Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Id-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani

Id-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani


Patri Mario Attard OFM Cap

F’dinja fejn l-Isem għażiż u adorabbli ta’ Alla qiegħed jiġi vilment użat biex jitwettqu l-eħrex attroċitajiet waħidha tqum l-urġenza biex id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet ma jibqax sempliċiment kliem sabiħ fuq il-karta imma jsir rejaltà ta’ ħajja.

Fil-katekeżi li ta nhar l-Erbgħa 28 ta’ Ottubru 2015 f’Udjenza Ġenerali Inter-reliġjuża fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-promulgazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konċiljari Nostra Aetate, Papa Franġisku saħaq fuq l-importanza li għandu jkun hemm djalogu miftuħ u rispettuż bejn ir-reliġjonjiet. Huwa qal: “Id-djalogu li neħtieġu ma jistax ma jkunx miftuħ u kollu rispett, u hekk jagħti l-frott.  Ir-rispett reċiproku hu kundizzjoni u, fl-istess waqt, l-għan tad-djalogu inter-reliġjuż: nirrispettaw il-jedd ta’ l-oħrajn għall-ħajja, għas-saħħa tal-ġisem, għal-libertajiet fundamentali, jiġifieri l-libertà tal-kuxjenza, tal-ħsieb, ta’ l-espressjoni u tar-reliġjon”.

Aktar l-isfel fid-diskors tiegħu l-Papa qal ukoll li d-djalogu inter-reliġjuż għandu jsarraf f’aktar kollaborazzjoni bejn ir-reliġjonijiet biex jiġi mgħejjun il-bniedem batut.

“Id-djalogu msejjes fuq ir-rispett fiduċjuż jista’ jġib żerriegħa ta’ ġid li min-naħa tagħha taf twarrad fi ħbiberija u kollaborazzjoni f’ħafna oqsma, u fuq kollox fis-servizz lill-foqra, liċ-ċkejknin, lill-anzjani, fil-laqgħa li nagħtu lill-immigranti, fl-attenzjoni għal min hu mwarrab.  Nistgħu nimxu flimkien u nieħdu ħsieb ta’ xulxin u tal-ħolqien.  Kull min jemmen, f’kull reliġjon. Flimkien nistgħu nfaħħru lill-Ħallieq talli tana l-ġnien tad-dinja biex nieħdu ħsiebu u nħarsuh bħala ġid komuni, u nistgħu nwettqu proġetti bejnietna biex niġġieldu lill-faqar u niżguraw lil kull bniedem kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjituża”.

Kemm hu sabiħ meta r-reliġjonijiet isiru mezz mill-aktar effikaċi biex il-bniedem stess, li għalih ir-reliġjon qiegħdha hemm biex jidħol mad-divin, jiġi mgħejjun biex jgħix l-istess dinjità li għaliha ħalqu l-Mulej.

F’din il-katekeżi Papa Franġisku fakkar fl-apprezzament li l-Konċilju ta lil ħutna l-Musulmani li, kif tfakkar Nostra Aetate, “jaduraw ’l Alla waħdani, li hu ħaj u li jgħix minnu nnifsu, li hu ħanin u jista’ kollox, ħallieq tas-sema u l-art, Alla li tkellem mal-bnedmin” (nru. 5). Il-Papa issokta jgħid li l-Musulmani “jagħrfu lil Abraham b’missierhom, iqimu lil Ġesù bħala profeta, iweġġħu lil Ommu l-Verġni Marija, jistennew jum il-ħaqq, u jipprattikaw it-talb, il-karità u s-sawm”.

Min jista’ jinsa’ id-diskors sabiħ u profetiku li kien għamel San Ġwann Pawlu II liż-żgħażagħ Musulmani f’Casablanca nhar it-Tnejn 19 t’Awwissu 1985. Dakinnhar il-Papa qaddis Pollakk semma r-raġunijiet l-għaliex id-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani għandu jikber u jissaħħaħ.

“Id-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani illum huwa aktar milli neċessarju milli qatt kien. Huwa joħroġ mill-fedeltà tagħna lejn Alla u jitlob li aħna nafu kif nagħrfu lil Alla bil-fidi, u li nixhdu għalih bil-kliem u l-għemil f’dinja li qed issir aktar sekularizzata u xi drabi aktar atejista. Iż-żgħażagħ jistgħu jibnu futur aħjar jekk ipoġġu l-fidi tagħhom f’Alla u jekk jassiguraw lilhom infushom li jibnu din id-dinja ġdida skont il-pjan ta’ Alla b’għerf u b’fiduċja” (nru. 4).

Fid-diskors tiegħu liż-żgħażagħ San Ġwann Pawlu II emfasizza żewġ valuri importanti fid-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani: Alla u l-bniedem.

Rigward l-ewwel valur, dak ta’ Alla, il-Papa qal:

“Illum għandna nagħtu xhieda tal-valuri spiritwali li tagħhom id-dinja tant għandha bżonn. L-ewwel valur huwa l-fidi tagħna f’Alla. Alla huwa l-għajn tal-ferħ kollu. Aħna wkoll għandna nagħtu xhieda tal-qima tagħna ta’ Alla permezz tal-adorazzjoni, tat-talb ta’ tifħir u tas-supplika tagħna. Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr it-talb. Bħalma ma jistax jgħix mingħajr ma jieħu n-nifs. Aħna rridu nagħtu xhieda għat-tfittxija umli tagħna tar-rieda tiegħu. Huwa hu li għandu jispira l-wegħda tagħna għal dinja aktar ġusta u maqgħuda. It-toroq ta’ Alla m’humiex dejjem it-triqat tagħna. Imorru lil hinn mill-azzjonijiet tagħna, li dejjem huma inkompleti. U l-intenzjonijiet tal-qalb tagħna li huma dejjem imperfetti. Alla qatt ma jista’ jiġi użat għall-finijiet ta’ moħħna l-għaliex hu ‘il fuq minn kollox u kulħadd”.

Imma dan il-kliem sabiħ fuq Alla għandu l-konsegwenzi prattiċi tiegħu. Tant hu hekk li San Ġwann Pawlu II issokta jfisser li “din ix-xhieda tal-fidi, hija vitali għalina u li qatt ma tista’ titollera kemm l-infedeltà lejn Alla jew l-indifferenza għall-verità, hija magħmula mir-rispett lejn it-tradizzjonijiet reliġjużi. L-għaliex kull persuna tittama li tkun rispettata għal dak li fil-fatt hi u għal dak li fil-kuxjenza tagħha temmen. Nixtiequ li ilkoll nilħqu l-milja tal-verità divina. Imma ħadd ma jista’ jagħmel dan ħlief permezz tal-għażla libera tal-kuxjenza tiegħu, imħarsa minn pressjonijiet esterjuri li jistgħu ma jixirqux lill-qima libera tar-raġuni u tal-qalb li hija karatteristika tad-dinjità tal-bniedem. Hemm, it-tifsira vera tal-libertà reliġjuża, li, fl-istess ħin, tirrispetta lil Alla u lill-bniedem. Hija l-qima sinċiera ta’ adoraturi bħal dawn li Alla jistenna, ta’ adoraturi fl-ispirtu u l-verità” (nru. 4).

Inkwantu għat-tieni valur, dak tal-bniedem, il-Papa irrepeta dak li nsibu fid-Dikjarazzjoni Nostra Aetate. Jiġifieri, li “ma nistgħux insejħu ‘l Alla bħala Missier il-bnedmin kollha jekk nirrifjutaw li nġibu ruħna bħala aħwa ma’ xi wħud mill-bnedmin li huma maħluqa xbieha ta’ Alla” (nru. 5).

Għal San Ġwann Pawlu II fil-prattika dan ifisser li “għandna nirrispettaw ukoll, inħobbu u ngħinu lil kull persuna l-għaliex hija ħlejqa ta’ Alla. U, f’ċertu sens, il-bniedem hu x-xbieha u r-rappreżentant tiegħu. L-għaliex il-bniedem hu t-triq li jwassal għand Alla. U l-għaliex hu ma jistax isib il-milja tiegħu b’mod sħiħ jekk ma jsirx jaf lil Alla. Jekk ma jilqgħux b’qalbu kollha. U jekk ma jobdiehx sal-punt tat-toroq tal-perfezzjoni. Aktar minhekk din l-ubbidjenza lejn Alla u din l-imħabba għall-bniedem għandha tmexxina biex nirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. Dawn id-drittijiet li huma l-espressjoni tar-rieda ta’ Alla u l-obbligi tan-natura umana kif ġiet maħluqa minn Alla. Għalhekk, rispett u djalogu ifissru reċiproċità fl-oqsma kollha, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet bażiċi, b’mod partikulari l-libertà reliġjuża. Dawn jiffavorixxu l-paċi u l-qbil bejn il-popli. Jgħinu biex jiġu solvuti flimkien il-problemi tal-irġiel u n-nisa tallum, l-aktar dawk taż-żgħażagħ”.

L-erba’ forom tad-djalogu, kif jindika d-dokument maħruġ mill-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż, Djalogu u Proklamazzjoni, huwa s-sinsla tad-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani. Bid-djalogu tal-ħajja l-Insara u l-Musulmani jgħixu bħall-aħwa. Bid-djalogu tal-azzjoni l-Insara u l-Musulmani jikkollaboraw flimkien għall-iżvilupp sħiħ u l-ħelsien tal-popli. Bid-djalogu tal-iskambju teoloġiku l-ispeċjalisti Insara u Musulmani jgħinu lil xulxin japprezzaw il-valuri spiritwali tagħhom. U, fl-aħħar nett, bid-djalogu tal-esprjenza reliġjuża l-Insara u l-Musulmani prattikanti jaqsmu l-għana spiritwali tagħhom fit-talb u fil-kontemplazzjoni, fil-fidi u f’modi ta’ kif wieħed ifittex lil Alla jew l-Assolut. Jalla l-midja u l-edukazzjoni jkomplu jagħtu palata kbira lil dan id-djalogu neċessarju għalina ilkoll!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: