Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-Madonna tas-suffejra

Il-Madonna tas-suffejra


Patri Mario Attard OFM Cap

Nidħol f’din is-sala. U naraha quddiemi. Safra daqs il-qarsa tax-xemgħa. B’wiċċa u wiċċ il-Bambin, li b’tant imħabba u għożża qiegħdha iżżomm magħha, donnhom ħadu waħda ‘l isfel. Ikolli ngħid li din il-Madonna għandha s-sufferja!

Jiena mediċina ma nafx. Għalkemm tista’ tgħid ngħix magħha. Issa din il-biċċa tal-Madonna tas-suffejra tgħidx kemm ħawditli l-fundamenti ta’ moħħi! Mhux l-għaliex xi darba se jseħħli nifimha tafux! Daqskemm l-għaliex hija tant rejali. Ommi kienet tgħidli: “Ara tieħu xi qatgħa li ma taqbdikx is-sufferja!” Min jaf l-għaliex din il-Madonna hija daqshekk bajda? Forsi l-għaliex hija wkoll, flimkien ma’ Ġesù magħha, jieħdu l-qtajja’ minħabba l-ommijiet li jidħlu f’din is-sala?

Mhux qatgħa jew li filli tkun qed tistenna b’tant ħerqa li tkun omm, l-aktar għall-ewwel darba, imbagħad jinqala’ xi għawġ u kollox jibda’ imur ħażin? Mhux qatgħa li filli t-tarbija tkun tħossha u mbagħad, u ma nafx għal liema raġuni, ma tħossihiex aktar? Mhux qatgħa li wara tqala daqshekk mimlija aspettativa jinqala’ xi ħaġa u t-tarbija jew ma tiġix mija fil-mija b’saħħitha jew inkella, u tassew Alla ħares qatt, titwieled bla ħajja jew tħallina waqt il-ħlas inkella mumenti wara? Mhux qatgħa li tqala li suppost issir b’mod naturali tispiċċa b’ċesarja? U miskina dik l-omm li tara l-Kalvarju?

U l-Madonna u l-Bambin, sofor lellux, qiegħdin hemm. Jisimgħu l-karbiet ta’ min ġietu ħażina. U jaraw id-dmugħ ta’ dawk li l-ħolma tagħhom saret elf biċċa. U l-Madonna tas-sufferja nistħajjilha tibki hija wkoll. Iva! Tibki l-għaliex għandha l-għaliex. Bħalma jibki l-Bambin li għandha f’idejha x-xellugija. U jien, il-Patri, mhux l-ewwel darba li mort quddiemha u bħal donni rajtilha f’għajnejha d-demgħat kbar u mnikkta tagħha. Għalkemm moħbija. U mela min jieħu xi aħbar ħażina, jew jgħaddi minn xi burraxka, jxerred kemm ixerred dmugħ, mhux xorta se jibqagħlu kwantità kbira ta’ dmugħ moħbija xi jxerred? Dmugħ li dejjem lesti biex joħorġu f’okkażjonijiet differenti? Jiddependi miċ-ċirkustanza?

Kemm rajt ommijiet jibku l-għaliex ma jistgħux ikunu ommijiet aktar! U kemm magħhom jiena wkoll xerridt id-dmugħi ta’ missier għax bintu u ibnu jkunu ħadu daqqa kbira! U fejn triduni immur f’dawn il-mumenti daqshekk diffiċli? Mumenti fejn griżmejja jixxuttaw? U fommi jintebaq u kważi jissakkar, l-għaliex kliem aktar fuqu ma jibqagħlix? Le! Il-kliem, b’qawwietu kollha, huwa bla saħħa quddiem ir-rejaltà tat-telfa!

Nerġa’ ntennilkom minn qalbi: fejn triduni immur? Jekk mhux għand il-Madonna tas-suffejra? Jiġifieri għand dik il-Madonna li f’ħajjitha hi wkoll soffriet tant qtajja’? Ibda minn meta saret taf li kienet se tkun omm mingħajr l-għajnuna ta’ raġel? Imbagħad ġiet imqajma f’nofs ta’ lejl l-għaliex kellha taħrab ma’ Binha u Ġużeppi minħabba li Erodi ried joqtlilha lil Ġesù tagħha? Mhux qatgħa oħra kien hemm tistennieha meta t-tfajjel Ġesù intilfilha fit-Tempju ta’ Ġerusalem? Jew meta fis-sinagoga ta’ Nażaret imsarienha nieżlu f’saqajha l-għaliex ħasbet li Binha kien se jispiċċa minxur mejjet fl-art l-għaliex nies pajjiżha waħħluha f’rashom li jwaddbuh mill-għolja ta’ fejn kienet mibnija belthom għal isfel?

Mhux qatgħa ħasset meta rat tnejn li kienu jħokku ma’ Binha jgħid jiċħduħ u jittraduh? Mhux sfaret mewt bil-qatgħa li ħadet meta quddiem Pilatu semgħethom jikkonġuraw kemm jifilħu biex jagħżlu lil wieħed kriminal u lil Binha jaqtgħuhielu għall-mewt? U dan tafu l-għaliex? Minħabba l-misħuta għira ħi! U fl-aħħar donnu ma kienx biżżejjed li rathom ibiċċruh u jinkurunawh bix-xewk iżda saħansitra rathom jonxruh bla ħniena ma’ salib? Hekk? Quddiem wiċċha? X’ma taqbadhiex is-sufferja l-Madonna! X’ma tħarrisx iċċassata fil-baħħ meta Binha, li tant għamel ġid, spiċċa hekk!

Biss ħa nfakkrek ħaġa: fit-tielet jum dak il-wiċċ sfajjar mewt imtela’ bid-dawl ta’ Kristu Rebbieħ fuq il-mewt! Mela meta tara l-Madonna bis-sufferja ftakar li l-isfar tal-qatgħa f’wiċċha inbidel fil-bjuda tal-qawmien! Mhux hekk għad jinbidel tagħna?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: