Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Minn nuċċali tal-fidi!

Minn nuċċali tal-fidi!


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli qadja sal-Università. U kif għaddejt minn fejn il-Gateway Building (GW) rajt sitt kelmiet li laqtgħuni fil-laħam il-ħaj. Tant hu hekk li waqaft u, bil-kalma kollha, qgħadt niktibhom waħda waħda. Biex żgur ma ninsiehomx!

Dawn il-famużi kelmiet li lili tant ġagħluni naħseb kienu dawn: Ħabrek, Żbalja, Tgħallem … Irnexxi, Ikber, Għix. Issa jien, bħala Patri u Nisrani, għedt bejni u bejn ruħi: “Ħa nara ftit il-Bibbja xi tgħid dwarhom?” Għalhekk tlabt talba, ftaħt il-Bibbja u bdiet l-avventura! U x’sibt?

Ħa nibda’ mis-sejba li sibt permezz tal-kelma ħabrek! It-test hu dak ta’ San Pawl fejn fih l-Appostlu jiġbed widnejn dawk li jħobbu jpapupha. Mela lil bummers! Lil dawk li jridu jgħixu minn fuq dahar ħaddieħor! Tgħid minn dawn hawn? Isimgħu xi jgħid San Pawl: “Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.  Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m’humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh” (2 Tess 3:10-12). Irrid tiekol? Ħa naħdem u mhux nilgħabha tal-fqir meta minix! X’wiċċ għandi nieħu ħobż il-fqir?

It-tieni kelma hi żbalja! La ngħixu se niżbaljaw. Nidinbu. Imma jekk dnibt ħa mmur inqerr u hekk ninħafer. Tgħidilna l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen” (1 Ġw 1:9). U meta nidneb ħa nemmen li l-Mulej se jdawwar dnubi għall-ġid tiegħi stess! Hekk tgħidilna l-Ittra lir-Rumani: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28). U meta nidneb u nindem għandi insaħħaħ lil ħuti. Hekk jgħid Ġesù lil Pietru meta mhux biss ħabbarlu li kien se jiċħdu imma wkoll li kien se jindem milli kien għamel u hekk jerġa’ lura għas-sewwa. “Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek” (Lq 22:32).

It-tielet kelma hi tgħallem! “It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid” kien jgħid San Ġorġ Preca. Il-ktieb tal-Proverbji jħeġġiġni b’dan il-kliem: “Ikseb l-għerf, ikollok id-dehen, tinsihomx, u titwarrabx minn kliem fommi. Twarrbux minnek, u hu jżommok, ħobbu, u hu jieqaf miegħek” (Prov 4:5-6).

Imbagħad ir-raba’ kelma hija suċċess! X’barka hemm għalija meta lill-Mulej nobdih! Nimxi fi triqatu! Jitbierikli saħansitra l-ġid li għandi! Jgħidilna l-ktieb tal-Proverbji: “Ħares il-liġi  tal-Mulej, Alla tiegħek: imxi fit-triqat tiegħu, u oqgħod għal-liġijiet, għat-twissijiet, għad-digrieti u għall-preċetti li għamel hu, hekk kif hemm miktub fil-liġi ta’ Mosè, biex f’kull ma tagħmel u kull fejn iddawwar wiċċek issib ir-riżq” (1 Slat 2:3).

Il-ħames kelma li hemm fuq it-travu hija nikber! L-Ittra tal-Lhud tgħidli li jien nkun tassew kbir/a fl-ispirtu tiegħi meta nkun kapaċi nagħżel it-tajjeb mill-ħażin. “Tant hu hekk li għalkemm issa jmisskom sirtu mgħallmin, għadkom teħtieġu ‘l min jgħallimkom mill-ġdid l-ewwel elementi tal-kelma ta’ Alla; ġejtu fil-bżonn li tieħdu l-ħalib, u mhux ikel sħiħ. Issa kull min jieħu l-ħalib ma jifhimx il-kliem tal-ġustizzja, għax għadu tarbija. Imma l-ikel sħiħ hu tal-kbar, ta’ dawk li biż-żmien huma mdorrija jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin” (Lhud 5:12-14).

L-aħħar valur li jorbot dawn il-ħames valuri flimkien huwa għix! Il-ħajja. Il-ħajja li hija Ġesù Kristu nnifsu. Mela dak Ġesù li qal: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14:6). Lil Nikodemu Ġesù jgħidlu: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3:16-17).

Ħalli Inħabbrek! Niżbalja! Nitgħallem! … Nirnexxi! Nikber! Ngħix! Imbasta minn nuċċali ċar u veru tal-fidi!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: