:25). Bħalma kien Ġesù.

It-tieni interpretazzjoni tgħid li xi studjużi jemmnu li l-isem Aramajk Iskarjota jfisser “bniedem mill-Belt” (qiryeta’), jiġifieri minn Ġerusalemm. Skond waħda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet jidher li Ġuda l-Iskarjota huwa l-uniku appostlu li hu oriġinarjament mill-Ġudeja. U għalhekk hu kandidat tajjeb għat-titlu ta’ “kompatrijott” tal-Mulej. Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet isostnu l-postijiet fis-salmi fejn it-traditur huwa msejjaħ “ħabib tal-qalb, sieħeb, kompatrijott” tal-Messija, li se jkun mit-tribù ta’ Ġuda (Ġen 49:10).

Ħabib tal-qalb. Bħalma għedna fl-analiżi tal-“persuna tal-istess grad tiegħi” meta neżaminaw ftit il-kelma meyudda’, li fil-Malti nsibuha maqluba bħala “ħabib tal-qalb” (mill-verb Lhudi yada’  li jfisser “li tkun taf”) naraw li s-salmista qed jitħaddet għall-persuna li ġiet afdata bl-affarijiet personali ta’ persuna oħra. Dan it-titlu huwa tassew viċin tal-kelma Lhudija rea’ li tfisser “ħabib”. U għalhekk qed jipponta għall-isem ġdid li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ikla meta sejħilhom ħbieb. “Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġwanni 15:15). Il-konklużjoni hija li l-Missier irrevela informazzjoni speċifika lil Ġesù. Filwaqt li Ġesù, minn naħa tiegħu, qasam din l-informazzjoni mad-dixxipli tiegħu. “Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: ‘Għaliex tkellimhom bil-parabboli?’  Hu weġibhom: ‘Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti’” (Mt 13:10-11). Il-misteri m’humiex għal kulħadd imma huma mogħtija lill-kollaboraturi l-aktar intimi ta’ Kristu. Minkejja l-wiċċ b’ieħor tiegħu Ġuda ingħata l-grazzja li jkollu din il-fiduċja minn Ġesù. Għalhekk, minħabba dan, huwa joqgħod fid-deskrizzjoni bħala ħabib tal-qalb. Dak li fih tista’ tafda.

Ħaġa waħda konna f’laqgħa sigrieta. Din is-sentenza isservi bħala konklużjoni u raġuni għat-titli u l-kwalitajiet tat-traditur lejn l-imgħallem tiegħu. Il-frażi Lhudija namtiq sod letteralment tfisser “konna nagħmlu ħelu s-sigriet tagħna”. Din il-frażi twassal il-messaġġ li “aħna konna ħaġa waħda flimkien.” Fit-traduzzjoni tas-Septwaġinta l-frażi tinqara hekk: “li fil-kumpanija tiegħu miegħi għamel ħelu l-ikel [tagħna]”.

Il-kelma Lhudija sod f’din il-frażi tfisser “parir sigriet”. Għalhekk hija tfisser kemm il-laqgħa tal-individwi maqgħuda biex imexxu negozju sigriet inkella l-kontenut sigriet tad-diskussjonijiet tagħhom. Hawnhekk, mill-ġdid, insibu temi tal-komunità u tal-fiduċja. Dan “is-sigriet” jew “misteru” jistgħu jippuntaw lejn l-Ewkaristija imwaqqfa minn Ġesù fl-Aħħar Ikla qabel Ġuda ħareġ mill-kamra ta’ fuq (Luqa 22:19-23; imma innota Mark 14:18b-21), li tpoġġi t-tradiment qabel ir-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija). Aspett b’saħħtu ta’ din il-possibbiltà huwa l-għan fl-użu tat-terminu “tagħmel ħelu” li jfisser li tagħmel il-misteru (hekk ngħidu aħna, il-ġisem u d-demm sagrifikat ta’ Kristu”) aċċessibli għall-komunità ta’ dawk li jemmnu.

Joħroġ ċar li t-traditur hu bniedem fdat. Ħabib intimu. Il-vittma tiegħu jafda fih. It-traditur huwa sieħeb il-vittma tiegħu stess. Huwa jaf dettalji kunfidenzjali mill-ħajja tal-vittma tiegħu. It-traditur ġej mill-istess tribù. Fi ftit kliem it-traditur u l-vittma tiegħu kienu mdorrija, matul ir-relazzjoni tagħhom, li jiltaqgħu flimkien biex jaqsmu l-ikla. Forsi ikla tal-patt. Kienu jiltaqgħu biex jitħaddtu fuq ħwejjeġ intimi. Inkluża r-rivelazzjoni ta’ Alla l-Missier ta’ Ibnu. U t-twaqqif tal-misteru l-aktar qaddis mill-misteri kollha tal-qima. Kienu jiltaqgħu flimkien biex jaqsmu fix-xogħol tal-fidwa ta’ Alla. Dawn huma interessi kbar tat-tnejn. It-tnejn jitolbu familjarità neċessarja għad-diżpożizzjoni ta’ suċċess tal-għaqda reċiproka.

Aħna l-qarrejja sfidati biex ninżlu fil-fond tat-tradiment li qed iseħħ u li għandu l-eku profetiku tiegħu fit-Testment il-Qadim minn Aħitofel kontra s-sultan David. Issa, dan it-tradiment, ġie mitmum għal kollox fit-Testment il-Ġdid mill-għemejjel orribbli ta’ Ġuda kontra Ġesù Kristu.

Jien, li Ġesù tant iħobbni billi mhux biss jurini min tassew hu imma ħallas għalija fuq is-salib, fidil u fidila lejh? Jew inkella nagħmel bħal Ġuda u nittradieh? Tgħid dan ir-ritratt ta’ tradiment huwa ta’ Ġuda l-Iskarjota biss jew tiegħi ukoll? X’nista’ nagħmel biex dan ir-ritratt ta’ tradiment ma nibqax nidher fih aktar?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: