Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Esperjenza sabiħa

Esperjenza sabiħa


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli l-pjaċir u l-privileġġ li nieħu sehem fil-programm Ċikku l-Poplu li jixxandar fuq One Radio nhar ta’ Erbgħa mill-10.00 ta’ filgħaxija sa nofsillejl. Il-programm jitmexxa minn Etienne Schembri u Georvin Bugeja.

Jiena kont mistieden għal dan il-programm popolari fil-puntata tal-Erbgħa 20 ta’ Jannar. Miegħi kien mistieden ukoll l-Imam tal-Komunità Musulmana f’Malta Mohamed El Sadi. It-tnejn li aħna rajna kemm hu importanti li nsiru midħla ta’ xulxin. Id-djalogu u l-ħbiberija bejn iż-żewġ reliġjonijiet hija ta’ mportanza kbira. Ma jistax ikollna l-paċi fid-dinja mingħajr ma jkun hemm il-paċi bejn ir-reliġjonijiet.

Il-valur tat-tolleranza huwa importanti. Madankollu t-tolleranza waħedha mingħajr tagħlim u formazzjoni ma tkunx tassew tolleranza. Jinħtieġilha tkun imsejsa fuq il-verità. F’kuntest ta’ Musulmani li qiegħdin jgħixu f’soċjetà li hija msejsa fuq il-valuri demokratiċi huwa ta’ importanza kbira li dawn il-valuri jitħarsu minn kulħadd, inklużi mill-Musulmani wkoll. Jagħmel sens għalhekk dak li qal fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna f’quddiesa li iċċelebra f’Jum l-Emigranti u r-Refuġjati nhar il-Ħadd 17 ta’ Jannar ta’ din is-sena. “X’nitolbu mill-emigranti li jiġu fostna? L-ewwel nett nitolbu li aħna ngħixu flimkien fil-paċi, nitolbu wkoll li l-akkwisti kollha li aħna għamilna bħala soċjetà fir-rispett tad-dinjità tal-mara, fir-rispett tal-libertà reliġjuża, min għadu ma skoprihomx, igawdihom magħna biex aħna l-mixja tagħna tkun mixja ‘l quddiem u mhux lura”.

F’dan il-programm pożittiv, informattiv u formattiv li kellna ħareġ punt ieħor importanti. Li, minkejja d-differenzi duttrinali u kulturali bejn il-Kristjaneżmu u l-Iżlam, hemm ukoll ħwejjeġ komuni għaż-żewġ reliġjonijiet. Waqt li kont qed nitħaddet mal-Imam ftakart f’dak li tgħid l-Istqarrija tal-Konċilju Vatikan II dwar ir-Relazzjonijiet tal-Knisja mar-Reliġjonijiet mhux Insara, in-Nostra Aetate.

“Il-Knisja tħares ukoll b’rispett lejn il-Musulmani li jaduraw ‘l Alla waħdani, li hu ħaj u li jgħix minnu nnifsu, li hu ħanin u jista’ kollox, ħallieq tas-sema u l-art, Alla li tkellem mal-bnedmin.  Huma jfittxu li joqgħodu b’qalbhom kollha għad-digrieti tiegħu, ukoll dawk moħbija, bħalma qagħad għar-rieda ta’ Alla Abraham li l-fidi Islamika tagħraf bil-qalb.  Għalkemm huma ma jagħrfux lil Ġesu bħala Alla, iżda huma jqimuh bħala profeta; huma jweġgħu lil Ommu Marija Verġni u xi drabi jitolbuha b’devozzjoni.  Barra minn dan huma jistennew jum il-ħaqq meta, wara l-qawmien mill-imwiet, Alla jagħti lil kullħadd dak li ħaqqu.  Hekk ukoll huma jgħożżu l-ħajja morali u jagħtu qima lil Alla, fuq kollox bit-talb, bl-għoti ta’ l-elemożina u bis-sawm” (nru. 3).

Nixtieq infakkar f’dak li qal Papa Franġisku fil-laqgħa tiegħu mal-Komunità Musulmana fil-Moskeja Ċentrali ta’ Koudoukou: “Aħna l-Insara u l-Musulmani aħwa. Għalhekk irridu naraw lilna nfusna hekk, inġibu ruħna t’hekk”. Ejjew it-tnejn li aħna niddjalogaw, nippromovu l-persuna umana, nirrispettaw il-libertà reliġjuża u d-dinjità tal-mara, u nikkonformaw mal-liġi ċivili imsejsa fuq il-karta universali tad-drittijiet tal-bniedem. Jekk trid tkun taf aktar dwar l-Iżlam fir-relazzjoni tiegħu mas-soċjetajiet tagħna tal-punent nissuġġerilek il-ktieb ta’ Samir Khalil Samir bit-titlu 111 Questions on Islam and the West. Dan il-ktieb jgħin lilna l-Insara ngħixu b’mod rejali ma’ ħutna l-Musulmani.

Fl-aħħar nett lil Etienne u lil Georvin ngħidhielhom a la ingliża: keep it up! Grazzi ta’ din l-esperjenza sabiħa!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: